DAWL FIT-TIEQA (1)

Print Friendly, PDF & Email

Il-marda tal-flus – Min Joe Galea

Din hi storja ħelwa li tgħallimna li qatt m’għandna naqtgħu qalbna, minkejja d-diffikultajiet li nsibu ruħna fihom. Irridu nistennew, xi drabi fit-tul.  Marda stramba u li tittieħed kienet xterdet mal-belt f’qasir żmien. Bdiet bħal riħ ta’ influwenza. Dawk milquta marilhom l-aptit, lewn wiċċhom inbidel u tbiel.  Bdew isiru aktar xħaħ, għajjurin, ġellieda u ħallelin. Bdew jaħsbu ħażin f’xulxin għax il-ħsieb tal-flus xejjen kull ħsieb ieħor.  “L-aqwa ħaġa fil-ħajja hi l-flus! Bil-flus tagħmel li trid”, kienu jgħidu. 

19. Dawl fit-Tieqa DC 0908Mal-ħsieb tal-flus ġiet il-biża’. Dawk li jbiegħu l-kaxxaforti u l-bibien tal-ħadid ma felħux jagħmlu iżjed qliegħ. ll-bibien f’xi djar waslu biex kellhom tmintax-il serratura li żgur ħadd ma seta’ jiftaħ. Fil-familji, l-ommijet u l-missirijiet serqu l-flus li ġemmgħu uliedhom. It-tfal kienu jwieġbu biss: “Kemm se ttini?”

Ukoll biex imorru fil-ġnien jilagħbu. Mhux biss biex jixxuttaw il-platti imma wkoll biex jagħmlu l-homework. U t-tfal iż-żgħar tgħallmu jimlew il-kont tal-bank.

L-ispiżjara tal-belt ħabtu jqassmu lill-morda kotba dwar il-qalb tajba u l-karità. Dawn ħadu l-kotba, xejru rashom u marru jbiegħuhom fit-toroq.

Darba s-Sibt wara nofsinhar saret taqtigħa għal biċċa flus li ftit li xejn tiswa. Anki t-tabib ittieħed mill-marda u beda jbiegħ il-mediċina li jkun għadda żmienha u li qabel kien jarmiha jew jagħtiha b’xejn. Il-belt saret li mhux ta’ min jgħix fiha. Kulħadd kien jibqa’ armat u l-aktar għonja kienu jħallsu għall-għassiesa biex ħadd ma jisraqhom kif ikunu fit-triq.

Il-morda kienu aktar imdejqa u kienu jġibu swied il-qalb lil dawk ta’ madwarhom. In-nies tal-belt aktar kont tismagħhom jitkellmu dwar il-flus, imgħaxijiet, tisrif u kull xorta ta’ negozju. Ħadd ma ried iħallas taxxi.

Il-parir tal-eremit

Is-Sindku u ta’ madwaru qatgħuha li jieħdu parir mingħand l-eremit xwejjaħ li għalihom kien ukoll is-saħħar li jaf kollox. L-eremit tal-leħja bajda u twila semagħhom bis-sabar. Imbagħad, fit-waqt li melles il-leħja, qalilhom.

“Naf x’inhi l-marda li ħakmet il-belt. Hi ġejja minn mikrobu msejjah ‘Ġib ‘il hawn u tieħux ’il hemm’ u hi marda terribbli għax min jintlaqat minnha ma jibqax iħoss għall-oħrajn u qalbu ssir iebsa bħall-ġebel. Moħħu jieqaf biss fuq ħaġa waħda: il-flus.

Tista’ taħrab mill-marda għal ftit meta turi att ta’ mħabba. lmma biex tfiq għal kollox hemm rimedju wieħed: l-ilma li jinġieb mill-Għolja li Tkanta. Jeħtieġ li ssibu żagħżugħ b’saħħtu u qalbieni li ma jagħmilx għall-flus. Irid jagħmel biċċa xogħol mill-imħabba tiegħu lejn l-oħrajn għax l-ilma tal-imħabba jaħdem biss jekk wieħed tassew jixtiequ, jistennih u lest li jaċċettah.

Imma jekk issibu żagħżugħ li jasal iħabbat wiċċu mat-taħbit li se ġġiblu din il-biċċa xogħol tqila, il-mediċina taħdem biss jekk wieħed jistenniha.

galeajosephm@gmail.com

F’ħarġa oħra:- Żagħżugħ qalbieni għal biċċa xogħol tqila

Leave a Reply

%d bloggers like this: