Mill-pornografija għall-ħajja fi Kristu

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar ħbieb kbar tiegħi laqqgħuni ma’ ġrajja li seħħet tassew u li lanqas ridt nemminha. Meta qrajtha tant kemm laqtitni li xtaqt ħafna naqsamha magħkom il-qarrejja. Dan qiegħed nagħmlu għax nemmen bis-sħiħ li l-ebda sitwazzjoni, iebsa kemm hi iebsa, ma’ tista’ twaqqaf lill-Mulej milli jaħdem u jibdel il-qlub tan-nies.

Teresa Carey, tfajla ta’ tmintax-il sena, talbet lill-għarus tagħha, Scott, biex jintasab bilqiegħda għax riedet tkellmu. Wara li bdiet timmudella fl-Ingilterra, Teresa ġietha opportunità mhux ta’ min jitlifha. Sabitha bi tqila kif se taqbad ittarraflu. Ħarset f’għajnejh u qaltlu: “Għandi offerta mingħand aġenzija tal-immudellar. Se nibda’ nimmudella l-glamour għall-magazines”. “Tajjeb!”, weġibha Scott. Ma nħasditx għax kienet taf li ma kellux problema li tneħħi ħwejjiġha quddiem nies barranin. “Il-ħaġa hi li se jkolli nittrasferixxi ruħi f’Los Angeles”. “Veru?” weġibha b’leħen baxx hekk kif wiċċu iddallam. Wara ftit tal-ħin, għamel il-ħila u qalilha: “Ħa nimmisjak ħafna jekk tmur l-Amerika. Imma, jekk ġietek opportunità fuq platt tad-deheb titlifhiex!”

Teresa bisitu. Scott dejjem issaportjaha fil-karriera tal-immudellar tagħha. Dejjem kien preżenti għal kull pageant tas-sbuħija li kienet tidħol għalih. Barra minhekk, kien għena bis-sħiħ biex tibni l-portofolio personali tagħha. Għalkemm is-suċċess għal Teresa ġie bin-naqra in-naqra lil Scott dejjem sabitu ma’ djulha. Meta kienet issewwed qalbha minħabba l-kompetizzjoni sfrenata li d-dinja tal-immudellar taf toffri, Scott kien iħeġġiġha b’dan il-kliem: “Ibqa’ ipprova. Fl-aħħar tasal żgur!”

Setgħet l-imħabba bejna, tfajla ta’ tmintax-il sena, u bejn Scott, żgħażugħ ta’ tletin sena, tibqa’ tbaqbaq anki minn distanza daqshekk kbira bħal dik bejn l-Ingilterra u l-Istati Uniti? Ftit ġimgħat wara imħabbithom kellha tgħaddi mit-test iebes tagħha. Fost id-dmugħ imxerred tal-firda fl-ajruport, Teresa sellmet lil Scott, u rikbet l-ajruplan lejn l-Isati Uniti li wassalha f’Los Angeles. F’din il-belt kosmopolitana l-ħolm tagħha beda isir rejaltà. Kull fejn tmur xemx bir-rimi, bajjiet tal-ġenn, u nies minn tagħna. Xi trid iżjed? Mill-immudellar tagħha, Teresa kienet taqlagħha tajjeb. Kull sessjoni fotografika li kienet tagħmel għall-krema tal-magazines bħal Hustler u l-Playboy bdiet iddabbar mal-500 mitt lira sterlina kuljum. Imbagħad, matul il-lejl kienet tmur fin-Night Clubs tixrob ix-xampanja u tiżfen sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Insomma, kienet għaddejja ħajja warrab wiċċek!

Għal bidu l-esperjenza dehret tal-ħolm. Aktar ma beda għaddej iż-żmien aktar daħlet fiha. Bdiet tagħmel iżjed sessjonijiet fotografiċi avventurużi għall-magazines u esperimentat kemm felħet fl-immudellar, saħansitra f’xeni ta’ tfajla fuq tfajla. Dawn it-tipi ta’ sessjonijiet kienet tħobbhom għax kienu jtuha gost u anki kienu jferrħu lill-sħaba. Imma, bħalma jiġri dejjem, wara d-daħk jiġi l-biki. Teresa bdiet tinduna li aħjar qatt ma kienet marret hemm. Dan għaliex bdiet timmisja ħafna lill-għarus tagħha Scott. Għalkemm kienu jitkellmu ma’ xulxin fuq it-telefon kważi kull lejla, Teresa kienet tixtieq li qiegħdha mgħannqa fi ħdanu. Biex isabbarha Scott kien jgħidilha: “Ftakar li jiena qiegħed nistennik. Ma jien sejjer imkien”.

Dan il-kliem ta’ assigurazzjoni xorta waħda ma seħħlux isabbar lit-tfajla. Teresa bdiet taħdem xeni pornografiċi mal-irġiel. Bdiet tħossha skomda ħafna għaliex hi lil Scott biss riedet. Minn naħa tiegħu, Scott beda jaħsibha imurx iqatta’ ħin magħha f’Los Angeles. Madankollu, quddiem Teresa ġiet ippreżentata għażla deċiżiva: jew li iġġedded il-kuntratt li kellha jew l-avventura Amerikana tintemm ħesrem. L-għażla kienet bejn il-ħajja libertina f’Los Angeles jew f’li tissokta l-karriera tagħha f’Nottingham, viċin Scott. Teresa l-għażla kienet ċara kristall: li taqbad l-ajruplan u terġa’ lura fi ħdan Scott. “Jiena ġejja lura d-dar”, qaltlu jum wieħed fuq it-telefon.

Teresa kelmitha żammitha. Ġimgħat wara taret lejn darha. Scott kien qiegħed jistennieha fuq ix-xwiek l-ajruport. “Qatt iżjed ma nerġa’ inħallik”, wegħditu. U hekk għamlet. F’ħakka t’għajn mill-ewwel sabet xogħol tal-immudellar. Scott kien il-web designer tagħha. Huwa intefa’ b’ruħu u ġismu biex jgħinha tillanċja l-website l-ġdida tagħha mimlija b’ritratti pornografiċi ta’ bondage u logħob ma’ tfajliet oħra. Dulluvju ta’ ammiraturi rġiel kienu jiktbulha kuljum bl-email. Anki jekk l-attenzjoni li kelli fuqha żgur li kienet togħrok għajn Scott madankollu l-għarus tagħha ma qalx kelma li hi kelma. Minn naħa l-oħra, anki jekk issuktat timmudella, Teresa bdiet tmutilha l-ħajra għall-immudellar. Bdiet taħseb ftit jekk tagħmilx xi ħaġa oħra iżjed interessanti milli kienet qiegħdha tagħmel. Għalhekk qatgħetha li tibda’ tipprattika l-yoga bil-għan li tgħinha taħseb b’mod pożittiv. Bdiet ukoll taqra kotba reliġjużi bħall-Bibbja u l-Koran. Teresa bdiet tfittex!

Sibt minnhom ħajjitha inqalbet ta’ taħt fuq. Hi u Scott kienu bilqiegħda quddiem il-kompjuter ifittxu xi offerti tajbin online biex jieħdu vaganza flimkien. “Dak il-Hotel jidher sabiħ,” qalet Teresa. “Ejja naraw ftit xi villel ukoll”, weġibha l-partner tagħha. F’daqqa waħda dawl kbir mela l-kamra fejn kienu qiegħdin. Teresa ħarset ‘il fuq ħa tara minn fejn kien ġej dan id-dawl. F’daqqa waħda, Teresa u Scott inħakmu minn dan id-dawl qawwi li donnu sar l-istess arja li mnifsejhom kienu qiegħdin jieħdu. Quddiem wiċċha Teresa rat dehra ta’ raġel b’xagħru twil u qastni. Għajnejh kienu jleqqu bl-istess dija li kienet qiegħdha timla’ kamrithom dak il-ħin. Teresa ħassitha kompletament kalma hekk kif ħarset lejh u intebħet min tassew kien. Ma kien ħadd għajr Ġesù. Scott u Teresa baqgħu jħarsu lejn xulxin b’ħalqhom miftuħ. “Rajt dak li rajt jien?” laqalqet it-tfajla. “Iva”, weġibha Scott. “Jidher li kien Ġesù. Tgħid qiegħdin niġġennu?” Teresa żgur li ma ħassithiex qiegħdha titlef minn moħħha ġaladarba Scott ra l-istess dehra li rat hi.

Minn dakinnhar ‘il quddiem, Teresa iddeċidiet li tibda’ taqra l-Bibbja kuljum u titgħallem kemm tiflaħ fuq il-Mulej. Fl-aħħar bdiet tintebaħ fejn is-sejħa tagħha kienet tassew. Għalkemm xorta baqgħet tagħmel filming erotiku moħħha beda jaħseb ħafna iżjed f’Alla u f’Ġesù. “Qatt qrajt il-Bibbja?” staqsiet Teresa lil waħda mill-attriċi sħaba wara li magħha kienet għadha kif temmet xena erotika lesbika. Seħbitha ħarset lejha b’mod suspettuż u marret għal triqitha.

Teresa bdiet tinduna li l-istripping ma kienx qiegħed jagħmilha kuntenta iżjed. Għalhekk kienet tqatta’ is-serati tagħha tikteb il-poeżiji Nsara u tgħallmet ukoll il-kitarra biex tkun tista’ tikkomponi l-mużika rock Nisranija. Darba minnhom kienet qiegħdha timmedita fil-ġnien. Moħħha kien fil-paċi. Bdiet tirrejalizza kemm l-ispazzju li kienet qiegħdha fih kien mimli dawl u ferħ. F’daqqa waħda leħen dewa madwar moħħha li qalilha: “Jekk iġġib ħajtek ma’ dak li għandi mħejji għalik jien minix se nwasslek sal-mogħdija tal-ġnien”. Teresa indunat li dan kien leħen il-Mulej. Kienet mija fil-mija ċerta x’kien ifisser il-messaġġ tiegħu. Kien qiegħed jgħidilha biex ħwejjiġha ma tinżahomx iżjed.

F’dak il-mument, Teresa ntebħet li kellha titlaq ħajjitha l-antika u tieħu triq oħra. Daħlet ġewwa u bdiet iċċempel lill-fotografi u lid-diretturi kollha li kienet taħdem magħhom. “Ħa nirtira. Minix se nimmudella iżjed” bdiet tgħidilhom. Ħadd minnhom ma deher sorpriż. Milli jidher bdew ixommuha ġejja. Barra minhekk, Teresa ħassret kull numru li kellha issejvjat fuq it-telefon tagħha ħalli ma tiġihiex it-tentazzjoni li terġa’ tispiċċa fejn kienet.

L-uniku persuna li kien fadlila tgħid kien Scott. Ħassitha iżjed nervuża biex tgħidlu issa milli meta għarrfitu bil-pjan tagħha li tmur taħdem f’Los Angeles snin ilu. Meta fissritlu fuq il-leħen tal-Mulej u d-deċiżjoni tagħha li tieqaf timmudella Scott deher kalm qisu baqqa. “Int kellek tagħmel dak li jagħmlek ferħana fil-ħajja”, weġibha waqt li għannaqha waħda kbira miegħu.

Teresa malajr intebħet x’raġel kellha f’ħajjitha. Ftit jiem wara Scott ipproponilha li tiżżewwġu. Kienu ilhom flimkien mal-erbatax-il sena u f’dak iż-żmien kollu qatt ma kien urieha x-xewqa li jiżżewwiġha. Il-bidla li seħħet f’qalbu kienet il-konferma li Teresa kienet għamlet l-aħjar għażla li tagħti dahra lill-glamour modelling.

Illum Teresa tqatta’ ħinha tikteb il-poeżiji u tikkomponi mużika Nisranija li hija ddoqq mal-band tagħha Scarey Sonshine. S’issa kitbet ukoll żewġ kotba reliġjużi. Għalkemm illum m’hijiex taqla’ flus daqs kemm kienet taqla’ qabel, meta kienet fl-immudellar, Teresa intebħet li l-aħjar ħaġa għal ħajjitha hi li timxi wara l-Mulej. Barra minhekk, jum wara jum, Scott jgħinha tħossha daqs l-aqwa mara għanja li hawn fid-dinja kollha.

Tgħid il-Mulej għadu jaħdem fil-ħajjiet tan-nies tallum? Il-konverżjonijiet għadhom isiru? Jekk tistaqsi lil Teresa żgur li se twieġbek li għadhom isiru!

One thought on “Mill-pornografija għall-ħajja fi Kristu”

  1. Yes God is still working in people’s life as He works for Teresa .miracles still happening in people’s life.

Leave a Reply to AntidaCancel reply

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading