L-Arċisqof jagħti l-Ministeru tal-Lettorat lil tliet seminaristi


Il-Ħamis, 14 ta’ Mejju 2015: L-Arċisqof ta’ l-Ministeru tal-Lettorat lis-seminaristi Ryan Lee Pace, Mark Spiteri u Sinclair Bugeja, fil-parroċċa tal-Iklin.

L-Omelija tal-Arċisqof
Parroċċa tal-Familja Qaddisa, l-Iklin
Għeżież Mark, Ryan u Sinclair,
Huwa ta’ ferħ kbir għalija li nistitwikom Letturi, f’din il-parroċċa għażiża tal-Familja Mqaddsa.
Nixtieqkom b’mod speċjali tieħdu bħala tifkira importanti ta’ dan il-jum, it-Tieni Qari li smajna, fejn l-appostlu Missierna jitkellem dwar il-kelma ta’ Alla bħala don mogħti lilna b’xejn, u li għalkemm jista’ jagħtina d-drittijiet tal-għixien, m’għandux ikun għalina la mottiv ta’ poter wisq inqas t’ arroganza.
Intom illum qed tibdew diversi passi li, jekk Alla jrid, se jwasslukom għas-saċerdozju. U pass jibni fuq l-ieħor. Il-pass tal-Lettorat ifisser kemm għandha tkun fundamentali fil-ħajja tagħkom u f’kull ma tagħmlu l-Kelma t’Alla, li mhiex biss ktieb imma hija Persuna. Il-Kelma ta’ Alla li saret bniedem għandha isem: Ġesù ta’ Nazzaret. Mela intom u xxandru l-Kelma, m’intomx biss taqraw mill-Ktieb, imma qed tlaqqgħu l-poplu mal-leħen ħaj ta’ persuna ħajja. Jistgħu jsejħulna r-reliġjon tal-Ktieb, imma nħoss li dak it-titlu huwa riduttiv għaliex aħna ma nlaqqgħux in-nies ma’ ktieb, aħna nlaqqgħu n-nies ma’ Persuna, ma’ Persuna tad-demm u l-laħam, mal-Ispirtu ħaj tal-Mulej, il-Mulej, it-tieni persuna tas-Santissima Trinità, li sar bniedem u għammar fostna, il-Kelma ta’ Alla, il-Verbum Dei.
Il-Mulej huwa ħerqan li jgħammar fil-qalb tagħkom biex il-kelma li toħroġ minn fommkom tkun ħierġa mill-qalb li fiha jgħammar bħala l-prinċep tal-paċi, fidil u veru, Ġesù Kristu. Il-kelma tagħkom għandha tkun kelma profetika, ma tibżax mill-bnedmin imma tgħid il-kelma tal-verità bl-imħabba, biex tiddefendi l-bniedem fid-dinjità tiegħu, biex tiddefendi l-ħolqien fis-sħuħija u s-sbuħija tiegħu, biex tiddefendi d-drittijiet ta’ Alla li huwa mħabba. Alla għandu d-dritt ta’ min iħobbu.
Intom tridu tkunu wkoll nies li, kull fejn tgħaddu, tlaqqgħu l-poplu mal-kelma ħajja tiegħu billi b’ħajjitkom tkunu konformi ma’ dak li tgħidu. Illum qed jingħatalkom impenn divin: li l-kelma ta’ fommkom tikkonfermawha bil-ħajja tagħkom. Kull meta, minħabba d-dgħufija tagħkom, tirrealizzaw li dan mhux iseħħ, aħsbu fl-istedina kontinwa li l-Mulej jgħid fil-Vanġelu: indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba.
Din il-kelma hija wkoll mogħtija lilkom, u trid tkun kontinwament il-program ta’ ħajjitkom għax biex temmen fil-Bxara t-Tajba, biex temmen fl-Evanġelju, trid tkun ukoll disponibbli għall-indiema kontinwa, għal triq ta’ konverżjoni. Għalhekk, il-Lettorat li qed tirċievu llum huwa wkoll stedina għall-konverżjoni, għax il-Mulej, hu u jistedinna biex nisimgħu l-Bxara t-Tajba, jistedinna wkoll biex nindmu, biex niftħu qalbna għal dik iż-żabra li s-smigħ tal-Kelma t’Alla jaf iwettaq fil-qalb sinċiera li tkun trid tintelaq b’ġenerożità f’idejn il-Mulej.
Il-kelma li se xxandru, qisu li ma tkunx il-kelma tagħkom. Huwa minnu li l-kelma se tixxandar bil-medium tal-personalità tagħkom, imma itolbu l-Mulej il-grazzja li qatt ma xxandru lilkom infuskom, imma li tlaqqgħu l-poplu miegħu. Mela nitlobkom minn issa, biex tippreparaw omeliji u riflessjonjiet sbieħ imma qosra, u naf li qed ninterpreta x-xewqat qaddisa tal-poplu t’Alla li jixtieq ħafna li jiġi l-Knisja u bi dritt ma joħroġx minn hawn iffrustrat, irrabjat u ffastidjat. Il-poplu t’Alla jiġi l-Knisja biex joħroġ minn hawn rinfreskat, sollevat, entużjażmat bil-kelma ippreparata, mirquma u to the point. Nafu li m’intomx se tibdew tippridkaw minn għada, għaliex dak tagħmluh meta jasal id-Djakonat, imma il-Lettorat għandu jkun għalikom staġun sabiħ fejn intom tisimgħu l-Knisja, l-għarusa ta’ Ġesù, x’tixtieq tgħid fuq il-kelma tal-Għarus tagħha.
Nagħlaq b’dik l-espressjoni sabiħa ta’ San Ġwann il-Battista, li l-ferħ tiegħu kien li jisma’ leħen il-għarus. Illum qed jingħatalkom propju kustodja qaddisa: il-leħen tal-għarus kif għadditulna l-għarusa, għax l-Iskrittura Qaddisa li aħna naqraw minnha, kienet magħġuna mill-għarusa, hi u tisma’ leħen l-Għarus u hi u tiftakar x’għamel u x’qal, min kien u x’kien għaliha. Jalla l-ferħ tagħkom ikun li tisimgħu l-Kelma t’Alla u twettquha.

✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.