Fl-Istati Uniti, The Center for Medical Progress, organizzazzjoni politika kontra l-abort, ħarġet għall-wiri diversi videos esplussivi u xokkanti. F’dawn il-videos jidhru rappreżentanti tal-Planned Parenthood jispjegaw il-proċeduri dwar kif għandhom jiġu ppreservati partijiet tal-iġsma tat-trabi waqt l-abort, biex wara jkunu jistgħu jinbiegħu.
F’wieħed minn dawn il-videos tidher Dr Deborah Nucatela tal-Planned Parenthood saħansitra tiddiskuti dwar il-prezzijiet għax-xiri ta’ qlub, pulmuni, fwied u muskoli ta’ trabi abortiti.
Diversi politiċi Amerikani miż-żewġ naħat tal-Kungress Amerikan, iddeskrivew il-proċeduri tal-Planned Parenthood bħala shockingly inhuman u frankly disgusting.
Sean Driffy (R.Wisconsin) qalet: “Issa nafu li l-Planned Parenthood titlob prezz fuq dawn it-trabi ċkejknin. Din hi ħaġa li mhix aċċettabbli fl-2015 fis-soċjetà Amerikana. Jeħtieġ li nqumu lkoll flimkien. Din mhix kwistjoni Repubblikana jew Demokratika. Din hi kwistjoni Amerikana.”
Ann Wagner, tal-Partit Repubblikan, iddeskriviet il-proċeduri tal-Planned Parenthood biex tippreserva l-organi fetali matul l-abort bħala horrifying and heartbreaking.
Quddiem dan l-iskandlu tal-bejgħ tal-baby body parts mill-Planned Parenthood, saħansitra l-istess Senat tal-Istati Uniti ddiskuta dwar kif għandu jillimita l-fondi li l-Gvern Amerikan jagħti lill-Planned Parenthood.
Fr Alexander Lucie-Smith hekk ikkummenta f’The Catholic Herald dwar dan l-iskandlu Amerikan. Hu staqsa: “Għandna nippermettu l-bejgħ ta’ partijiet tal-ġisem uman? Aħna nbiegħu partijiet tal-ġisem tal-annimali, ħaġa li hi aċċettabbli, għaliex l-annimal mhuwiex esseri uman. Iżda jekk tassew irridu nuru l-iċken sens lejn id-dinjità umana u d-dmir li għandna li nuru rispett lejn il-ġisem uman, irridu nifhmu li partijiet tal-ġisem uman ma jistgħux ikunu għall-bejgħ.”