Id-19-il Ħadd ta’ matul is-sena (Ġw. 6:41-51)
Fr Brendan Gatt
Is-silta tal-lum tinsab f’Kapitlu 6 tal-Vanġelu ta’ San Ġwann. Diskors twil li Ġesù jagħmel wara l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. Ġesù jitkellem dwaru nnifsu bħala l-ħobż ħaj li niżel mis-sema u għaldaqstant il-Knisja tqisu bħala spjegazzjoni mill-isbaħ tas-Sagrament tal-Ewkaristija li hu għażel biex jibqa’ preżenti magħna b’mod mill-iktar intimu u personali: bħala ikel.
Iżda l-qari tal-liturġija tal-lum ifakkarna wkoll f’żewġ ġrajjiet oħra ta’ ikel “mirakoluż” fl-istorja tal-poplu Lhudi. L-ewwel waħda hi l-manna li permezz tagħha l-poplu ta’ Iżrael irnexxielu jgħix fid-deżert għal erbgħin sena wara l-ħarba mill-Eġittu. It-tieni ikel li jissemma (fl-ewwel qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten, kapitlu 19, vrus 4-8) hu l-ħobż li kiel Elija l-profeta qabel għamel vjaġġ epiku ta’ erbgħin jum u erbgħin lejl lejn il-muntanja tal-Ħoreb.
Għaldaqstant hu ċar li llum il-Knisja tixtieqna nħarsu lejn Ġesù (li aħna nirċevuh fl-Ewkaristija u niltaqgħu miegħu wkoll fl-Iskrittura u fil-komunità Nisranija, jiġiferi fil-Knisja) bħala l-aqwa health food jew energy bar! Kemm fostkom jieħdu ħsieb saħħithom, imorru l-gym u forsi jieħdu wkoll xi supplement (bħal xi protein shake) biex ikabbru l-istamina u l-muskoli? Il-Knisja dejjem rat l-Ewkaristija b’mod simili – imma ovvjament fuq livell ferm iktar meraviljuż u għoli – għall-ħajja spiritwali tagħna.
Aħseb ftit:
- Xi tfisser għalik l-Ewkaristija?
- Taf li hi ikel spiritwali biex isaħħek tul il-mixja ta’ ħajtek?
- Tifhem li bħal kull ikel healthy ieħor, hemm stil ta’ ħajja li wieħed irid isegwi biex jieħu l-ġid kollu li tista’ toffrilu l-Ewkaristija?
- X’bidliet tista’ tagħmel f’ħajtek biex tkun iktar koerenti?