Isqof t’Għawdex Mario Grech ta l-Mandat Missjunarju lil grupp ta’ tnax – sitt żgħażagħ Għawdxin u sitt voluntiera oħra Maltin – li fl-ewwel ħmistax ta’ Settembru sa jmorru l-Etjopja jwettqu ħidma missjunarja fost il-foqra flimkien mal-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu ta’ Monsinjur George Grima.
Fil-grupp hemm, fost l-oħrajn, koppja żagħżugħa li żżewġet sena ilu kif ukoll ħaddiema li se jitilgħu apposta biex jgħinu fix-xogħol tal-bini.
Il-grupp sa jkun qed jgħinu biex jitkaħħlu djar għal-lebbrużi tal-lokal kif ukoll fil-bini ta’ knisja ddedikata lil San Ġorġ f’Madiwuta.
Il-ġabra waqt il-Quddiesa kif ukoll Kampanja ta’ Ġenerożità fl-istess parroċċa matul il-jiem tal-festa titulari marru għal dan l-iskop u ħolqu aktar sensibbiltà missjunarja fil-komunità parrokkjali. Inġabru wkoll flus mit-tfal li attendew għan-Novena tal-Festa biex tinxtara n-nutella għat-tfal tal-Etjopja.
L-Arċipriet Pawlu Cardona ppreżenta lill-grupp lill-Isqof Grech u qal li dawn iż-żgħażagħ jixtiequ jagħmlu din l-esperjenza f’isem il-Knisja u mħeġġa mill-ispirtu ta’ San Ġorġ Martri. Dan ġie mmeditat ukoll fl-omelija tal-Quddiesa minn Dun Richard Nazzareno Farrugia li fakkar kif San Ġorġ ħaffef ħejja ruħu għall-martirju billi qassam ġidu lill-foqra.
Waqt li qassam kopja tal-Bibbja u libbes salib ċkejken lil dawn il-missjunarji lajċi, l-Isqof Grech faħħar inizjattivi bħal dawn u qal li hu jappoġġja b’qalbu kollha “opri ġodda” ta’ din ix-xorta, li jesprimu l-qalba tal-missjoni tal-Knisja, li trid tkun qrib tal-foqra, kif jgħid il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika Il-ferħ tal-Vanġelu.