Ibdilli l-wajers!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Irrid kollox sewwa! Dik hija t-tagħlima l-kbira li tawni ommi u missieri. Hekk rabbewni! Tgħidlix b’ħaġa oħra l-għaliex, sinċerament, ma nafx!

U b’dan il-kredu f’moħħi, jiġifieri li kollox irid ikun sewwa, biex ma ngħidx perfett iżżejjed, hekk bqajt nikber. Kienet din is-serra ta’ ħajti! Kienet din il-pjanta li biha kelli nikber. U x’ġara b’daqshekk? Isimgħuni ħbieb u araw jekk għandix raġun f’dak li se ngħidilkom.

Dħalt il-kulleġġ. Mhux wieħed! U studjajt kemm flaħt. Ridt insir perit! Għalkemm il-kors f’pajjiżi huwa iebes studja minn hawn u studja minn hemm u fl-aħħar sirt dak li dejjem xtaqt! Tgħid kelli nagħmel sagrifiċċji? Jekk taqtgħu! Pajjiżi mhux bħal pajjiżkom! Intom kollox magħkom! Imma f’pajjiżi le! Mank jaħasra li kien hekk! Pajjiżi kbir! U minn post għall-ieħor ġieli jkollna naqbdu l-ajruplan biex naslu. Għax li kieku nivvjaġġaw bil-ferrovija inkella bil-karozza tal-linja kieku naħlu ħafna sigħat u anki ġranet nivvjaġġaw! Mela lant mhuwiex!

L-istudju tiegħi għalhekk kien ifisser li kelli ninqata’ mill-familja. U dan għamiltu b’qalbi kollha l-għaliex nemmen li ridt insir dak li kelli insir illum. Imma x’jiswa dan is-sagrifiċċju li għamilt? Qatt ma naf li ġiet ġurnata fuqi li moħħi ma jtektikx! Moħħi jinkwieta fuq kollox! Jinkwieta dwar ir-responsabbiltajiet li l-professjoni tiegħi ta’ perit għandha mehmuża magħha sal-inqas ħaġa li tmur ħażin. Anki jekk fid-dar, darba f’mitt qamar, tinqala’ xi ħsara, għid li se nwaħħal fija innifsi!

Kulħadd għandu raġun barra jien! Kulħadd jimxi ‘il quddiem barra jien! Kulħadd għaref barra jien! Kulħadd tajjeb barra jien! Issa jaħasra ma nafx għalfejn qed nagħmel hekk? Daqskemm għandni ċertifikati imdendlin mal-ħitan! Daqskemm ġejt l-ewwel f’korsijiet! Daqskemm ifaħħruni l-imgħallmin tax-xogħol fejn naħdem! Imma moħħi dejjem għaddej! Qisu l-arloġġ tad-dawl. Ma jieqaf qatt!

Issa qiegħdha nikber! U ż-żmien għaddej ġmielu! Waħħaltha f’rasi li niżżewweġ u jkolli familja. Oħti diġà għandha l-familja tagħha. Għandha żewġt itfal il-ġmiel tagħhom. Imma jien għadni fuq l-ixkaffa. Għadni ma żżewwiġtx. Nixtieq niżżewweġ u jkolli l-familja tiegħi. Imma ħej meta niġi biex nagħżel lis-sieħeb kollha insibilhom xi difett. Min għax naqra qasir u għal ħdejja, minħabba li jiena twila, jidher qisu t-tifel tal-preċett. U min naqra ismar u allura l-kulur tiegħu jgerrixni. Insomma! Min għal ħaġa u min għal oħra! Darba kont fi storja ta’ mħabba ma raġel. Ħsibt li kien ir-raġel ta’ ħajti. Imma ma qbilniex fuq it-tfal. Għaliex hu, għalkemm ma kienx tal-istess reliġjon tiegħi u qal li ma jipprattikax, ma riedx li uliedna jitilgħu fir-reliġjon tiegħi. Daqqa oħra taħt iċ-ċinturin! Għalkemm illum ma jiddispjaċinix bli ġara! Ma kienx imn’alla!

Ara! Illum ridt nirrakkuntalkom l-istorja tiegħi biex ma tagħmlux bħali! Tinkwetawx fuq kollox u fuq ix-xejn! Il-ħajja sabiħa! Xi kultant aħjar tkun inqas kolta u taf tgħix milli taf fuq ħafna affarijiet u tinkwieta fuq kollox. Ħajti bdiet tieħu r-ruħ meta xi ħadd darba qalli, l-għaliex tħassarni: “U int kemm se ddum tinkwieta fuq ix-xejn! Għaliex ma tagħmilx biċċa xogħol? Ibda’ itlob lill-Mulej hekk: Mulej nagħtik moħħi u agħtini moħħok! Amen! U dan ix-xi ħadd, biex aktar ikompli jagħmilhieli faċli, kien qalli biċ-ċajt imma, fl-istess ħin, b’serjetà ta xi ħadd li jridli l-ġid: Mulej ibdilli l-wajers ta’ moħħi mal-wajers ta’ moħħok. Amen!”

Meta qalli hekk dħakt. Iżda, fil-fond ta’ qalbi, kont naf li kien qed jgħidli verità kbira fuq nnifsi! “Meta nitlob hekk?” staqsejtu kurjuża. “Kull meta tibda’ tinkwieta”, weġibni, deċiż deċiż.

Hekk bdejt nagħmel u illum inħossni tajba. U int, li tinkwieta ħafna, għaliex ma tibdiex tagħmel bħali ħa tibda’ tara d-differenza f’ħajtek? M’hemmx xejn isbaħ minn moħħ kwiet u seren! Ara! Daqshekk inkwetajt! Millum ‘il hemm Mulej ibdilli l-wajers tiegħi mal-wajers tiegħek! Amen!

Leave a Reply

%d bloggers like this: