F’El Salvador, l-iżgħar pajjiż tal-Amerika Ċentrali, is-Sibt 23 ta’ Mejju, saret il-beatifikazzjoni tal-Arċisqof Oscar Romero li fi kliem il-Vatikanista John Allen hi meqjusa minn ħafna bħala l-iktar beatifikazzjoni importanti f’dan is-seklu.
Malta kellha sehem fiċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-beatifikazzjoni bit-tnedija tal-ewwel ktieb bil-Malti dwar Romero, Qatlu lill-Arċisqof – Il-ġrajja ta’ Oscar Romero, l-ewwel produzzjoni ta’ Say It Publications u kitba ta’ Robert Aloisio.
F’Qatlu lill-Arċisqof – Il-ġrajja ta’ Oscar Romero, Robert Aloisio jittratta fost l-oħrajn ir-relazzjoni ta’ Romero mal-Papa Ġwanni Pawlu II, man-Nunzju Malti għal El Salvador Emanuel Gerada, mal-Opus Dei, mat-Teoloġija tal-Liberazzjoni u mal-Ġiżwiti u l-konnessjoni ta’ Malta ma’ Romero. Iżda fuq kollox jisħaq fuq l-imħabba ta’ Romero lejn il-foqra u l-ħidma tiegħu favur il-ġustizzja soċjali.
Fil-ktieb wieħed isib siltiet minn intervisti ma’ Malti li ltaqa’ ma’ Romero f’San Salvador, ma’ missjunarju Malti f’El Salvador, ma’ Álvaro Rafael Saravia, wieħed mill-assassini ta’ Romero. Hemm ukoll tliet omeliji sħaħ: l-ewwel omelija ta’ Romero bħala Arċisqof fil-funeral ta’ Rutilio Grande, dik meta reġa’ ħa l-pussess tal-knisja ta’ Aguilares wara li kienu pprofanawha s-suldati u l-aħħar omelija eżatt qabel ma qatluh.
It-tnedija
Tnedija dinjituża tal-ktieb saret fid-Dar Ħanin Samaritan, Santa Venera, l-Erbgħa 27 ta’ Mejju. Il-kelliem ewlieni kien il-Professur Oliver Friggieri li tkellem fuq ir-rilevanza ta’ Romero fi żmienna. Hu qal li “Dan il-ktieb m’għandux ikun ktieb tal-istorja. Dan hu ktieb li jisfida lil min jaqrah”. Friggieri ħeġġeġ li dal-ktieb l-Knisja Maltija tagħmlu tagħha.
Waqt it-tnedija nqraw żewġ siltiet mill-ktieb, waħda mill-kapitlu “Vuċi tal-Foqra” li fiha ssemma l-mibki Patri Ġwann Schranz, Franġiskan Malti li kien missjunarju f’El Salvador fi żmien Romero u s-silta l-oħra mill-kapitlu “Tir wieħed” li jirrakkonta l-martirju tal-Beatu Romero. Intwerew ukoll siltiet mid-dokumentarju bl-Ispanjol El Cielo Abierto (Smewwiet Miftuħa).
Fl-aħħar tas-serata sar kollegament bl-iSkype ma’ Patri Ġwann Xerri, missjunarju Dumnikan Malti fil-Brażil, ammiratur kbir ta’ Romero u li kien preżenti għall-beatifikazzjoni f’San Salvador. Fost dawk preżenti għat-tnedija kien hemm Patrick Falzon Gough, il-Malti li ltaqa’ ma’ Romero f’San Salvador, Patri Dijonisju Mintoff, Dun Anġ Seychell u devoti u ammiraturi tal-Beatu l-ġdid.
Is-serata ntemmet bit-talba ta’ Don Tonino Bello lill-Arċisqof Romero. Don Tonino kien Isqof Taljan ta’ Molfetta li, bħal Romero, baqa’ jgħix il-faqar anki bħala Isqof.
Romero llum
Il-messaġġ tal-Beatu Romero għadu jgħodd għalina llum ukoll. Kieku jista’ jkellem lilna li għandna għal qalbna d-drittijiet tal-bniedem, kien jgħidilna biex nagħtu servizz effettiv u effiċjenti lill-foqra li fl-Amerika Latina għadhom fil-maġġoranza u li fl-Ewropa huma minoranza li qiegħda tikber. Illum Romero jfakkarna li d-drittijiet umani ma jinkisrux biss mid-dittaturi u fi żmien ta’ gwerra iżda anki fid-demokraziji meta jipprevalu l-korruzzjoni, il-favoritiżmi, l-inġustizzji u n-nuqqas ta’ kuxjenza soċjali.
Bħala profeta u bħala martri, Oscar Romero hu l-iktar figura importanti fl-istorja reċenti tal-Kristjaneżmu.
Qatlu lill-Arċisqof ta’ Robert Aloisio jinsab għall-bejgħ mil- Librerija Preca, Blata l-Bajda, miċ-ĊAK, Birkirkara u mill-ħwienet reliġjużi ewlenin. Jekk issib diffikultà ikteb lil Say It Publications, 32, Tarxien Road, Paola jew ibgħat email lil robertaloisio@gmail.com