Li tilqa’ tifel ċkejken huwa att ta’ tama kbira fl-umanità


Il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju: L-Arċisqof iċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-wasla tal-urna bil-fdalijiet ta’ San Ġwann Bosco, fil-knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan Ħal Qormi.

L-Omelija tal-Arċisqof
Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan, Ħal-Qormi

“Min jilqa’ wieħed minn dawn iż-żgħar, ikun jilqa’ lili” (Mt 18,8). Ma nafx x’kellu f’moħhu San Ġwann Bosco dakinhar li ta ħarsa lejn il-mamà tiegħu Margerita, u pproponilha li jilqgħu l-ewwel tifel fid-dar tal-kenn li hu beda f’Torino, mitejn sena ilu. Dak iż-żmien, Torino kienet belt industrijalizzata li ħolqot ħafna orfni, kemm minħabba d-diffikultajiet familjari, kif ukoll minħabba t-taqlib soċjali. Il-kelma ta’ Ġesù: “min jilqa’ wieħed minn dawn iż-żgħar ikun jilqa’ lili”, San Ġwann Bosco żgur għixha u huwa xhud stroaordinarju tal-barka li ġabet magħha.

Li tilqa’ tifel ċkejken huwa att ta’ tama kbira fl-umanità, li inti tilqgħu fid-dinjità tiegħu, li ma toqgħodx tkejjel kemm se jiswielek keded u paċenzja, imma tara biss il-bżonn li persuna umana vulnerabbli tirċievi l-imħabba, il-kenn u l-wens.
Jiena nixtieq nirringrazzja qabel xejn lill-familja Salesjana f’Malta talli laqqgħatna hawn illum. Għalina huwa mument fejn aħna ngħidu grazzi, li f’iktar minn 100 sena li ilhom preżenti fostna s-Salezjani, taw xhieda tar-rigal straordinarju li l-Mulej ta lill-Knisja u lid-dinja fil-fundatur tagħhom u fil-kariżma tiegħu.
Nixtieq nislet ħsieb ċkejken mill-fatt li quddiemna hawn din l-urna għażiża li prattikament daret id-dinja, u li fiha żewġ aspetti li nħoss li huma importanti. L-ewwelnett, ix-xbieha hija riproduzzjoni tal-maskra tax-xemgħa li ħadu ulied San Ġwann Bosco kif ta l-aħħar nifs ta’ ħajtu fuq din l-art. Ix-xbieha li qegħdin taraw turina kif kien San Ġwann Bosco dakinhar li miet, dakinhar li l-Mulej fetaħlu l-bieb tas-sema u dan il-ġisem li ntradd lill-art, sar biss żerriegħa tal-immortalità tal-ħajja ta’ dejjem.
Kemm tkun ħaġa sabiħa, l-aħwa tiegħi Salesjani Maltin, li intom fis-soċjetà tagħna tkunu xbieha sabiħa ta’ Don Bosco, tal-fundatur tagħkom, li intom tkunu preżenza sabiħa ta’ mħabba lill-fqir, ta’ solidarjetà u ta’ edukazzjoni. Il-wiċċ ta’ Don Bosco jolqtok għas-serenità tiegħu, is-serenità ta’ bniedem li għamel id-dover li l-Mulej sejjaħlu għalih, u issa l-Mulej sejjaħlu biex jistrieħ fis-sliem.
Il-missjoni ta’ Don Bosco kienet li jħalli familja kbira warajh, li l-proġett tiegħu jkollu futur. U s-sigrieti tal-fundaturi huma li bħala leaders kellhom don speċjali li ma jiġix ripetut, imma kienu jafu jwasslu entużjażmu għall-proġett li m’għandux x’jaqsam magħhom imma ma’ xi ħaġa iżjed kbira u importanti. Kemm hu don kbir meta fil-Knisja jkollna dan id-don tal-qdusija, ta’ qaddisin li ma jippreżentawx lilhom infushom imma f’ħajjithom u bl-imħabba tagħhom isiru preżenza sabiħa ta’ Ġesù. U dan huwa s-sigriet, għaliex il-qaddisin joħolqu familji madwarhom li jibqgħu għax ma jmexxuhomx huma, imma jmexxihom l-Ispirtu tal-Mulej. Il-preżenza ta’ Ġesù fihom hi ħafna ikbar minnhom u għalhekk tibqa’ twennes u twieżen lill-Knisja.
It-tieni aspett huwa li fl-urna hemm id-driegħ qaddis ta’ San Ġwann Bosco. Għandna immaġini ta’ kif inhu l-ġisem tiegħu f’Turin, imma mbagħad għandna biċċa minn ġismu, id-driegħ tiegħu. Il-messaġġ tiegħi għalikom, għeżież ħuti Salesjani, hija li intom tkunu dawk id-driegħi ta’ Ġwanni Bosco, li jilqgħu lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna għaliex mhux id-driegħ tal-għadam imma t-tgħannieqa tal-qalb, tgħannieqa inklussiva li tilqa’ lil kulħadd, hu min hu, hi min hi, ġej min fejn ġej, ta’ liema kulur hu jew hi, ta’ liema kundizzjoni soċjali hu jew hi, ta’ liema livell ta’ edukazzjoni u potenzjal. Is-sejħa tagħkom hija li turu t-tgħannieqa safja tal-Mulej li jbierek lil min jilqa’ l-iżgħar u jisħet lil min jagħmlilhom ħsara.
Jiena nafdakom f’idejn Marija Għajnuna tal-Insara, nafdakom f’idejn il-fundatur San Ġwann Bosco u magħkom nafda lid-Djoċesi, lil Malta tagħna li hija tant għażiża għalina biex aħna nibqgħu nipproduċu nies ġenerużi li jafu joħolmu u jwettqu, li ma jibżgħux jgħidu kelma ta’ ġid anke meta l-prezz ikun għoli, imma fuq kollox jinvestu fl-edukazzjoni vera, l-edukazzjoni li ttella’ ċittadini li għax iħobbu lil Alla u lil proxxmu, huma l-aqwa u l-ikbar investiment.
San Ġwann Bosco, itlob għalina.

✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.