Ittra Pastorali tal-E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema 2015


DUWA TAL-ĦNIENA GĦALL-FAMILJA  

Il-familja: bejta ta’ kenn u mħabba

  1. Meta filgħaxija l-qamar fiddien jibda jilma fis-sema sajfi, niftakar f’dawk li wara jum ta’ ħidma jkunu qed jirritornaw lejn djarhom. Ħafna jiftħu l-bieb u jsibu l-familja li magħha jaqsmu l-ferħ u s-sodisfazzjon li jkunu ġarrbu matul il-jum. L-għożża u l-għaqda tal-familja tnessihom it-toqol tal-għeja u tad-diffikultajiet tal-ġurnata u timliehom b’enerġija ġdida għall-jum tal-għada.

  1. F’pajjiżna huma ħafna dawk il-familji li huma bejta tal-imħabba li toffri dan il-kenn uman. Madwarna għandna sinjali ċari li jixhdu li ħafna għandhom għal qalbhom il-benefiċċji umani, soċjali u spiritwali li joffru ż-żwieġ u l-familja; fil-fatt, il-familja hija l-mimmi tal-għajnejn tal-kotra, tant li dawn aktar jistaqsu x’jistgħu jġibu fil-familja tagħhom milli x’ser jieħdu minnha.

 

L-isfidi tal-familja llum

  1. Imma mbagħad hemm oħrajn li, xħin jaslu fuq l-għatba tal-bieb, jaħsbuha darbtejn jekk idaħħlux iċ-ċavetta biex jiftħu – għax jafu li kif jixirfu f’darhom, il-kesħa tas-solitudni tiblagħhom. Il-baħħ tad-dar iġibilhom memorji ta’ meta d-dar kienet mimlija b’persuni li kienu jħobbu imma llum għosfru. Għal dawn il-persuni, il-lejl huwa twil u tqil għax waħidhom fil-ħemda jiftakru fit-telfiet li jkunu ġarrbu u fil-ħolm li sfrattalhom. Flok ma jservihom biex jistrieħu, il-lejl jaf jixgħel fihom ir-rabja u sens qawwi ta’ delużjoni. Fost dawn hemm ir-romol; imma magħhom ngħodd lil dawk li ż-żwieġ tagħhom marrilhom żmerċ u kellhom jisseparaw jew jaċċettaw is-separazzjoni u d-divorzju, u konsegwenza ta’ dan infirdu mill-għeżież tagħhom; hemm dawk li, għalkemm huma mgħottija bil-libsa taż-żwieġ, qed jgħixu f’infern għax żwieġhom jew marthom jittraduhom bi mġiba adultera. Anki dawk li qegħdin fit-tieni relazzjoni, forsi wkoll għax kien iebes wisq għalihom li jgħixu waħidhom, mhux dejjem jirnexxilhom jeħilsu għalkollox minn dan il-fardal tal-imgħoddi. Hemm ukoll dawk li l-imħabba ssuqhom biex jiċċelebrawha, imma minħabba n-natura tagħhom ma jistgħux igawdu l-benefiċċji tal-imħabba ċċelebrata fiż-żwieġ bejn mara u raġel. Imbagħad hemm tant familji li huma sogħbiena u mweġġgħa li wliedhom jew in-neputijiet tagħhom jinsabu f’relazzjoni li fiha nnifisha hija f’kuntrast mat-tagħlim tal-Vanġelu!
  1. Kieku nixtiequ li l-familji tagħna kollha jkunu kapaċi joffru ħajt tal-kenn, imma l-fatti jitkellmu mod ieħor. Ma nafx fejn wieħed ser isib il-familja perfetta; imma teżisti dik il-familja li kuljum tissara biex tirbaħ sfidi żgħar u kbar, fosthom dawk li jinħolqu minħabba differenzi fil-karattri, minħabba l-isfidi tat-trobbija tal-ulied, dawk marbuta mal-oqsma tax-xogħol, tal-kummerċ u tal-ekonomija. Dawn iċ-ċirkustanzi qed joħolqu pressjoni kbira fuq ir-relazzjonijiet ta’ bejn il-miżżewġin u ta’ bejn l-istess membri tal-familja.
  1. Ma jistax jonqos li l-familji tagħna ma jittiħdux mit-tibdil kulturali qawwi li qed joħloq mistoqsijiet dwar il-konvinzjonijiet li sal-lum konna naħsbu li huma sħaħ daqs iż-żonqor. Qed ngħixu f’epoka fejn iż-żwieġ u l-familja għaddejjin minn tibdil enormi u ħafna qed iqajmu mistoqsijiet dwarhom. Illum il-familja saret wisq ċkejkna u għalhekk naqsulha r-riżorsi. Illum il-familja ftaqret fl-ideali u l-valuri. Illum il-familja għaddejja minn mumenti ta’ prekarjetà: id-divorzju, l-unjoni ċivili, kwistjonijiet marbuta mal-gender, it-tnissil assistit, u oħrajn. Dawn l-isfidi qed iħallu l-marka fuq il-viżjoni taż-żwieġ u l-familja. Huma fatturi li jheżżu ċ-ċertezzi Kattoliċi dwar iż-żwieġ u l-familja, u nifhem lil min jibda jistaqsi fejn huwa s-sewwa. Huma fatturi li jindikaw li hemm ħafna ġerħat, li fl-istess waqt jikkawżaw ġerħat oħra.

Kriżi ta’ fidi

  1. Alla fejn hu f’dan ix-xenarju? Quddiem l-esperjenza kiefra tat-tbatija, wieħed kapaċi jkun ittentat li jqatta’ l-karti tiegħu ma’ Alla. Hu fatt li waħda mir-raġunijiet li jwasslu għall-ateiżmu hija d-diffikultà li jsib il-bniedem biex jirrikonċilja l-verità ta’ Alla kollu ħniena meta mbagħad jara tant weġgħat fl-umanità. Ħafna drabi l-bniedem ma jistaqsix dwar l-eżistenza ta’ Alla, imma kif jista’ jkun li Alla, li hu mħabba u tenerezza, jibqa’ passiv quddiem it-traġedja umana. Daqskemm huwa minnu li xi żwiġijiet u familji qed izappu għax Alla m’għadux il-bastun li fuqu jserrħu matul mixjiethom, daqstant ieħor nibża’ li l-kriżi taż-żwiġijiet taf tkompli ddaħħal mhux ftit bnedmin fi kriżi ta’ fidi, inklużi dawk li, għalkemm jinsabu f’relazzjoni diskutibbli, għandhom il-bieb imbexxaq biex Alla jidħol u jgħammar għandhom.

Is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja

  1. Minkejja dan il-proċess mgħaġġel ta’ bidla, tibqa’ ħajja fil-bniedem ix-xewqa li jifforma familja, anki jekk fost il-ġenerazzjoni li tielgħa hemm min jippreferi li jgħix il-ħajja tal-koppja b’mod privat u mhux bħala impenn pubbliku. Konvinta li l-bniedem għandu ġibda naturali biex jgħix fi ħdan il-familja u li Ġesù Kristu huwa l-“inbid” li jhenni u jqaddes l-imħabba tal-miżżewġin, il-Knisja ma tehdiex ixxandar il-Vanġelu tal-Familja. Kien għalhekk li wara s-Sinodu tas-sena l-oħra, il-Papa Franġisku reġa’ sejħilna lilna l-Isqfijiet biex f’Ottubru li ġej niltaqgħu f’Sinodu ħalli flimkien nirriflettu dwar is-sejħa u l-missjoni tal-familja fid-dinja tal-lum.
  1. Niżgurakom li ma hemm ebda ħsieb li l-Knisja tibdel id-duttrina tagħha dwar iż-żwieġ u l-familja. Il-pedament tal-familja huwa ż-żwieġ bejn raġel u mara li jinħabbu bi mħabba dejjiema, fidila u miftuħa għall-ħajja. Meta raġel u mara jkunu misjuqin mit-twemmin fi Kristu, ikunu jafu x’inhu ż-żwieġ u jkollhom il-kwalitajiet umani suffiċjenti biex jiddeċiedu, iż-żwieġ tagħhom huwa sagrament. Huwa minnu li s-sagrament hu għajn ta’ grazzja biex fid-dgħufija tagħhom il-miżżewġin isibu l-għajnuna biex jgħixu s-sejħa u l-missjoni tagħhom; imma s-sagrament għandu tifsira aktar wiesgħa u impenjattiva. Hija ħasra li għal xi wħud iċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ hija biss ritwal pompuż, parata bi lbies sabiħ jew pageant reliġjuż.

Mixja ta’ formazzjoni

  1. Bl-għan li ngħinu lill-għarajjes jitħejjew biex jiċċelebraw u jgħixu s-sagrament taż-żwieġ, minn ftit tas-snin ’l hawn fid-Djoċesi bdejna norganizzaw mixja ta’ formazzjoni għall-għarajjes mifruxa fuq sentejn. F’dawn il-laqgħat, il-koppja tingħata tagħrif u ħiliet biex, imwieżna mill-Vanġelu, tkun tista’ tbaħħar fil-bnazzi u l-maltemp tal-ħajja, tkun taf tvinċi meta l-qagħda ekonomika tagħha tkun prekarja, meta l-impenji tax-xogħol jaħbtu jirkbuha. Il-koppja tipprepara ruħha biex tilqa’ t-tieni u t-tielet wild f’soċjetà li mhux talli ma toffrix servizz soċjali adegwat, imma taf trewwaħ kurrenti kontra t-tnissil tal-ħajja. Il-koppja titħarreġ biex meta jinqala’ d-diżgwid jew meta jfieru lil xulxin, ikunu kapaċi jaħfru.
  1. Dan u aktar ifisser tgħix is-sagrament taż-żwieġ bħala ġrajja ta’ grazzja. Tassew nieħu pjaċir meta koppji li jkunu ħadu sehem f’din il-mixja ta’ formazzjoni jgħiduli kemm baqgħu sodisfatti. Nemmen li din il-ħidma mal-koppji għarajjes taf tissarraf f’ħafna barkiet. Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk is-saċerdoti u koppji lajċi li huma ddedikati f’din il-pastorali.

Għajnuna professjonali

  1. Imma kif għidt aktar ’il fuq, effett tat-tsunami kulturali li għaddej, mhumiex ftit dawk il-miżżewġin li huma feruti għaliex iż-żwieġ tagħhom niżel bħal kastell tar-ramel. Dawn huma sitwazzjonijiet ta’ tbatija kbira u, sakemm huwa possibbli, wieħed għandu jipprova jsalva dak li jista’ jiġi salvat. Kien għalhekk li ftit snin ilu fid-Djoċesi tagħna waqqafna Family Counselling Centre fil-kumpless tas-Santwarju Ta’ Pinu, fejn persuni ppreparati joffru għajnuna professjonali biex jgħinu kemm lil persuni u koppji li għandhom diffikultajiet personali u fir-relazzjonijiet tagħhom fil-familja, u kemm lil min qed jitfarrak biex jerġa’ jiġbor u jgħaqqad il-biċċiet. Inħossni ħafna grat lejn dawk li jmexxu dan iċ-Ċentru.

Kulħadd għandu post fil-Knisja

  1. Fost dawn il-feruti hemm dawk li, wara l-falliment irriversibbli tar-rabta taż-żwieġ tagħhom, reġgħu daħlu f’rabtiet affettivi ġodda, uħud minnhom rikonoxxunti ċivilment – qed nirreferi għal dawk li huma divorzjati, jinsabu fit-tieni relazzjoni u għadhom jixxenqu għal Kristu. Għalkemm sitwazzjoni bħal din tmur kontra s-sagrament Nisrani, kif jgħid il-Papa Franġisku, “dawn il-persuni mhuma xejn affattu skomunikati u assolutament m’għandhomx jiġu ttrattati bħala tali: huma dejjem jagħmlu parti mill-Knisja”. F’dawn l-aħħar għaxriet tas-snin, fil-Knisja “kiber tabilħaqq l-għarfien li hemm bżonn nilqgħu bħal aħwa u b’qalb attenta, fl-imħabba u fil-verità, lil dawk l-imgħammda li qegħdin f’konvivenza ġdida wara li ż-żwieġ sagramentali tagħhom falla”. Il-Papa jkompli jgħid li “l-ikona tar-Ragħaj it-Tajjeb (ara Ġw 10:11-18) tiġbor il-missjoni kollha li Ġesù rċieva mingħand il-Missier: dik li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Din l-imġiba hi mudell ukoll għall-Knisja, li tilqa’ lil uliedha bħal omm li tagħti ħajjitha għalihom. ‘Il-Knisja hi msejħa tkun id-dar miftuħa tal-Missier […]’. – L-ebda bieb magħluq! Xejn bibien magħluqa! – ‘Kulħadd jista’ b’xi mod jieħu sehem fil-ħajja tal-Knisja, kulħadd jista’ jagħmel parti mill-komunità. Il-Knisja […] hi d-dar tal-Missier fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu’ (Evangelii gaudium, 47)”.[1]
  1. Id-dgħajsa ta’ Pietru hija kenn tal-midinbin. Nemmen li f’din id-dgħajsa għandu jkun hemm post għal kull tip ta’ midneb, għaliex sakemm il-bniedem huwa ħaj, dejjem tibqa’ t-tama li wieħed jista’ jirrevedi ħajtu. Fil-Knisja ma għandna naqtgħu qalbna minn ħadd. Allaħares inkunu aħna, li aħna lkoll midinbin, li niddeċiedu min minna għandu jitla’ f’din id-dgħajsa u min minna għandu jibqa’ l-art. Fil-Knisja u fis-soċjetà ma jeżisti ħadd li huwa “inutli” jew “irrekuperabbli” tant li għandek taqta’ jiesek minnu. Hi x’inhi l-kundizzjoni tal-bniedem, jew l-għażla li jagħmel, hemm postu f’din ix-xibka, jiġifieri f’din il-komunità ekkleżjali. Għax f’din ix-xibka hemm wisa’ għall-bnedmin kollha li jemmnu f’Alla, ħadd eskluż, għax ma hawn ħadd li huwa mitluf. Ħadd ma huwa “imbarazz”. Ilkoll nistgħu nirrevedu l-ħajja tagħna u nikbru fl-intimità ma’ Ġesù. Għalhekk ma għandna nwarrbu ebda persuna mill-komunità Nisranija.[2]

Il-ħniena ta’ Alla tnebbaħ il-ħidma pastorali

  1. Dan l-atteġġjament tal-Knisja nistgħu nifhmuh jekk bħala dixxipli nikkontemplaw il-ħniena ta’ Alla għalina: dik il-ħniena li aħjar nirreferu għaliha bħala “miżerikordja” – Alla għandu qalbu (“cor”) miftuħa biex tħaddan lill-bniedem fil-miżerji tiegħu. Il-miżerikordja hija l-kelma-muftieħ biex nifhmu kif Alla jaħdem magħna l-bnedmin.[3] B’din il-miżerikordja rridu nħarsu lejn is-sitwazzjoni ta’ kull persuna li qed tfittex lil Kristu. B’dawn l-għajnejn tal-miżerikordja għandna nħarsu lejn is-Sinodu ta’ Ottubru li ġej.
  1. Mhux sigriet li hemm ċerta stennija dwar x’ser joħroġ mis-Sinodu dwar din ir-realtà pastorali ta’ dawk li huma divorzjati u jinsabu fit-tieni relazzjoni. Min jgħid li għandhom jaqgħu ċerti ħitan li jagħżlu mill-bqija tal-komunità lil dawk li huma “irregolari fiż-żwieġ” imma jemmnu fi Kristu Feddej, bl-ebda mod ma qiegħed ipoġġi f’periklu t-tagħlim dwar l-indissolubbiltà, imma qiegħed jixxennaq li jduq jew idewwaq il-benna tal-miżerikordja ta’ Alla, partikularment dik li, skont it-Tradizzjoni tal-Knisja, il-bniedem jasal għaliha meta jimxi t-triq tal-konverżjoni, magħrufa bħala via pœnitentialis. Il-miżerikordja ta’ Alla mhux biss hija duttrina bħalma hija d-duttrina dwar iż-żwieġ u l-familja, imma hija l-qofol tad-duttrina Nisranija.[4] Il-miżerikordja wkoll hija verità rivelata u għalhekk qatt ma hija f’kuntrast ma’ veritajiet oħra jew mal-Vanġelu. Alla miżerikordjuż tfisser li Alla għandu għal qalbu l-miżerja umana, inkluża l-miżerja taż-żwieġ u l-familja; tfisser li Alla jpoġġi jdejh fuq il-ġerħa tal-umanità biex jgħinha tfiq u tagħlaq; tfisser li Alla huwa ħieles minn dik l-indifferenza globalizzata li taħkem lilna l-bnedmin.
  1. Il-paladini tal-“ġustizzja ta’ Alla” jafu jitfixklu quddiem din il-viżjoni pastorali. “Bħal donnu ma nistgħux nammettu li l-ġustizzja hija parti żgħira mill-miżerikordja. Il-miżerikordja tħaddan wisq aktar minn dik li aħna nattribwixxu lill-ġustizzja. Il-miżerikordja tippresupponi l-ġustizzja, imma fl-istess waqt tmur ’l hinn minnha. Meta ngħidu li Alla huwa għani fil-ħniena ma nkunux nifhmu li għal Alla jgħaddi kollox u li l-Vanġelu u l-Kmandamenti tiegħu saru rabass. Alla ħanin ifisser li Alla jagħti lill-bniedem aktar milli dan jistħoqqlu bi dritt. Għal Alla kollox huwa grazzja. Difett li writna mill-imgħoddi hu li naħsbu li Alla jgħinna jekk aħna nimmeritaw – jekk aħna bravi. Imma Alla jagħti b’mod gratuwitu, anki fl-esperjenza taż-żwieg u l-familja”.[5] Kif jgħidilna l-Papa Franġisku, “kieku Alla kellu jieqaf sal-ġustizzja, ma kienx jibqa’ Alla, kien ikun bħall-bqija tal-bnedmin kollha li jfittxu r-rispett tal-liġi. Il-ġustizzja waħidha mhix biżżejjed… Għalhekk Alla jmur ’l hemm mill-ġustizzja bil-ħniena u l-maħfra”.[6]

Nitgħallmu mill-Missirijiet tal-Knisja

  1. Fi żmien il-persekuzzjonijiet fl-ewwel sekli tal-Knisja, ma kinux ftit dawk l-Insara li kienu dgħajfin u ċaħdu l-magħmudija tagħhom. Meta dawn l-Insara ntebħu bl-iżball u riedu jerġgħu jibdew jingħaqdu mal-komunità Nisranija, kien hemm min kien “iebes” u għalqilhom il-bieb; u kien hemm min, għax kien jemmen li l-Knisja hija omm ħanina, reġa’ aċċettahom għat-tieni magħmudija, li ma kinitx il-magħmudija tal-ilma, imma tad-dmugħ tal-indiema.[7] Uħud mir-ragħajja spiritwali, bħal Bażilju ta’ Ċesarija, laqgħu lura fi ħdan il-Knisja anki lil dawk li, meta ċaħdu l-magħmudija, infirdu minn żwieġhom u daħlu fit-tieni relazzjoni.[8] L-istess atteġġjament pastorali wrieh il-Papa San Girgor il-Kbir meta wieġeb lil Santu Wistin ta’ Canterbury li kellu problema pastorali biex jilqa’ għas-sagramenti lil dawk li kienu fi żwieġ “sagrilegu”.[9]

Il-Vanġelu tal-Ħniena

  1. Wieħed jittama li fis-Sinodu li ġej, Ommna l-Knisja, filwaqt li tibqa’ fidila lejn il-Vanġelu tal-Familja u ssostni lil dawk il-familji li huma “weqfin” fuq riġlejhom, tfittex tkun fidila lejn il-Vanġelu tal-Ħniena ta’ Alla, u kif għamlet fl-imgħoddi midfun, illum ukoll tagħraf issib it-toroq biex iddewwaq il-miżerikordja ta’ Alla lil dawk li, minkejja li ma jkunux irnexxew fiż-żwieġ jew ir-relazzjoni tagħhom, għadhom jittamaw f’Alla. Ma għandniex nibqgħu lura u nibżgħu nħaddmu l-qawwa terapewtika li Ġesù fdalna bħala Knisja biex ngħinu lill-midneb niedem li jixtieq joħroġ mill-ħabs tal-bieraħ u jirrikonċilja ruħu ma’ Alla u mal-Knisja mingħajr ma nġagħluh jerfa’ piżijiet li moralment ma jiflaħhomx.

Ġesù jibqa’ jagħti l-inbid il-ġdid

  1. Il-ġrajja ta’ Kana kif irrakkontata fil-Vanġelu (ara Ġw 2:1-11) tibgħat messaġġ pożittiv u kollu tama anki għal dawk il-persuni u koppji li naqsilhom l-inbid. Hemm diversi motivi għaliex jista’ jkun li l-inbid nixef – forsi minħabba nuqqas ta’ xogħol, faqar, mard, kif ukoll għax l-imħabba tagħhom tħassret. Ġesù ma ġiex biex jikkundanna jew jaqta’ qalb il-bniedem, imma ġie biex jgħin, isieħeb u jfejjaq. Ġesù jrid ikun magħna biex lil dawk li l-inbid sarilhom ħall, tant li qed iqarrsilhom ħajjithom, jerġa’ jagħtihom il-possibbiltà li jduqu nbid tajjeb. Il-ġrajja ta’ Kana tgħidilna li fejn hemm storja ta’ falliment fiż-żwieġ u l-familja, Alla lest li jiftaħ fuqhom ix-xmara tal-imħabba u l-miżerikordja; anzi, Ġesù jagħżel li jferra’ l-ifjen inbid propju fuq dawk li, għal xi raġuni jew oħra, jaħsbu li tkissrulhom il-ġarar kollha.[10]
  1. Tagħmel il-qalb tisma’ lill-Papa Franġisku jgħid li l-inbid ġdid u tajjeb ta’ Kana ħareġ mill-ġarar li kienu jintużaw għall-ħasil ritwali, jiġifieri fejn il-Lhud kienu jħallu “dnubiethom”. Għalhekk l-inbid it-tajjeb instab fejn kien hemm it-tinġis. Hekk ukoll jikteb San Pawl: “Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja ta’ Alla” (Rum 5:20). Għalhekk ma nistagħġbux li dak li fina jnissel stmerrija għax huwa “imniġġes”, għal Alla jaf ikun opportunità biex jagħmel miraklu: “Illum il-familja għandha bżonn ta’ dan il-miraklu”.[11]
  1. Naturalment irridu noqogħdu attenti lil min nafdaw dan l-inbid. Ma nistgħux nagħtuh lil min dan l-inbid jista’ jagħmillu d-deni. Niftakru f’dak li jgħid San Pawl: li min jixrob minn dan il-kalċi bla ma jkun jixraqlu, ikun jixrob il-kundanna tiegħu stess (ara 1 Kor 11:28). Imma min-naħa l-oħra ma għandniex inkunu daqshekk riġidi fit-tqassim tal-inbid. Fostna hawn min donnu jrid li dan l-inbid jitqassam bir-razzjon! Il-ġarar qegħdin ifawru u hemm ħafna li huma mixtieqa minn dan l-inbid biex iduqu l-ħlewwa u l-ġenerożità ta’ Alla. Huwa dmir ta’ kulħadd li jgħarbel lilu nnifsu qabel jixrob dan l-inbid, imma ma nistgħu ngħarblu lil ħadd aħna. Għax fuq kollox, l-għarbiel tagħna ħafna ifjen minn dak ta’ Alla![12]

Omm il-Ħniena

  1. Il-festa tal-Assunta tfakkarna li kienet Marija li ndaħlet biex Ġesù pprovda nbid ġdid lill-koppja ta’ Kana. Inqiegħed taħt il-mant ta’ Santa Marija l-familji kollha tagħna, partikularment lil dawk il-persuni li, minkejja kollox, huma ħerqana biex jgħixu f’armonija ma’ Alla u ma’ sħabhom il-bnedmin. Inħeġġiġkom ukoll biex permezz tar-Rużarju titolbu ħerqana l-interċessjoni ta’ din l-Omm tal-Ħniena sabiex, fuq l-eżempju tagħha, il-Knisja, permezz tas-Sinodu, tkompli ddawwar dawk l-għajnejn tagħha tal-ħniena lejn l-umanità midruba. Hekk id-dlamijiet li jaħkmu l-qlub jintrebħu bid-dawl tax-Xemx li permezz tal-Qamar jilma wkoll matul il-lejl.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, nhar it-Tnejn, 10 ta’ Awwissu 2015, Festa ta’ Lawrenz, djaknu u martri.

+  Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

[1]     Il-Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali, 5 ta’ Awwissu 2015.

[2]     Ara Mario Grech, “Fid-dgħajsa ta’ Pietru hemm post għal kulħadd”, Knisja Arċipretali Ta’ Sannat, 20 ta’ Lulju 2015.

[3]     Ara l-Papa Franġisku, Bolla Misericordiæ Vultus [Il-Wiċċ tal-Ħniena] (11 ta’ April 2015), 9.

[4]     Il-Kardinal Georges Cottier, Civiltà Cattolica, 8.8.2015 (Antonio Spadaro S.I., ‘Brutalità del rigorismo, delicatezza della misericordia. Intervista al Cardinale Georges Cottier O.P.’, Civiltà Cattolica, Quaderno N° 3963-3964, 08/08/2015, 263-273.)

[5]     Ara Mario Grech, “Il-qalb ta’ Alla u l-miżerja tal-familja”, Knisja parrokkjali Ta’ Kerċem, 13 ta’ Lulju 2015.

[6]     Il-Papa Franġisku, Bolla Misericordiæ Vultus [Il-Wiċċ tal-Ħniena] (11 ta’ April 2015), 21.

[7]     Ara Mario Grech, Kristu jixxotta d-dmugħ, Ittra Pastorali tar-Randan (10 ta’ Frar 2015).

[8]     Ara Th. Michelet, Sinodo sulla famiglia. La via dell’Ordo Paenitentium, in Nova et Vetera 90 (2015).

[9]     Ara Venerabile Beda, Storia ecclesiastica degli Angli 1.27.

[10]    Ara Mario Grech, “Kana f’Għawdex tagħna”, Santwarju Ta’ Pinu, 22 ta’ Ġunju 2015.

[11]    Il-Papa Franġisku, Omelija fil-parroċċa ta’ Samanes di Guayaquil, 6 ta’ Lulju 2015.

[12]    Mario Grech, “Kana f’Għawdex tagħna”, Santwarju Ta’ Pinu, 22 ta’ Ġunju 2015.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.