Is-sitwazzjoni f’Gaża tmur għall-agħar

Print Friendly, PDF & Email

Sena wara l-gwerra ma’ Iżrael li bidlet il-ħajja ta’ kuljum fi ħmar il-lejl, is-sitwazzjoni f’dan it-territorju Palestinjan assedjat kompliet tmur għall-agħar.  “Meta wieħed iqabbel is-sitwazzjoni ma’ dik ta’ sena ilu, jinduna li aħna ninsabu agħar milli konna. Għalkemm il-ftehim tal-waqfien mill-ġlied waqqaf il-gwerra, l-assedju ta’ Iżrael fuq Gaża żdied b’mod intensiv. Dan għandu konsegwenzi diretti fuq il-popolazzjoni”.

Dan qalu Father Jorge Hernandez, il-kappillan tal-parroċċa Kattolika ddedikata lis-Sagra Familja fil-belt ta’ Gaża.

Il-qassis qal li l-gwerra serviet bħala għodda għar-reklutaġġ għall-Ħamas, il-Partit Iżlamiku li ilu fil-kontroll ta’ Gaża mill-2007. “Il-gwerra ħolqot attiviżmu ġdid f’Gaża kollha. L-għadd ta’ persuni lesti biex jiġġieldu mmultiplikat kemm f’isem il-Ħamas kif ukoll f’isem il-Jiħad Iżlamiku jew is-Salafisti u issa anki mal-Istat Iżlamiku.

“Minkejja dan kollu, il-maġġoranza l-kbira tan-nies ta’ Gaża ma jiffurmawx parti minn partit jew ieħor. Kulma jridu hu li jgħixu ħajja normali”, qal Father Hernandez, missjunarju Arġentin tal-Istitut tad-Dinja Inkarnata lil The Catholic News Service.

Skont stħarriġ tan-Nazzjonijiet Uniti l-gwerra li damet 50 jum swiet il-ħajja ta’ aktar minn 2,250 Palestinjan li 65 fil-mija minnhom kienu persuni ċivili. Jissemma wkoll li l-iskala tal-qerda kienet bla preċedent. Bejn is-7 ta’ Lulju u s-26 ta’ Awwissu 2014, il-militar Iżraeljan għamel aktar minn 6,000 attakk mill-ajru, 14,500 bumbardament bit-tankijiet u 45,000 attakk bil-bombi mill-artillerija f’Gaża.

Leave a Reply

%d bloggers like this: