Il-Ġimgħa s-Sewda

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap 

Il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju. Jum li żgur m’hu se jintesa qatt. Aktar milli għall-kulur fih innifsu it-tifsira tiegħu aktar qiegħdha f’dak li seħħ f’dan il-jum ta’ swied il-qalb ta’ mewt u qerda kbira.

F’dan il-jum ikraħ seħħew ħames attakki terroristiċi fi Franza, fil-Kuwajt, fis-Somalja, fis-Sirja u fit-Tuneżija. Fl-attakk fuq ix-xtajta Tuneżina f’Sousse ġew irrappurtati mal-45 persuna mejta. Fil-belt kapitali tal-Kuwajt Kuwait City ġew maqtula mas-27 persuna fi splużjoni ta’ bomba fil-moskeja tax-Xiti. Ħafna oħrajn indarbu f’dan l-attakk. F’attakk ieħor, f’Leego District fis-Somalia 70 ruħ sfaw maqtula. Dawn kienu suldati mill-Unjoni Afrikana. 27 persuna oħra indarbu waqt l-attakk. Fi Franza raġel safa b’rasu mħanxra waqt li oħrajn sfaw midruba matul l-attakk li seħħ f’ Saint-Quentin-Fallavier.

L-Istat Iżlamiku tal-Iraq u l-Lvant f’messaġġ li ħareġ daqs tlett ijiem qabel dawn l-attakki ħeġġeġ biex il-militanti kollha, qiegħdin fejn qiegħdin, jattakkaw matul ix-xahar tar-Ramadan. L-istess Stat Iżlamiku ħa r-responsabbiltà għall-attakki li seħħew fit-Tuneżija, fis-Sirja u fil-Kuwajt. L-Al-Shabaab ħadet ir-responsabbiltà għall-ġrajjiet imdemmija li seħħew f’Leego fis-Somalja. Uħud jaħsbu li m’hemm l-ebda evidenza li l-attakki kienu ikkordinati minn dawk li wettquhom. Madankollu l-ħin tagħhom f’ġurnata seraq l-attenzjoni tal-midja internazzjonali. Il-midja internazzjonali laqqmithom bħala Bloody Friday (Il-Ġimgħa Imdemmija), Black Friday (Il-Ġimgħa s-Sewda) jew, kif issejħu fil-midja Frankofonika, Vendredi Noir. Xi midja oħra  internazzjonali saħansitra laqqmet din il-ġurnata bħala Fatal Friday (Il-Ġimgħa Fatali). Analist tas-sigurtà qal li l-attakki li seħħu nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju wasslu “għall-jum uniku għat-terroriżmu”. Huwa maħsub li mal-163 persuna tilfu ħajjithom filwaqt li mal-336 persuna oħra indarbu.

Kienu ħafna n-nazzjonijiet li ikkundannaw dawn l-attakki u li esprimew is-solidarjetà mal-pajjiżi u ċ-ċittadini tagħhom li kienu milquta direttament f’dawn il-ġrajjiet imdemmija. Fosthom il-Gvern Malti. Fil-fatt il-Gvern fisser it-tħassib tiegħu rigward l-attakki terroristiċi li seħħew fit-Tuneżija, fi Franza u fil-Kuwajt. Filwaqt li qed juri solidarjetà mal-Gvernijiet tat-tliet pajjiżi involuti l-Gvern Malti qed joffri kull għamla ta’ għajnuna meħtieġa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali. Il-Gvern ikkundanna wkoll bla ebda riżerva kull għamla ta’ terroriżmu u fisser l-akbar sogħba għall-vittmi innoċenti ta’ attakki insensati ta’ din ix-xorta.

Fil-midja internazzjonali l-ġurnalista ta’ The Guardian, Kareem Shaheen, kitbet hekk: “Ma kien hemm l-ebda evidenza li l-attakki li seħħew kważi flimkien kienu koordinati. Madankollu saħħew it-theddida dejjem tikber tal-attakki minn jiħadisti. Uħud minnhom li huma ispirati mir-rettorika tal-Isis mal-Ewropa, mal-Africa u mal-Lvant Nofsani”. Ġurnalista oħra Vivienne Walt, li kitbet għal Time Magazine kiteb li l-attakki fi Franza, il-Kuwajt u s-Sirja ħallew “impressjoni li l-grupp adotta tattika ġdida li jillanċja attakki esterni punittivi aktar milli biss jiffoka fuq li jibni stat u kisba territorjali”. Walt issuktat tikteb li t-tlett attakki flimkien mal-qtil f’Kobanî “ma jidhrux li għandhom xi għan militari u jistgħu jissuġġerixxu li l-ISIS iddeċidiet li tissokta l-ġlieda tagħha għat-territorju flimkien mal-ġlieda tagħha kontra d-dinja tal-infidili li tinkludi kważi kulħadd”.

F’telegrammi separati mibgħuta permezz tas-Segretarju tal-Istat il-Kardinal Pietro Parolin lil Franza, lill-Kuwajt u lit-Tuneżija Papa Franġisku qal li kien maqgħud fit-talb mal-qraba tal-vittmi. L-aktar ma’ dawk li tilfu membri mill-familji tagħhom. Papa Franġisku talab ukoll għall-erwieħ ta’ dawk li mietu fl-attakki. L-Isqof ta’ Ruma offra l-kondoljanzi tiegħu kemm lil dawk li spiċċaw feruti u kif ukoll lill-familjari tagħhom. Huwa talab biex il-Mulej jagħtihom “il-komfort u l-faraġ fit-tbatijiet tagħhom”.

Fil-messaġġi tiegħu Papa Franġisku ikkundanna mill-ġdid “il-vjolenza li tikkawża tant tbatija”. Huwa talab lill-Mulej li “jista’ jagħti d-don tal-paċi”. Il-Papa temm il-messaġġi tiegħu bil-“barkiet divini” għall-familji tal-vittmi u għall-popolazzjonijiet tat-tlett pajjiżi milquta.

Il-periklu f’dawn il-ġrajjiet preżenti u mdemmija li twettqu dan l-aħħar hu t-tixrid tal-Iżlamofobija. Jew aħjar is-sentiment anti-Iżlamiku ta’ preġudizzju, mibegħda jew biża’ lejn ir-reliġjon Iżlamika jew il-Misilmin. Kemm huwa mportanti li wieħed jerġa’ lura għal dik il-famuża intervista li Papa Franġisku kellu abbord it-titjira tiegħu lejn Ruma wara l-Viżta Appostolika li wettaq fit-Turkija. It-tweġiba għaqlija tgħin kif wieħed għandu jara l-affarijiet.

Rigward l-Iżlamofobija Papa Franġisku wieġeb hekk: “Hija verità li quddiem dawn l-atti terroristiċi, mhux biss f’din il-parti imma wkoll fl-Afrika hemm rejazzjoni li tgħid: ‘Jekk dan hu l-Iżlam jirrabjani!’ U għalhekk ħafna Musulmani huma offiżi. Huma jgħidu: ‘Le! Aħna m’aħniex hekk. Il-Koran huwa ktieb ta’ paċi. Huwa ktieb profetiku ta’ paċi. Dan m’huwiex l-Iżlam’. Nemmen u nifhem li, almenu nemmen sinċerament, li wieħed ma jistax jgħid li l-Misilmin kollha huma terroristi. Ma tistax tingħad. L-istess bħalma ma jistax jingħad li l-Insara kollha huma fundamentalisti l-għaliex aħna wkoll għandna minnhom. Fir-reliġjonijiet kollha jeżiżtu dawn il-gruppi ċkejkna. Jiena għedt lill-President [Erdogan]: ‘Ikun sewwa jekk il-mexxejja kollha Musulmani – kemm jekk huma mexxejja politiċi, reliġjużi jew akkademiċi – jitħaddtu b’mod ċar u jikkundannaw dawn l-atti. L-għaliex dan jgħin lill-maġġoranza tan-nies Musulmani biex jgħidu ‘le’. Imma, fil-verità, minn fomm il-mexxejja tagħhom. Il-mexxej reliġjuż, il-mexxej akkademiku, il-ħafna intellettwali u l-mexxejja politiċi’. Din kienet it-tweġiba tiegħi. L-għaliex aħna ilkoll fil-bżonn ta’ kundanna globali, anki mill-Musulmani, li għandhom din l-identità; f’idejhom li jgħidu: ‘Aħna m’aħniex fost dawn. Il-Kuran huwiex dan’”.

Meta ġejja l-kundanna għall-Ġimgħa s-Sewda?

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading