Il-ħarsien tal-ambjent dmirna wkoll!

Print Friendly, PDF & Email

Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Wara li sar ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa huwa għaqli u f’waqtu li wieħed ifakkar mill-ġdid fl-obbligu li kull persuna, u b’mod speċjali aħna l-Insara, għandna li nħarsu l-ambjent ta’ madwarna. Ħu, ngħidu aħna, il-kwistjoni tal-bdil tal-klima.

Is-sies tal-interess Kattoliku dwar il-bdil fil-klima nsibuh imfisser f’Salm 24:1: “Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, id-dinja u kull ma jgħix fiha”. Bħala tweġiba għal dan ir-rigal meraviljuż li l-Mulej tana ta’ arja nadifa, ilma li jagħtina l-ħajja, frott li ġej mill-ħsad tal-art u ikel mill-baħar aħna msejħa mhux biss li nonoraw lil Alla għal dawn il-barkiet kotrana li tana imma wkoll li nagħmlu dan billi nonoraw u nieħdu ħsieb il-ħolqien.

Huwa l-għaliex aħna nivvalorizzaw ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u mal-ħolqien li ħalaq għalina li l-bidla fil-klima hija, għalina l-Kattoliċi, kwistjoni spiritwali, etika u morali. Il-kwistjoni tal-bdil fil-klima m’hijiex dwar xi teorija ekonomika jew pjattaforma politika. Żgur li m’hijiex lanqas dwar xi forma ta’ politika partiġġjana jew xi konċessjoni lil xi gruppi speċjali li qiegħdin jiżfnu fuq kull naħa tal-argument.

Il-bdil fil-klima hija dwar ir-responsabbiltà tagħna bħala ulied Alla u nies ta’ fidi li nieħdu ħsieb lil xulxin u kif ukoll il-ġenerazzjonijiet futuri. Dan inwettquh billi nieħdu ħsieb il-ħolqien tal-għaġeb li ħalqilna l-Ħallieq. San Ġwann Pawlu II qal: “Ma nistgħux nindaħlu f’qasam wieħed tal-ekosistema mingħajr ma nagħtu każ kemm tal-konsegwenzi ta’ indħil bħal dan f’oqsma oħra u tal-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri”.

Fi stqarrija li kienet ħarġet il-Konferenza Episkopali Amerikana nhar l-14 ta’ Novembru 1991, imsejħa Inġeddu d-dinja, is-sejħa tagħna hija li nkunu ħarriesa tad-dinja. Fiha l-isqfijiet semmew li bħala ħarriesa “aħna nfittxu nesploraw ir-rabtiet bejn l-interess għall-persuna u għall-art u għall-ekoloġija naturali u dik soċjali. Ix-xibka tal-ħajja hija Waħda”. F’diskors li kien għamel f’Jannar tal-2010 Papa Benedittu XVI kien qal: “Jekk nixtiequ li nibnu l-paċi vera kif nistgħu nifirdu jew li nġibu kontra xulxin, il-ħarsien tal-ambjent u dak tal-ħajja umana”.

Il-kontribuzzjoni umana għall-bdil fil-klima tirrappreżenta waħda mill-eżempji l-aktar ċari ta’ kif l-attività umana tista’ tħassar il-ħolqien tal-għaġeb ta’ Alla. Hemm bżonn li nirkupraw il-valuri spiritwali li jirrispettaw il-ħolqien ta’ Alla. Għalina li ngħixu f’pajjiżi ekonomikament għonja għandna d-dmir li neżaminaw bir-reqqa l-etika tal-użu responsabbli tar-riżorsi li Alla ipprovdilna. Dawn ir-riżorsi ma jappartjenux biss lilna. Jappartjenu lil Alla. U għalhekk għandhom jiġu ittratti b’rispett u prudenza liema bħalha. Bħala Ulied Alla u aħwa ta’ xulxin għandna nkunu aktar prudenti fl-użu tar-riżorsi li Alla tana bil-għan li nkunu nistgħu naqsmu d-doni tal-ħolqien ta’ Alla b’aktar ġenerożità. L-aktar mal-foqra u l-emarġinati.

Fil-Bibbja aħna msejħa li nħobbu lil Alla u li nieħdu ħsieb xulxin u l-ħolqien kollu ta’ Alla. Jekk nużaw b’mod ħażin u disproporzjonat il-frott tal-art li Alla tana aħna mhux biss niddiżonorawh imma wkoll, fl-aħħar mill-aħħar, nipperikolaw il-ħajja ta’ ħutna fqar u emarġinati li l-aktar jiddependu mill-ħolqien ta’ Alla għall-għejxien tagħhom.

Bħala konsegwenza ta’ dan kollu jiġri li dak li darba kien il-frott ta’ deċiżjoni individwali issa saret kwistjoni morali. Dan l-għaliex dawk li tabilħaqq se jbatu konsegwenzi mill-aktar traġiċi u ħżiena huma l-foqra u l-emarġinati. L-inġustizzja hi li dawn in-nies milquta mid-deċiżjonijiet egoisti tal-ftit żgur li ma kienux huma li ġabu din il-bidla kbira fil-klima fid-dinja. It-tagħlim soċjali Kattoliku jħeġġiġna biex, l-ewwel nett, nikkonsidraw kif l-għemejjel u l-policies tagħna jaffettwaw il-foqra, l-emarġinati u lin-nies l-aktar dgħajfa. Bħala ulied Alla ejjew ma ninsewx l-obbligazzjoni morali tagħna lejn ħutna subjien u bniet li huma fil-bżonn.

Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum il-Paċi tal-1990 San Ġwann Pawlu II qal: “Qiegħdha tikber l-awareness li l-paċi dinjija hija mhedda mhux biss mit-tellieqa għall-armamenti, il-konflitti reġjonali u l-inġustizzji qalb popli u nazzjonijiet imma wkoll minn nuqqas ta’ rispett lejn in-natura permezz tas-serq tar-riżorsi naturali li jwassal għall-waqgħa progressiva fil-kwalità tal-ħajja. Is-sens tal-inugwaljanza u insigurtà li sitwazzjoni bħal din toħloq hija l-għajn għall-egoiżmu kollettiv li jwarrab lill-oħrajn u d-diżonestà”.

Fid-dawl tat-tradizzjoni tal-Knisja, speċjalment dik Franġiskana, tajjeb ngħidu li kull ħlejqa maħluqa hija speċjali. Sew jekk din il-ħlejqa tgħix bħali u bħalek u kemm jekk ma tgħix. Kull ħlejqa hija maħbuba b’mod individwali u partikulari minn Alla. Kull siġra, għadira, kull membru tal-ispeċi huwa uniku u speċjali għal Alla.

Ejjew ma ninsewx, kif jgħallimna tant tajjeb Papa Benedittu XVI fil-messaġġ għall-Jum il-Paċi tal-2008, li “l-prudenza ma tfissirx li ma taċċettax ir-responsabbiltajiet u li tippostponi d-deċiżjonijiet. [Il-prudenza] tfisser li tikkommetti ruħek li twettaq deċiżjonijiet imsieħba u li taħseb b’mod responsabbli t-triq li għandek tieħu, id-deċiżjonijiet li l-għan tagħhom hu li jsaħħu l-patt bejn il-bnedmin u l-ambjent, li għandhom jirriflettu l-Imħabba krejattiva ta’ Alla, li minnha aħna ħerġin u lejha aħna ninsabu mexjin”.

Din id-diskussjoni twassalna biex nieħdu bis-serjetà l-proposta li Papa Franġisku għamel din is-sena lill-Membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati lis-Santa Sede. F’diskors li għamlilhom fit-12 ta’ Jannar 2015 il-Papa issuġġerixxa: “Il-ħolqien ta’ Ftehim ġdid dwar Il-Bdil fil-Klima … huwa meħtieġ b’mod urġenti”.

Tgħid meta dan il-Ftehim se jiġi fis-seħħ?

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading