L-Avukat Frank Cassar, il-producer u l-preżentatur tal-programm Vuċi Missjunarja, jinsab fix-Xlokk tal-Afrika. Hu se jżur tmien djoċesijiet fil-pajjiż biex jagħżel għadd ta’ studenti fqar u motivati ħalli jgħinhom fl-istudji tagħhom fil-livell universitarju.
L-Avukat Cassar se jkun qed jikkunsidra proposti biex jitwaqqaf proġett li jiġġenera l-flus ħalli bih ikun jista’ jsostni l-boroz ta’ studju offerti.
Fis-snin li għaddew l-Avukat Cassar għamel esperjenzi simili fl-Etjopja, fil-Kenja, fit-Tanzanija u fis-Sudan t’Isfel.
Il-programm Vuċi Missjunarja jixxandar fuq Radju Marija nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija b’ripetizzjoni t-Tlieta filgħodu.