Omelija tal-Arċisqof fil-Funeral ta’ Missieru


L-Erbgħa, 8 ta’ Lulju 2015: Ħal Qormi, San Sebastajan,

NEMMNEN F’ ĠESÙ,
NAGĦRAF LILL-MISSIER,
NITFARRAĠ FL-ISPIRTU S-SANTU

NEMMNEN F’ĠESÙ
“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll” (Ġw 14, 1).
L-istedina ta’ Ġesù tinfed il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna imniktin kif aħna għat-telfa ta’ l-għażiż papà Emanuel.
“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll.” (Ġw 14, 1).
Il-preżenża tagħna madwar il-fdalijiet mortali tal-papà, f’dan it-tempju iddedikat lil Alla taħt it-titlu ta’ San Sebastjan Martri, hija att ta’ rispett, bla dubju, iżda hija wkoll att ta’ fidi f’Ġesù.
Iva aħna nemmnu f’Ġesù, il-mastrudaxxa ta’ Nazzaret, bin Marija mart Ġużeppi il-mastrudaxxa.
Aħna nemmnu f’Ġesù, li wara żogħżija ta’ xogħol fil-ħanut ta’ Ġużeppi u għal rasu, tgħammed minn kuġinuh Ġwanni bin Żakkarija fil-Ġordan u ħareġ ixandar is-saltna ta’ Alla, isejjaħ għall-indiema, jgħallem bis-setgħa u bil-parabboli, ifejjaq il-morda, u jkeċċi x-xjaten. Nemmnu f’Ġesù li beka quddiem il-mewt tal-ħabib tiegħu Lazzru u li ħass għat-tifla mejta ta’ Ġajru u għall-iben mejjet ta’ l-armla ta’ Najn. Fuq il-muntanja Tabor ġie trasfigurat u sar jgħammex bi bjuda tal-għaġeb hu u kien jitkellem ma’ Mosè u ma’ Elija quddiem l-appostli xhieda, Pietru, Ġakbu u Ġwanni. Nemmnu f’Ġesù li ġie akkużat bla ħtija, ġie kkundannat għall-mewt, sallbuh, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam mill-imwiet. Kif qal San Pietru:
“F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti: 4,12).
Nemmnu tassew f’Ġesù li tana din il-wegħda kbira u ta’ faraġ:
“Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Ġw: 14, 2-3)
Din il-wegħda illum seħħet ukoll għall-Papà. Seħħet għalih l-ikbar barka:
“Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek, bħalma int tajtu s-setgħa fuq kull bniedem biex jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li inti fdajtlu. Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt” (Ġw: 17, 1-3).

NAGĦRAF LILL-MISSIER
Iva, din hi il-ħajja ta’ dejjem: li nagħrfu lil Alla l-Missier u lil Ġesù Kristu!
U Ġesù jgħid : “Min ra lili ra lill-Missier.” (Ġw 14.9).
Nirringrazzjawk Mulej, talli inti tgħarrafna lilek innifsek f’Ibnek Ġesù il-Mastrudaxxa ta’ Nazzaret.
Nirringrazzjawk ukoll illum tad-don sabiħ tal-paternità li inti sawwabt fid-dinja fil-misteru tal-ħolqien.
Jiena u ħuti nirringrazzjawk ta’ Missierna Emanuel, żewġ ommna Maria Carmela. Permezz tiegħu u tagħha inti sejjaħtilna fl-eżistenza, tajtna id-don tal-ħajja. Huma laqgħu bil-qalb u bil-ferħ il-vokazzjoni sublimi li jkunu missier u omm.
Kif jgħid tant tajjeb il-Ktieb ta’ Bin Sirak:
“Weġġaħ lil missierek b’qalbek kollha,
u tinsiex uġigħ il-ħlas ta’ ommok.
Ftakar li kienu huma li ġibuk fid-dinja;
biex se tħallashom għal dak li tawk?” (Sir. 7, 27-28).
Nirringrazzjawk Mulej ta’ Missierna, Leli il-Mastrudaxxa minn Ħal Qormi, li bl-imħabba tiegħu uriena raġġ sabiħ ta’ l-imħabba tiegek għalina. Bis-sengħa u l-bżulija tiegħu u, fuq kollox, bil-fidi sempliċi u soda tiegħu li ħa mingħand in-Nanna Nina u n-Nannu Karmnu, qarribna lejn Ibnek, l-«Emmanuel», il-Mastrudaxxa ta’ Nazzaret, is-Salvatur tad-dinja.
Nirringrazzjawk Mulej talli wissejtna kemm il-darba permezz tal-id soda tal-Papà, u llum ukoll twissina u tedukana bil-mewt tiegħu. Kif tgħid l-Ittra lill-Lhud :
“Hu għall-edukazzjoni tagħkom li intom qegħdin tbatu. Alla qiegħed jimxi magħkom ta’ wlied. Min hu dak l-iben li missieru ma jwiddbux? Jekk intom tibqgħu bla twiddib, bħalma kellhom l-ulied kollha, intom tkunu qiskom tfal ta’ ħaddieħor, mhux ulied. Barra minn dan, aħna kellna wkoll missirijietna ta’ l-art; kienu jwiddbuna, u aħna konna nweġġħuhom. Mela kemm aktar għandna noqogħdu taħt il-Missier tas-sema, biex ikollna l-ħajja. Dawn kienu jwiddbuna kif kien jidhrilhom huma, għal ftit żmien; imma Alla jwiddibna għall-ġid tagħna, biex aħna niksbu sehem fil-qdusija tiegħu” (Lhud 12, 7-10).
Fuq kollox nirringrazzjawk, Mulej, tal-ferħ li jdakkar li kien inissel fostna il-Papà! Nirringrazzjawk tar-rakkonti ripetuti dwar l-esperjenzi tiegħu bħala r-raba’ tifel fost erbatax-il aħwa, l-ewwel esperjenza tax-xogħol meta kellhu biss disa’ snin, il-bidu tas-sengħa tax-xogħol fl-injam ma’ ħu missieru, iz-Ziju Kalċ, l-avventuri u l-praspar bħala emigrant ġuvni il-Kanada, il-barka fiż-żwieg mal-Mamà, il-bidu ta’ l-intrapriża ċkejkna tiegħu li ratu jsir ħaddiem tas-sengħa li jgħallem u jħaddem nies tas-sengħa kemm fi proġetti ambizjużi għall-pajjiż, kif ukoll fis-servizz ta’ tant familji. L-esperjenza tal-Papà kienet u tibqa’ skola għalina: skola prezzjuża u għażiża.
Kif tfakkarna tant tajjeb l-Iskrittura:
Ħares, ibni, ordnijiet missierek,
u twarrbux tagħlim ommok.
Huma jmexxuk fil-mixi tiegħek,
iħarsuk meta tkun rieqed,
ikellmuk meta tqum.
Għax l-ordni musbieħ u l-liġi dawl,
u t-twiddib tat-tagħlim hu t-triq tal-ħajja (Prov. 6, 20. 22-23).
NITFARRAĠ FL-ISPIRTU S-SANTU
Jekk illum hemm faraġ għalina, dan ġej mid-don tal-Ispirtu s-Santu li jdawwal il-qlub tagħna bħala ulied ta’ missier eżemplari u bħala ulied adottivi tal-Missier tas-Sema
Kif smajna fit-Tieni Qari :
“Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu tal-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma irċevejtu l-Ispirtu tal-adozzjoni ta’ wlied Alla, li bih aħna ngħajtu, ‘Abbà! Missier!’ Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li ahna wlied Alla. Imma jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta: werrieta ta’ Alla, u werrieta flimkien ma’ Kristu; għax jekk naqsmu miegħu fit-tbatija, naqsmu miegħu wkoll fil-glorja. Jiena għandi l-fehma sħiħa li t-tbatijiet ta’ issa m’għandhom xejn x’jaqsmu mas-sebħ li għad irid jidher fina.”
Mulej, Aħna nafdaw lill-Papà f’idejn il-ħniena kbira tiegħek, u nitolbuk twasslu għal wirt li ma jitbielx u li ma jintemmx, għas-sebħ li mhux frugħa, għall-glorja u l-mistrieħ ta’ dejjem.
Aħna nitolbuk dan kollu b’wiċċna minn quddiem, mhux għal merti tagħna, iżda għaliex nemmnu tassew fix-Xirka tal-Qaddisin:
Infatti aħna nemmnu li “sakemm il-Mulej jerġa’ jiġi fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu (Mt 25,31) u, bil-qerda tal-mewt, kollox jitqiegħed taħt riġlejh (1 Kor 15, 26-27), xi wħud mid-dixxipli tiegħu għadhom pellegrini fuq l-art, oħrajn li diġa ħallew din il-ħajja jew qegħdin jissaffew jew diġa qegħdin fis-sebħ u jaraw “ċar ’l Alla kif inhu fih innifsu, wieħed fi tliet persuni”. Iżda lkoll, min fi grad min f’ieħor, min mod min ieħor, nikkomunikaw fl-istess imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu u wkoll inkantaw l-istess innu ta’ tifħir lil Alla tagħna. Għaliex dawk kollha li huma ta’ Kristu għandhom l-istess Spirtu u huma f’xirka waħda fil-Knisja, u fi Kristu huma f’għaqda ma’ xulxin (Ef 4,16). Għalhekk l-għaqda ta’ dawk li għadhom pellegrini fuq l-art ma’ dawk li qegħdin fir-raqda tas-sliem fi Kristu bl-ebda mod ma tinqata’, anzi, kif żammet minn dejjem il-Knisja, tissaħħaħ bil-komunikazzjoni bejniethom tal-ġid spiritwali” (Lumen Gentium 49).
Iva, Mulej Ġesù – Immanuel, Għażiż Mastrudaxxa ta’ Nazzaret, aħna nemmnu f’Alla u nemmnu fik! Għalhekk qalbna, għalkemm imnikkta, ma titħawwadx.
AĦNA NEMMNU FIX-XIRKA TAL-QADDISIN;
FIL-MAĦFRA TAD-DNUBIET;
FIL-QAWMA MILL-IMWIET U FIL-ĦAJJA TA’ DEJJEM.
U lill-għażiż Papà:
Agħtih, O Mulej, il-Mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu, jistrieħ fis-sliem.
Ammen.

 Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.