L-Editorjal
Ma nirrealiżżawx kemm iċ-ċittadin li jemmen fis-sewwa u fid-dritt u li jixtieq jibni dinja aħjar għalih u għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni għandu responsabbiltà. Ma nistgħux għalhekk bil-passività u s-skiet tagħna nkunu kompliċi fil-ħerba li qed issir mill-virtujiet li huma l-bażi tar-relazzjonijiet fis-soċjetà tagħna.
Meta naraw affarijiet mhux tajba għandna nagħmlu l-parti tagħna bħalma meta naraw it-tajjeb għandna ninkuraġġuh. Jekk mezzi ta’ kommunikazzjoni qed iċaħduna mill-verità, għandna nuru li ma naqblux. Fil-Belt Valletta, is-Sibt 20 ta’ Ġunju, saret protesta kontra l-iżvilupp fil-Ponta taż-Żonqor. Fl-aħbarijiet tal-RTK issemma li attendew eluf, The Times online semmiet iċ-ċifra ta’ 3,000 u Super One TV fl-aħbarijiet semma li kienu mijiet li attendew. Hi din ekonomija mill-verità li ċċaħħad liċ-ċittadin milli jkun jafha. Iċ-ċittadini għalhekk iridu juru b’mod effettiv li huma għandhom dritt għall-verità.
F’dan il-każ il-protesta kienet dwar l-ambjent li hu ta’ kulħadd u, meta xi ħadd jara min qed jabbuża minnu, hu fid-dmir tagħna lkoll, ta’ kulħadd, li nuri d-diżapprovazzjoni tagħna b’kull mod u mezz leġittimu.
Min ma jgħollix leħnu kontra l-qirda tal-ambjent hu ħati għax m’għamilx dak li suppost jagħmel. Li niddefendu l-ġmiel naturali tal-ħolqien hu dmir tagħna u jekk nagħlqu għajnejna u nisktu nkunu mhux biss kompliċi imma nkunu wkoll qed inħallu lil min irid jabbuża bi ħwejjeġ li mhumiex tiegħu. Inkunu qed nagħtu l-libertà lil min jabbuża biex jibqa’ jabbuża.
Dan hu wkoll dmir il-Knisja lokali. Jekk il-Knisja universali għandha tkun il-ħarsien tal-ambjent – biżżejjed naqraw l-enċiklika li għadu kemm tana l-Papa Franġisku – kull Knisja, anki dik lokali, ma tistax tibqa’ ħalqha magħluq. Din il-gazzetta, bħala gazzetta Kattolika, għandha tkun ukoll difensur tal-ambjent u nistenna li l-qarrejja ta’ Leħen is-Sewwa jkunu difensuri tal-ambjent u juru l-ideat tagħhom.
Nixtieq nirringrazzja lil-Laikos u lid-Direzzjoni tal-Lehen is-Sewwa tas-servizzi taghhom u nifirhilhom ghal din l-inizjattiva tassew sabiha.