Katekeżi Familja, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Familja. Familja u Mard


21. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 10 ta’ Ġunju 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu bil-katekeżi tagħna fuq il-familja, u f’din il-katekeżi nixtieq immiss ma’ aspett komuni ħafna fil-ħajja tal-familji tagħna, dak tal-mard. Hi esperjenza tad-dgħufija tagħna, li ngħixuha l-iżjed fil-familja, sa minn ċkunitna, u mbagħad fuq kollox bħala anzjani, meta jasal il-mard tax-xjuħija. Fl-ambitu tar-rabtiet familjari, il-mard tal-persuni li nħobbu nġarrbuh b’“iżjed” tbatija u diqa. Hi l-imħabba li ġġagħalna nħossu dan l-“iżjed”. Ħafna drabi għal missier jew omm, hi aktar iebsa li jissaportu t-tbatija ta’ iben, ta’ bint, milli tagħhom infushom. Il-familja, biex ngħidu hekk, sa minn dejjem kienet l-eqreb “sptar”. Sal-lum, f’ħafna partijiet tad-dinja, l-isptar hu privileġġ għall-ftit, u spiss hu mbiegħed. Huma l-omm, il-missier, l-aħwa, in-nanniet li jiggarantixxu l-kura u jgħinu għall-fejqan.

Fil-Vanġeli hemm ħafna paġni li jirrakkontaw il-laqgħat li Ġesù kien ikollu mal-morda u kif kien jara ħa jfejjaqhom. Hu jippreżenta ruħu pubblikament bħala wieħed li jeħodha mal-mard u li ġie biex ifejjaq lill-bniedem minn kull ħażen: il-ħażen tar-ruħ u l-ħażen tal-ġisem. Tabilħaqq tqanqalna x-xena tal-Vanġelu li għadna kemm qrajna dwarha fil-Vanġelu ta’ Mark. Jgħid hekk: “Fil-għaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan” (1:32). Jekk naħseb fl-ibliet il-kbar ta’ żmienna, nistaqsi fejn huma l-bibien li quddiemhom nistgħu nieħdu lill-morda tagħna bit-tama li jiġu mfejqa! Ġesù qatt ma ħarab milli jieħu ħsiebhom. Qatt ma għadda minn maġenbhom u baqa’ sejjer, qatt ma dawwar wiċċu n-naħa l-oħra. U meta xi missier jew omm, jew inkella mqar sempliċement ħbieb kienu jressqulu quddiemu xi marid biex imissu u jfejqu, ma kienx joqgħod jaħsibha; il-fejqan kien jiġi qabel il-liġi, anki dik hekk qaddisa bħalma kienet tal-mistrieħ tas-Sibt (ara Mk 3:1-6). L-għorrief tal-liġi kienu jċanfru lil Ġesù għax kien ifejjaq nhar ta’ Sibt, għax kien jagħmel il-ġid is-Sibt. Imma l-imħabba ta’ Ġesù kienet li jagħti l-fejqan, jagħmel il-ġid: u dan dejjem għandu l-ewwel post!

Ġesù jibgħat lid-dixxipli biex iwettqu l-istess opra tiegħu u jagħtihom il-qawwa li jfejqu, jew aħjar, li jersqu lejn il-morda u jieħdu ħsiebhom kif imiss (ara Mt 10:1). Jeħtieġ inżommu sew f’moħħna dak li qal lid-dixxipli fl-episodju ta’ l-agħma mit-twelid (Ġw 9:1-5). Id-dixxipli – bl-agħma hemm quddiemhom! – kienu qed jiddiskutu fuq min kien il-ħati tad-dnub, għax hu kien twieled agħma, jekk kienx hu jew il-ġenituri tiegħu, li ġabu fuqu dak l-għama. Il-Mulej qalilhom b’mod ċar: la hu u lanqas il-ġenituri tiegħu; seħħ dan biex tidher fih il-qawwa ta’ Alla. U fejqu. Araw il-glorja ta’ Alla! Araw x’inhu xogħol il-Knisja! Li tgħin lill-morda, ma toqgħodx tintilef fit-tpaċpiċ, imma tgħin dejjem, tfarraġ, isserraħ, tkun qrib tal-morda; dan hu xogħolha.

Il-Knisja tistedinna għat-talb kontinwu għall-għeżież tagħna milquta mid-deni. It-talb għall-morda m’għandu qatt jonqos. Anzi jeħtieġ nitolbu iżjed, kemm personalment u kemm fil-komunità. Ejjew naħsbu fl-episodju tal-Vanġelu tal-mara Kagħnanija (ara Mt 15:21-28). Hi mara pagana, m’hix mill-poplu ta’ Israel, imma pagana li titlob lil Ġesù jfejqilha lil bintha. Ġesù, biex iġarrab il-fidi tagħha, għall-ewwel iweġibha b’mod iebes: “Ma nistax, irrid naħseb l-ewwel fin-nagħaġ ta’ Israel”. Imma l-mara ma ċċedix – l-omm, meta titlob l-għajnuna għal uliedha, ma ċċedi qatt; kollha nafu li l-ommijiet jiġġiedlu għal uliedhom – u twieġbu: “Iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom”, qisha trid tgħidlu: “Ta’ l-inqas ittrattanti ta’ kelb!”. Hawn Ġesù jweġibha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq!” (v. 28).

Quddiem il-mard, anki fil-familji jqumu d-diffikultajiet, minħabba fid-dgħufija umana. Imma, ġeneralment, żmien il-mard isaħħaħ ir-rabtiet fil-familja. U hawn naħseb f’kemm hu importanti nedukaw lill-ulied sa minn ċkunithom għas-solidarjetà waqt il-mard. Edukazzjoni li tevita s-sensibbiltà għall-mard tal-bniedem, tnixxef il-qalb. U lit-tfal “tanestetizzahom” għat-tbatija ta’ l-oħrajn, ma jkunux kapaċi jħabbtu wiċċhom mat-tbatija u jgħixu l-esperjenza tal-limiti tagħhom. Kemm drabi naraw jaslu fuq il-post tax-xogħol raġel, mara b’wiċċ għajjien, b’atteġġjament għajjien, u meta nistaqsuhom “Xi ġralek?”, iwieġbu: “Irqadt biss sagħtejn għax id-dar noqogħdu mqajmin ftit kull wieħed maġenb it-tifel, it-tifla, il-marid, in-nannu, in-nanna”. U l-ġurnata tibqa’ għaddejja bix-xogħol. Dawn l-affarijiet huma erojċi, huma l-atti erojċi tal-familji! Dawk l-atti erojċi moħbija li jsiru bil-ħlewwa u bil-kuraġġ meta fid-dar ikun hemm xi ħadd marid.

Id-dgħufija u t-tbatija ta’ l-aktar persuni għeżież u sagri għalina jistgħu jkunu, għal uliedna u n-neputijiet tagħna, skola ta’ ħajja – importanti nedukaw lil uliedna, lin-neputijiet biex jifhmu kemm hu importanti fil-familja li tkun qrib ta’ min qed ibati – u jsiru hekk meta l-mumenti ta’ tbatija huma msieħba mit-talb u mill-qrubija kollha mħabba u premuruża tal-familjari. Il-komunità Nisranija taf tajjeb li l-familja, fil-prova tal-mard, m’għandhiex titħalla waħidha. U għandna ngħidu grazzi lill-Mulej għal dawk l-esperjenzi sbieħ ta’ fraternità ekkleżjali li jgħinu lill-familji jgħaddu mill-mument diffiċli ta’ l-uġigħ u tat-tbatija. Din l-għożża u qrubija Nisranija, minn familja għall-oħra, hi tassew teżor għall-parroċċa; teżor ta’ għerf, li jgħin lill-familji fil-waqtiet diffiċli u turi s-Saltna ta’ Alla wisq aħjar minn ħafna diskorsi! Dan hu ż-żegħil ta’ Alla.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s