Paul Saliba
L-akbar u l-egħżeż teżor li familja jista’ jkollha huma l-ulied. Għalhekk hu obbligu ta’ dawk mgħobbija bir-responsabbiltà tat-trobbija tagħhom li jħarsu l-valuri morali ta’ dawn l-ulied biex jitilgħu ċittadini tajba u jkunu ta’ siwi, ta’ ġid u ta’ ġieħ għas-soċjetà ċivili.
Meta, għalhekk, familja titfarrak, issir traġedja fost l-ulied. Tispiċċa l-għaqda u l-ulied jibdew iħossu t-toqol tal-ħajja tal-ġenituri tagħhom li minn żwieġ ta’ mħabba jsibu ruħhom f’baħar ta’ inkwiet.
F’diskors li għamel f’Udjenza Ġenerali fi Pjazza San Pietru dan l-aħħar, il-Papa Franġisku qal li, meta nħarsu lejn familji li fihom il-koppja tittratta lil xulxin sa ma jaslu li jkissru r-rabta tal-fedeltà konjugali, jeħtieġ li nieqfu naħsbu dwar il-piż tal-muntanja li tkun qed tgħaffeġ ir-ruħ tal-ulied – il-piż tal-għażliet żbaljati.
L-ulied isofru
Meta l-adulti jitilfu rashom, meta kull naħa taħseb biss għal rasha, meta l-omm u l-missier iweġġgħu lil xulxin — kompla jgħid il-Papa — ir-ruħ tal-ulied issofri ħafna u tħoss sens ta’ disperazzjoni. Il-Papa żied li, meta l-imħabba konjugali tiżvojta, jidħol l-għadab fir-relazzjoni. Spiss dan it-tifrik jaqa’ bħal blata tqila fuq it-tfal. Dawn ikunu ġrieħi li jħallu marka għall-bqija tal-ħajja.
L-ulied huma teżor mill-aktar prezzjuż li jeħtieġ nibżgħu għalih. Huma, kif kien iħobb jgħid il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, “it-tama tal-Knisja għall-millennju l-ġdid tal-Kristjaneżmu.” Huma ċ-ċittadini li għad iridu jiffurmaw is-soċjetà ċivili ta’ għada, iċ-ċittadini li għad jiffurmaw il-pajjiż fiż-żminijiet li ġejjin.
Meta jinqala’ l-inkwiet f’familja, huma l-ulied l-aktar li jbatu psikoloġikament u fiżikament. Ibatu f’imġiebthom u f’saħħtihom u t-tbatija li jġarrbu toħloq fihom trawma li jibqgħu jħossuha matul ħajjithom kollha.
Provi xjentifiċi
Diġà semmejt, f’artikli preċidenti, ir-riżultati li ħarġu minn stħarriġ li sar f’pajjiżi oħra, partikularment fl-Istati Uniti tal-Amerika, minn psikologi, soċjoloġi u xjenzjati dwar tfal li jitrabbew f’familji mħarbta u jgħaddu minn familja għal oħra. Dawn l-istudji xjentifiċi kollha juri li dawn it-tfal, aktar ma jikbru, jitilfu kull interess u jmorru lura fl-iskola, u ma jirnexxux fil-ħajja.
Huma t-tfal l-ewwel u l-akbar vittmi ta’ dawn l-esperjenzi dolorużi. Huma t-tfal li jridu jħallsu għall-iżbalji tal-kbar. Dawn huma fatti li ġraw, u għadhom qed jiġru fi bnadi oħra, u qed jinġiebu quddiemna biex noqogħdu attenti li ma nikkupjawx il-ħażin ta’ pajjiżi oħra u naqgħu fl-iżbalji tagħhom.
Ir-responsabbiltà li għandhom il-politiċi lejn uliedna u lejn is-soċjetà hi kbira u kbira ferm. Ma jinsewx li l-ħsara li jagħmlu llum, speċjalment lil uliedna, ikun diffiċli ferm biex ’il quddiem tissewwa.
paulsaliba@lehenissewwa.com