Strateġija ġdida  għal 5,000 parroċċa  fl-Ingilterra u Wales

Print Friendly, PDF & Email

Il-Kanonku John Ciarlò

L-Isqfijiet tal-Ingilterra u Wales iddeċidew li jittrasformaw mal-5,000 parroċċa f’“parroċċi missjunarji”. Dan se jsir permezz ta’ inizjattiva ġdida msejħa “Proclaim 15” li biha f’kull parroċċa jitwaqqfu timijiet ta’ evanġelizzazzjoni.

Kien l-istess Kardinal Vincent Nichols ta’ Westminster, President tal-Konferenza tal-Isqfijiet tal-Ingilterra u Wales, li ħabbar din l-inizjattiva waqt konferenza tal-aħbarijiet. Hu spjega li dan mhux se jsir permezz ta’ proselitiżmu bl-iskop li jikkonvertu lin-nies. L-iskop hu biss dak ta’ evanġelizzazzjoni li essenzjalment hi stedina biex in-nies jiltaqgħu flimkien u jibnu relazzjoni umana bejniethom biex jikbru fil-fidi u l-imħabba ta’ xulxin.

Waqt in-National Catholic Evangelisation Conference li saret f’Birmingham li għaliha attendew mat-850 delegat mid-djoċesijiet tal-Ingilterra u Wales, ġie studjat il-mod kif wieħed jista’ joħloq viżjoni u strateġija għall-evaġelizzazzjoni tal-parroċċa.

Saret diskussjoni kif wieħed jista’ jevanġelizza liż-żgħażagħ, kif wieħed jista’ jilħaq lil dawk li m’għandhom l-ebda esperjenza tal-Knisja u kif wieħed jista’ jaqsam ix-xhieda nisranija tiegħu ma’ ħaddieħor.

Ġie diskuss ukoll kif jistgħu jintlaħqu dawk il-Kattoliċi li ma jattendux għall-Quddies u kif wieħed jista’ jagħmel it-talb bħala l-bażi ta’ parroċċa missjunarja.

Il-Kardinal Nichols sostna li s-suċċess tal-inizjattiva “Proclaim 15” ma jitqiesx biż-żieda fl-attendenza tan-nies fil-Quddies, jew b’kemm nies jerġgħu lura malajr għall-fidi tagħhom.

“Dan mhux eżerċizzju maniġerjali biex inġibu lura n-nies għall-quddies. Din l-inizjattiva hi x-xewqa ġenwina u profonda biex naqsmu flimkien xi ħaġa li hi immensament prezzjuża għalina. Din hi xi ħaġa li tagħti l-ħajja, u nemmen li dan hu tassew meħtieġ fid-dinja tagħna tal-lum”, qal il-Kardinal.

Leave a Reply

%d bloggers like this: