Żewġ dottorati honoris causa mogħtija lill-Papa Emeritu Benedittu XVI


“B’dan il-mod issaħħet aktar ir-rabta tiegħi mal-Polonja, ma’ Krakovja, ma’ art twelid il-qaddis kbir tagħna San Ġwanni Pawlu II. Dan għaliex mingħajru, il-mixja spiritwali u l-teoloġika tiegħi lanqas nista’ nimmaġinaha”.

Hekk stqarr il-Papa Emeritu Benedittu XVI, f’Castel Gandolfo waqt ċerimonja li fiha ngħata d-dottorati honoris causa mill-Università Pontifiċja “Ġwanni Pawlu II” ta’ Krakovja u mill-Akkademja tal-Mużika ta’ Krakovja. Flimkien maż-żewġ retturi ta’ dawn l-istituzzjonijiet, kien preżenti wkoll il-Kardinal Stanislaw Dziwisz bħala Gran Kanċillier tal-Università Pontificia.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu biex jagħti ġieħ lill-Papa Benedittu XVI, is-Senat tal-Akkademja tal-Mużika kien spjega li b’dan l-unur ried jindika lill-Papa Benedittu bħala mudell ta’ mġiba morali u ċivili, flimkien mad-dimensjoni reliġjuża u umanistika profonda. B’mod partikulari is-Senat ried juri l-imħabba u l-attenzjoni ta’ Ratzinger għall-mużika sagra u għar-rwol tiegħu fil-liturġija.