Katekeżi Familja, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Familja. Familja u Faqar


20. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 3 ta’ Ġunju 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

F’dawn l-Erbgħat irriflettejna fuq il-familja u ħa nibqgħu mexjin fuq din it-tema, nirriflettu fuq il-familja. U mil-lum il-katekeżi tagħna se titwessa’ iżjed, bir-riflessjoni tagħna tmur fuq il-vulnerabbiltà tal-familja, fil-kundizzjonijiet tal-ħajja li jippruvawha. Il-familja għandha ħafna problemi li jgħadduha mill-prova.

Waħda minn dawn il-provi hi l-faqar. Naħsbu f’tant familji li jimlew il-periferiji tal-bliet il-kbar, imma anki fiz-zoni rurali… Din il-miżerja, dan il-faqar kbir! U mbagħad, biex taggrava s-sitwazzjoni, f’xi postijiet hemm ukoll il-gwerra. Il-gwerra hi dejjem ħaġa tassew kerha. Barra minn hekk, hi tolqot b’mod speċjali lill-popolazzjonijiet ċivili, il-familji. Tassew li l-gwerra hi “omm il-faqar kollu”, il-gwerra tfaqqar lill-familja, taħsad il-ħajjiet, l-erwieħ, u l-imħabbiet l-iżjed qaddisa u għeżież.

Minkejja dan kollu, hemm ħafna familji foqra li b’dinjità jfittxu li jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum, spiss jafdaw b’mod miftuħ fil-barka ta’ Alla. Din il-lezzjoni, imma, m’għandhiex tiġġustifika l-indifferenza tagħna, jekk xejn għandha ġġagħalna nistħu iżjed għall-fatt li hawn tant faqar! Għoddu miraklu li, anki qalb il-faqar, il-familja tkompli tissawwar, u saħanistra tikkonserva – kif tista’ – l-umanità speċjali tar-rabtiet tagħha. Dan il-fatt jirrita lil dawk il-‘pjanifikaturi tal-benessri’ li jqisu l-affetti, it-tnissil, ir-rabtiet familjari bħala varjabbli sekondarju għall-kwalità tal-ħajja. Ma fehmu xejn! Imma aħna għandna ninżlu għarkubbtejna quddiem dawn il-familji, li huma skola vera ta’ umanità li tista’ ssalva lis-soċjetà mill-atti barbariċi.

Fil-fatt, x’jibqgħalna jekk inċedu għar-rikatt ta’ Ċesri u Mammona, tal-vjolenza u tal-flus, u nwarrbu anki l-istess imħabba fil-familja? Nistgħu naslu għal etika ġdida ċivili biss meta dawk responsabbli mill-ħajja pubblika jerġgħu jfittxu r-rabta soċjali, billi qabel xejn jibdew jeħduha kontra l-‘ispirali’ perversa bejn familja u faqar, li sa tixħitna fl-abbiss.

L-ekonomija tal-lum spiss tfittex li tispeċjalizza fil-pjaċir tal-ġid individwali, imma tisfrutta b’mod wiesa’ r-rabtiet familjari. Hi kontradizzjoni gravi, din! Il-ħidma immensa tal-familja naturalment ma tiġix ikkwotata fil-bilanċi! Fil-fatt l-ekonomija u l-politika huma xħaħ meta jiġu biex jirrikonoxxu dan. U safrattant, it-tiswir ġewwieni tal-persuna u ċ-ċirkulazzjoni soċjali ta’ l-affetti propju hemm għandhom il-pilastru tagħhom. Jekk tneħħih, jogħtor kollox.

Din m’hix biss kwistjoni ta’ ħobż. Qed nitkellmu fuq xogħol, fuq tagħlim, fuq saħħa. Importanti li dan nifhmuh sew. Dejjem nitqanqlu meta jaslulna l-istampi u l-filmati ta’ tfal bil-ġuħ jew morda minn ħafna rkejjen tad-dinja. Fl-istess ħin, imissulna wkoll ħafna qalbna l-għajnejn jixegħlu ta’ tant tfal, imċaħħda minn kollox, li qegħdin fi skejjel mibnija mix-xejn, meta juruna kollhom imkabbra l-lapes u l-pitazz tagħhom. U b’liema mħabba jħarsu lejn l-għalliem jew għalliema tagħhom! Tassew li t-tfal jafu li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix! Anki l-imħabba fil-familja; fejn hemm il-faqar it-tfal ibatu, għax huma jridu l-imħabba, ir-rabtiet fil-familja.

Aħna l-Insara għandna nħossuna dejjem eqreb lejn il-familji li l-faqar qed jippruvahom. Imma aħsbu ftit, kollha kemm intom tafu lil xi ħadd: missier bla xogħol, omm bla xogħol… u l-familja tbati, ir-rabtiet jiddgħajfu. Kemm hi ħaġa kerha din! Fil-fatt, il-miżerja soċjali tolqot lill-familja u xi drabi teqridha. In-nuqqas jew it-telfa tax-xogħol, jew il-prekarjetà qawwija tiegħu, iħallu effett terribbli fuq il-ħajja tal-familja, u jgħaddu lir-relazzjonijiet minn prova qawwija. Il-kundizzjonijiet tal-ħajja fil-kwartieri l-aktar foqra, bil-problemi ta’ għixien u ta’ trasport, kif ukoll dawk ta’ nuqqas ta’ servizzi soċjali, ta’ saħħa jew skolastiċi, jikkawżaw aktar diffikultajiet. Ma’ dawn il-fatturi materjali nżidu l-ħsara kkawżata lill-familji mill-mudelli foloz, imxerrda mill-medja tal-massa msejsa fuq il-konsumiżmu u l-kult tad-dehra, li jinfluwenzaw il-klassijiet soċjali l-aktar foqra u jkabbru l-firdiet familjari. Ejjew inħarsu l-familji, nieħdu ħsieb ta’ l-imħabba, meta l-miżerja tgħaddi lill-familja mill-prova!

Il-Knisja hi omm, u ma tridx tinsa din it-traġedja li għaddejjin minnha wliedha. Anki hi għandha tkun fqira, biex issir għammiela u kapaċi twieġeb għal tant faqar. Knisja fqira hi Knisja li tipprattika minn jeddha s-sempliċità fil-ħajja tagħha – fl-istess istituzzjonijiet tagħha, fl-istil ta’ ħajja tal-membri tagħha – biex tfarrak kull ħajt li jifred, fuq kollox mill-foqra. Huma meħtieġa t-talb u l-azzjoni. Nitolbu bil-qawwa lill-Mulej, biex jheżżiżna ftit, biex jagħmel lill-familji Nsara tagħna protagonisti ta’ din ir-rivoluzzjoni tal-qrubija familjari, li issa hi hekk meħtieġa għalina! Minnha, minn din il-qrubija lejn il-familja, sa mill-bidu tagħha, hi magħmula l-Knisja. U ma ninsewx li l-ġudizzju ta’ min hu fil-bżonn, taċ-ċkejknin u tal-foqra jiġi qabel il-ġudizzju ta’ Alla (Mt 25:31-46). Ma ninsewhx dan u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu lill-familji jibqgħu mexjin ’il quddiem minkejja l-prova tal-faqar u tal-miżerja li qed jolqtu l-imħabbiet, ir-rabtiet familjari. Nixtieq naqra għal darb’oħra s-silta tal-Bibbja li smajna fil-bidu, u kull wieħed u waħda minna jaħseb fil-familji li għaddejjin mill-prova tal-miżerja u tal-faqar, għax il-Bibbja tgħid hekk: “Ibni, iċċaħħadx lill-fqir mill-għajxien tiegħu, u l-bniedem fil-bżonn li jħares lejk tħallihx jistenna għal xejn. Lil min hu bil-ġuħ tnikkitx, u tkiddx lill-bniedem fil-bżonn. Qalb mikduda tkomplix tkiddha, u ’l min hu fil-bżonn tħallihx jistenna l-għotja tiegħek. Tiċħadx lil tallab fil-għaks, u ddawwarx wiċċek mill-fqir. Iddawwarx wiċċek minn wieħed fil-bżonn, u tagħti ’l ħadd l-okkażjoni li jisħtek” (Sir 4:1-5a). Għax dan hu dak li jagħmel il-Mulej – jgħidu hu fil-Vanġelu – jekk aħna ma nagħmlux dawn il-ħwejjeġ.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s