Katekeżi Familja, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Familja. It-Tliet Kelmiet – Jekk jogħġbok … Grazzi … Skużani


17. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 13 ta’ Mejju 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-katekeżi tal-lum qisha l-bieb tad-dħul għal serje ta’ riflessjonijiet fuq il-ħajja tal-familja, il-ħajja vera tagħha, biż-żminijiet u l-ġrajjiet tagħha. Fuq dan il-bieb tad-dħul hemm miktuba tliet kelmiet, li diġà użajt kemm-il darba f’din il-pjazza. U dawn il-kelmiet huma: “jekk jogħġbok”, “grazzi”, “skużani”. Fil-fatt dawn il-kelmiet jiftħulna t-triq biex ngħixu tajjeb fil-familja, biex ngħixu fis-sliem. Huma kelmiet sempliċi, imma mhux daqshekk sempliċi biex inpoġġuhom fil-prattika! Fihom qawwa kbira: il-qawwa li nħarsu d-dar, anki qalb elf diffikultà u prova; min-naħa l-oħra, in-nuqqas tagħhom, ftit ftit jiftaħ xquq li jistgħu saħanistra jġarrfuha.

Aħna normalment inħarsu lejhom bħala l-kelmiet ta’ l-“edukazzjoni t-tajba”. Tajjeb, persuna edukata titlob permess, tgħid grazzi u titlob skuża jekk tiżbalja. Sew, l-edukazzjoni tajba hi importanti ħafna. Isqof kbir, San Franġisk de Sales, kien iħobb jgħid li “l-edukazzjoni t-tajba hi diġà nofs il-qdusija”. Imma, attenti, fl-istorja rajna wkoll formaliżmu tal-manjieri t-tajba li jista’ jsir maskra li taħbi warajha n-nixfa tar-ruħ u n-nuqqas ta’ interess fil-persuna l-oħra. Jingħad li “wara tant manjieri tajba hemm moħbija vizzji koroh”. Lanqas ir-reliġjon m’hi meħlusa minn dan ir-riskju, fejn l-osservanza formali tispiċċa tiżloq fil-mondanità spiritwali. Ix-Xitan li jġarrab lil Ġesù jagħmilha li għandu manjieri tajba – hu veru sinjur, kavallier – u jikkwota l-Iskrittura Mqaddsa, donnu xi teologu. L-istil tiegħu jidher korrett, imma l-fehma tiegħu hi dik li jiżvija mill-verità ta’ l-imħabba ta’ Alla. Imma aħna l-edukazzjoni t-tajba qed nifhmuha fis-sens awtentiku tagħha, fejn l-istil tar-relazzjonijiet tajba għandu għeruq sodi fl-imħabba lejn dak li hu tajjeb u fir-rispett tal-persuna l-oħra. Il-familja tgħix b’din l-attenzjoni li tħobb.

Ħa naraw: l-ewwel kelma hi “jekk jogħġbok”. Meta nagħtu kas li nitolbu b’mod ġentili anki dak li forsi naħsbu li nistgħu neħduh bi dritt, inkunu qed inħarsu tabilħaqq l-ispirtu tal-konvivenza fiż-żwieġ u l-familja. Meta niġu biex nidħlu fil-ħajja tal-persuna l-oħra, anki meta din tagħmel parti minn ħajjitna, dan jitlob id-delikatezza ta’ mġiba li m’hix invażiva, li ġġedded il-fiduċja u r-rispett. Fi ftit kliem, il-kunfidenza ma tagħtiniex il-permess li nieħdu kollox qisu xejn m’hu xejn. U l-imħabba, iżjed ma hi intima u profonda, wisq iżjed tesiġi r-rispett tal-libertà u l-ħila li wieħed jistenna li l-ieħor jiftaħlu l-bieb ta’ qalbu. Dwar dan, niftakru dik il-kelma ta’ Ġesù fil-ktieb ta’ l-Apokalissi: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi” (3:20). Anki l-Mulej jitlob permess biex jidħol! Ma ninsewhx dan. Qabel nagħmlu xi ħaġa fil-familja: “Jekk jogħġbok, dan nista’ nagħmlu? Tieħu gost jekk nagħmel hekk?”. Dak il-lingwaġġ propju edukat imma mimli mħabba. U dan jagħmel ġid kbir lill-familji.

It-tieni kelma hi “grazzi”. Xi drabi jiġini li naħseb li qed insiru ċiviltà tal-maledukazzjoni u tal-kliem goff, bħallikieku dawn kienu xi sinjal ta’ emanċipazzjoni. Tant drabi nisimgħu min jgħid kliem bħal dan anki pubblikament. Il-ġentilezza u li wieħed jgħid grazzi donnhom saru jidhru qishom xi sinjal ta’ dgħufija, u xi kultant saħansitra jqanqlu suspett. Il-kuntrast ma’ din it-tendenza nsibuh fi ħdan l-istess familja. M’għandniex nagħmlu kompromessi fejn tidħol l-edukazzjoni għall-gratitudni, għar-rikonoxxenza: id-dinjità tal-persuna u l-ġustizzja soċjali t-tnejn li huma minn hawn jgħaddu. Jekk il-ħajja tal-familja tittraskura dan l-istil, anki l-ħajja soċjali titilfu. Il-gratitudni, imbagħad, għal min jemmen, tinsab fl-istess qalba tal-fidi: Nisrani li ma jafx irodd ħajr huwa wieħed li nesa b’liema lsien jitkellem Alla. Kemm hi ħaġa kerha! Niftakru fil-mistoqsija ta’ Ġesù, meta fejjaq l-għaxar imġiddmin u wieħed biss mar lura jirringrazzjah (ara Lq 17:18). Darba smajt tgħid lil waħda persuna anzjana, għarfa tassew, twajba ħafna, sempliċi, imma b’dak l-għerf tal-pjetà, tal-ħajja: “Il-gratitutdni hi xitla li tikber biss fl-art ta’ l-erwieħ nobbli”. Dik in-nobbiltà tar-ruħ, dik il-grazzja ta’ Alla fir-ruħ li twassalha biex tgħid grazzi, għall-gratitudni. Hi l-fjur ta’ ruħ nobbli. Hi ħaġa sabiħa din.

It-tielet kelma hi “skużani”. Kelma diffiċli, veru, imma daqstant ieħor meħtieġa. Meta tkun nieqsa, ix-xquq żgħar jitwessgħu – anki bla ma jridu – sakemm isiru toqob kbar. Mhux ta’ b’xejn fit-talba li għallimna Ġesù, il-“Missierna”, li tiġbor il-mistoqsijiet essenzjali kollha għal ħajjitna, insibu din l-espressjoni: “Aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Nagħrfu li nqasna, u nixtiequ li nagħtu lura dak li ħadna – ir-rispett, is-sinċerità, l-imħabba – dan jagħmilna denji tal-maħfra. U hekk inżommu l-infezzjoni milli tikber iżjed. Jekk m’aħniex kapaċi nitolbu skuża, dan ifisser li lanqas għandna ħila naħfru. Fid-dar fejn qatt ħadd ma jitlob skuża, tibda tonqos l-arja, u l-ilma jispiċċa qiegħed. Tant ġrieħi fir-relazzjonijiet ta’ mħabba, tant tiċrit fil-familji jibda meta nitilfu din il-kelma prezzjuża: “Skużani”. Fil-ħajja taż-żwieġ spiss ikun hemm l-illatikar… sa “itiru l-platti”, imma ħa nagħtikom dan il-parir: qatt tispiċċaw il-ġurnata bla ma tagħmlu paċi. Isimgħuha sewwa: illatikajtu r-raġel u l-mara? L-ulied mal-ġenituri? Illatikajtu bil-kbir? M’intomx tħossukom sew, imma m’hix din il-problema. Il-problema hi li dan is-sentiment għadu hemm l-għada. Għalhekk, jekk illatikajtu bejnietkom, qatt tispiċċaw il-ġurnata mingħajr ma tagħmlu paċi fil-familja. U kif nagħmel paċi? Ninżel għarkubbtejja? Le! Ġest wieħed żgħir biżżejjed, ħaġa żgħira u terġa’ lura l-armonija fil-familja. Biżżejjed żegħila, bla kliem xejn. Imma qatt tispiċċa l-ġurnata fil-familja bla ma tagħmel paċi. Fhimtuh dan? M’hux faċli, imma hekk tridu tagħmlu. U hekk il-ħajja ssir isbaħ milli hi.

Dawn it-tliet kelmiet-muftieħ tal-familja huma kelmiet sempliċi, u forsi għall-ewwel iġagħluna nitbissmu. Imma meta ninsewhom, ma nibqgħux nitbissmu, veru? L-edukazzjoni tagħna, forsi, qed tittraskurahom wisq. Il-Mulej jgħinna hi nsibulhom il-post tagħhom, fil-qalb tagħna, fid-dar tagħna, u anki fil-konvivenza ċivili tagħna. Huma l-kelmiet li għandna bżonn biex nidħlu tassew fl-imħabba tal-familja.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s