Il-fidi li tkun konvinta mill-laqgħa aħħarija ma’ Ġesù, li hi aqwa mid-dubju u hi tant soda li ddawwal kull jum tagħna, m’għandhiex għeruqha fit-tlablib u s-superfiċjalità imma fil-faraġ li l-Insara għandhom ħila jnisslu f’xulxin, f’Ġesù. Il-Papa Franġisku rrifletta dwar l-imġieba tal-komunità antika ta’ Tessalonika li nsibu fis-silta mill-ittra ta’ San Pawl moqrija waqt il-quddiesa tal-lum.
Kienet komunità mħassaba li tistaqsi lilha nnifisha u lil Pawlu kif u meta kienet se sseħħ it-tieni miġja ta’ Kristu, x’kienet se tkun ix-xorti ta’ min imut, tant li l-Appostlu ħass il-ħtieġa jgħidlihom li min ma jaħdimx lanqas għandu jedd jiekol.
San Pawl, innota l-Papa Franġisku, jafferma li “jum il-Mulej” jasal għal għarrieda, bħal-ħalliel, imma jżid, li Ġesù se jiġi biex iġib is-salvazzjoni lil min jemmen fiH. U jtemm iħeġġiġhom biex ifarrġu ‘l xulxin. U huwa propju dal-faraġ, qal il-Papa, li jtina t-tama.
Il-parir huwa dan: Farrġu, farrġu lil xulxin. Nitkellmu aħna dwar dan, dwar il-miġja tal-Mulej, dwar li se niltaqgħu miegħu, staqsa Franġsiku? Jew nitkellmu dwar tant affarijiet, anki dwar it-teoloġija, dwar affarijiet tal-Knisja, dwar saċerdoti u, sorijiet, monsinjuri, u hwejjeġ bħal dawn?
Il-faraġ tagħna jinsab f’din it-tama? Farrġu lil xulxin, farrġu lil xulxin fil-komunitajiet tagħkom. Fil-komunitajiet tagħna, fil-parroċċi, nitkellmu dwar dan, dwar li qed nistennew il-miġja tal-Mulej? Jew intaqtqu dwar dan u dak biex ngħaddu ftit ħin u ma niddejqux iżżejjed?
Fis-Salm responsorjali, żied Franġisku, tennejna: Jien nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.
Imma int, staqsa l-Papa, għandek din iċ-ċertezza, tikkontempla l-Mulej? L-eżempju li għandna nimitaw hu dak ta’ Ġobb, li minkejja l-kuntrarju kollu kien jafferma b’mod deċiż: Jien naf li l-Mulej hu ħaj u għad naraH, u narah b’dawn għajnejja.
Hu minnu li Hu ġej biex jagħmel ħaqq u kull meta nidħlu fil-Cappella Sisitna naraw dik ix-xena sabiħa tal-ġudizzju universali. Imma rridu niftakru wkoll li Hu ġej ifittex lili biex jien inkun nista’ narah b’għajnejja, ngħannqu miegħi u nibqa’ għal dejjem ħdejh.
Din hi t-tama li l-Appostlu Pietru jgħidilna biex nispjegaw lill-oħrajn permezz ta’ ħajjitna, li nkunu xhieda tat-tama. Dan hu l-veru faraġ, din hi ċ-ċertezza vera: Jien ċert għax nikkontempla t-tjubija tal-Mulej.
Bħalma għamel San Pawl ill-Insara ta’ żmienu, il-Papa Franġisku tenna l-parir lill-Knisja tal-lum: farrġu lil xulxin bl-opri tajba u għinu lil xulxin. B’hekk nimxu ‘l quddiem.
Nitolbu lill-Mulej itina din il-grazzja: li dik iż-żrriegħa ta’ tama li żergħa f’qalbna, tibqa’ tikber sakemm tiltaqa’ miegħu: Jien ċert li għad nara lill-Mulej. Jiena ċert li l-Mulej hu ħaj. Jiena ċert li l-Mulej se jiġi għalija: dan hu x-xefaq ta’ ħajjitna. Nitolbu din il-grazzja lill-Mulej u nfarrġu lil xulxin bl-opri tajba u bil-kliem u nibqgħu mexjin f’dit-triq, temm jgħid Franġisku.