15. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 29 t’April 2015
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Ir-riflessjoni tagħna fuq il-pjan oriġinali ta’ Alla għall-koppja tar-raġel u l-mara, wara li ħarisna lejn iż-żewġ rakkonti tal-Ktieb tal-Ġenesi, issa ddur direttament fuq Ġesù.
Ġwanni l-evanġelista, għall-bidu tal-Vanġelu tiegħu, jirrakkonta l-episodju tat-tieġ ta’ Kana, li fih kienu preżenti l-Verġni Marija u Ġesù, flimkien ma’ l-ewwel dixxipli tiegħu (ara Ġw 2:1-11). Ġesù mhux biss ħa sehem f’dak it-tieġ, imma “salva l-festa” bil-miraklu ta’ l-inbid! Mela, l-ewwel fost is-sinjali ta’ l-għaġeb tiegħu, li bih Hu wera l-glorja tiegħu, wettqu fil-kuntest ta’ żwieġ, u kien ġest ta’ simpatija kbira għal dik il-familja għadha qed titwieled, imħeġġeġ mill-għożża ta’ omm li kellha Marija. Dan ifakkarna fil-ktieb tal-Ġenesi, meta Alla jtemm l-opra tal-ħolqien u jagħmel il-kapulavur tiegħu: il-kapulavur hu r-raġel u l-mara. U hawn Ġesù sewwa sew jibda l-mirakli tiegħu b’dan il-kapulavur, fi żwieġ, waqt tieġ: raġel u mara. Hekk Ġesù jgħallimna li l-kapulavur tas-soċjetà hi l-familja: ir-raġel u l-mara li jinħabbu! Dan hu l-kapulavur!
Minn żmien it-tieġ ta’ Kana nbidlu ħafna ħwejjeġ, imma dak is-“sinjal” ta’ Kristu fih messaġġ li jibqa’ dejjem validu.
Il-lum jidher li m’hux faċli nitkellmu fuq iż-żwieġ bħala festa li tiġġedded maż-żmien, fid-diversi staġuni tal-ħajja sħiħa tal-miżżewġin. Huwa fatt li l-persuni li jiżżewġu qegħdin dejjem jonqsu; dan hu fatt: iż-żgħażagħ ma jridux jiżżewġu. F’ħafna pajjiżi, imma, qed jiżdied l-għadd tas-separazzjonijiet, waqt li qed jonqos l-għadd ta’ l-ulied. Id-diffikultà li jibqgħu flimkien – kemm bħala koppja, kemm bħala familja – qed tfarrak ir-rabtiet ta’ bejn xulxin dejjem iżjed ta’ spiss u b’mod aktar mgħaġġel, u huma sewwa sew l-ulied l-ewwel li jġorru l-konsegwenzi ta’ dan. Aħsbu ftit kif l-ewwel vittmi, l-iktar vittmi importanti, il-vittmi li qed isofru l-iżjed f’separazzjoni huma l-ulied. Jekk sa minn meta tkun għadek żgħir tibda dduq iż-żwieġ bħala rabta “għal ċertu tul ta’ żmien”, inkonxjament għalik hekk ħa jkun. Fil-fatt, ħafna żgħażagħ tendenzjalment qed jirrifjutaw l-istess proġett ta’ rabta irrevokabbli u ta’ familja li tibqa’ fit-tul. Nemmen li jeħtieġ nirriflettu b’serjetà akbar fuq ir-raġuni għaliex tant żgħażagħ “ma jħossux” li għandhom jiżżewġu. Hemm din il-kultura tal-proviżorju… kollox sar proviżorju, donnu m’għad fadal xejn defenittiv.
Din taż-żgħażagħ li ma jridux jiżżewġu hi waħda mill-preokkupazzjonijiet li joħorġu l-lum il-ġurnata: Għaliex iż-żgħażagħ m’humiex jiżżewġu? Għaliex spiss jippreferu li jikkoabitaw, u ħafna drabi jagħmlu dan b’“responsabbiltà limitata”? Għaliex ħafna – anki fost l-imgħammdin – ftit jemmnu fiż-żwieġ u fil-familja? Importanti nippruvaw nifhmu, jekk irridu li ż-żgħażagħ isibu t-triq it-tajba li jridu jimxu fiha. Għaliex ma jemmnux fil-familja?
Id-diffikultajiet m’humiex biss ta’ bixra ekonomika, anki jekk dawn huma tabilħaqq serji. Ħafna jżommu li l-bidla li seħħet f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin ġrat minħabba l-emanċipazzjoni tal-mara. Imma lanqas dan l-argument ma jgħodd, hu falz, m’hux minnu! Hu għamla ta’ maskiliżmu dan, li dejjem irrid jirkeb fuq il-mara. Nispiċċaw naqtgħu l-figura ħażina li għamel Adam, meta Alla qallu: “Imma għaliex kilt mill-frott tas-siġra?”, u hu wieġbu: “Il-mara tatni minnu”. U t-tort hu tal-mara. Imsejkna mara! Hemm bżonn niddefenduhom lin-nisa! Fir-realtà, kważi l-irġiel u n-nisa kollha jixtiequ ċertezza affettiva stabbli, żwieġ b’saħħtu u familja hienja. Il-familja hi fil-quċċata tal-listi kollha ta’ x’jixtiequ ż-żgħażagħ; imma, għax jibżgħu li jiżbaljaw, ħafna lanqas biss iridu jaħsbu fiha; anki jekk huma Nsara, ma jgħaddilhomx minn moħħhom iż-żwieġ sagrament, sinjal waħdieni u irripetibbli tal-patt, li jsir xhieda tal-fidi. Forsi propju dan il-biża’ li jfallu hu l-aktar ħaġa li xxekkilhom milli jilqgħu l-kelma ta’ Kristu, li jwiegħed il-grazzja tiegħu għall-għaqda ta’ bejn il-miżżewġin u fuq il-familja.
Ix-xhieda l-aktar persważiva tal-barka taż-żwieġ Nisrani hi l-ħajja tajba tal-miżżewġin Insara u tal-familja. M’hemmx mod aħjar kif ngħidu kemm hu sabiħ dan is-sagrament! Iż-żwieġ ikkonsagrat minn Alla jħares dik ir-rabta bejn raġel u mara li Alla bierek sa mill-ħolqien tad-dinja u hu għajn ta’ sliem u ta’ ġid għall-ħajja kollha konjugali u familjari. Ngħidu aħna, fl-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżmu, din id-dinjità kbira tar-rabta bejn raġel u mara għelbet abbuż li f’dak iż-żmien kien meqjus għal kollox normali, jiġifieri d-dritt ta’ l-irġiel miżżewġa li jkeċċu lin-nisa tagħhom, anki għall-iżjed raġunijiet bla sens u umiljanti. Il-Vanġelu tal-familja, il-Vanġelu li jħabbar sewwa sew dan is-Sagrament, rebaħ fuq din il-kultura li fiha kienet ħaġa komuni li l-mara titkeċċa mir-raġel.
Iż-żerriegħa Nisranija ta’ l-ugwaljanza radikali bejn il-miżżewġin jeħtieġ li l-lum iġġib frott ġdid. Ix-xhieda tad-dinjità soċjali taż-żwieġ issir persważiva propju b’din it-triq, it-triq tax-xhieda li tiġbed lejha, it-triq tar-reċiproċità bejniethom, tal-kumplimentarjetà bejniethom.
Għalhekk, bħala Nsara, jeħtieġ insiru iżjed esiġenti f’dan. Ngħidu aħna: inwieżnu b’determinazzjoni d-dritt ta’ paga ndaqs għall-istess xogħol. Għaliex neħduha ovvja li n-nisa għandhom jaqilgħu inqas mill-irġiel? Le! Għandhom l-istess drittijiet. L-inguwaljanza hi skandlu pur! Fl-istess waqt, nagħrfu bħala għana li dejjem tibqa’ tiswa l-maternità tan-nisa u l-paternità ta’ l-irġiel, ħaġa li minnha qabel xejn igawdu t-tfal. Bl-istess mod, il-virtù ta’ l-ospitalità tal-familji Nsara l-lum tilbes mill-ġdid importanza kruċjali, speċjalment fis-sitwazzjonijiet ta’ faqar, ta’ telqa, ta’ vjolenza familjari.
Għeżież ħuti, ejjew ma nibżgħux nistiednu lil Ġesù għall-festa tat-tieġ, nistednuh id-dar tagħna, biex ikun magħna u jħares il-familja tagħna. U ma nibżgħux nistiednu anki lil Ommu Marija! L-Insara, meta jiżżewġu “fil-Mulej”, jinbidlu f’sinjal effikaċi ta’ l-imħabba ta’ Alla. L-Insara ma jiżżewġux biss għalihom infushom: jiżżewġu fil-Mulej għall-ġid tal-komunità kollha, tas-soċjetà kollha kemm hi.
Dwar din il-vokazzjoni sabiħa taż-żwieġ Nisrani, nitkellem ukoll fil-katekeżi li jmiss.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard