Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-umiltà u l-istagħġib jiftħu l-qalb biex tiltaqa’ ma’ Ġesù

L-umiltà u l-istagħġib jiftħu l-qalb biex tiltaqa’ ma’ Ġesù


Il-Ħamis, 3 ta’ Settembru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Il-ħila li nagħrfu lilna nfusna bħala midinbin tiftħilna qalbna għall-istagħġib li jiġi mil-laqgħa ma’ Ġesù, qal il-Papa dalgħodu, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  Illum il-Knisja tiċċelebra t-tifkira ta’ San Girgor il-Kbir, Papa u duttur tal-Knisja.

 

Fil-kummenti dwar il-Vanġelu tal-jum – li jirrakkonta s-sajda mirakoluża fejn Pietru jafda f’dak li kien qallu Ġesù u jitfa’ x-xbieki wara li għadda lejl li fih ma qabad xejn – il-Papa tkellem dwar il-fidi, bħala laqgħa mal-Mulej.

Qabel xejn, afferma Franġisku, jien inħobb naħseb li Ġesù kien jgħaddi l-biċċa l-kbira ta’ ħinu, fit-toroq, man-nies.  Imbagħad, tard filgħaxija kien imur waħdu biex jitlob.  Imma kien jiltaqa’ man-nies u jfittixhom.

Min-naħa tagħna għandna żewġ modi kif niltaqgħu mal-Mulej.  L-ewwel wieħed hu dak ta’ Pietru, tal-Appostli, tal-poplu.

Il-Vanġelu juża l-istess kelma għal dawn kollha: ‘ilkoll baqgħu mistagħġbin.’  L-istagħġib invadiehom ilkoll u meta jitnissel fina dan is-sentiment.… Il-poplu kien jisma’ lil Ġesù u kien iħossu mistagħġeb għax il-Mulej kien jitkellem bl-awtorità.  ‘Qatt ma smajna lil min jitkellem hekk,’ kienu bdew jgħidu.

Grupp ieħor li kien jiltaqa’ ma’ Ġesù ma kienx iħalli l-istagħġib jidħol fih.  Kienu jisimgħu lil Ġesù u jagħmlu l-kalkoli tagħhom: dawn kienu d-dutturi tal-liġi.  Kienu jgħidu:  ‘Dan bniedem għaref li jgħid is-sewwa, imma għalina dal-kliem ma jaqbilx.’  Kienu jżommu d-distanza.

L-istess xjaten, osserva l-Papa, jistqarru li Ġesù hu l-Iben t’Alla, imma bħad-dutturi tal-liġi u l-Fariżej, ma kellhomx ħila jistagħġbu għax kienu magħluqin fis-suppervja tagħhom.

Pietru jagħraf li Ġesù hu l-Messija imma jistqarr ukoll li hu midneb.  Ix-xjaten jaslu jgħidu l-verità dwar Ġesù, imma dwar il-Fariżej ma jgħidu xejn.  Ma jistgħu jgħidu xejn dwarhom, għax is-suppervja tagħhom hi tant kbira li m’għandhomx ħila jagħrfu li huma midinbin.  Dan ibegħedhom milli jistqarru lil Ġesù Kristu.  Din hi d-differenza.

Din hi d-differenza li hemm bejn l-umiltà tal-pubblikan, li jistqarr li hu midneb, u s-suppervja tal-Fariżew, li joqgħod jiftaħar.  Il-ħila li aħna nistqarru li aħna midinbin tiftħilna qlubna għal-laqgħa ma’ Ġesù Kristu, il-laqgħa vera, awtentika.

Fil-parroċċi tagħna, fis-soċjetajiet tagħna, anke bejn il-persuni kkonsagrati, kemm hemm nies li għandhom il-ħila jgħidu li Ġesù hu l-Mulej? Ħafna!  Imma kemm hu diffiċli li tgħid bis-sinċerità: ‘jiena midneb’, ‘jien midinba’.  Aktar faċli tgħid dan dwar ħaddieħor, eh?, osserva l-Papa.  Kemm tqassis!

Aħna lkoll dutturi tal-liġi, mhux veru?  Imma biex naslu għall-veru laqgħa ma’Ġesù jeħtiġilna nistqarru żewġ affarijiet:  ‘Int veru l-Iben t’Alla’ u ‘Jiena midneb/midinba.’  Imma dan mhux bit-teorija imma bis-sinċerità.

Pietru, żied josserva l-Papa, jinsa l-istagħġib tal-laqgħa u jiċħad lill-Mulej.  Imma għax hu umli jħalli lill-Mulej jerġa’ jiltaqa’ miegħu u, meta għajnejhom jiltaqgħu ma’ ta’ xulxin, Pietru jibki, jistqarr dnubu u jgħid, ‘Jiena midneb.’

Il-Mulej itina l-grazzja, temm l-omelija l-Papa, li niltaqgħu miegħu, imma li nħallu lilU jiltaqa’ magħna.  Jalla jtina l-grazzja tant sabiħa ta’ dan l-istagħġib tal-laqgħa miegħu.  U jalla jtina l-grazzja wkoll li nistqarruH Iben Alla u nistqarru li aħna midinbin.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. Anonymous
    May 19, 2018 at 2:29 pm

    Tafu tghidulhi fejn ser isir ic-celebrazzjoni ta’ Pentekoste pls?

    • May 19, 2018 at 4:03 pm

      Dan huwa l-programm ta’ Monsinjur arcisqof għall-Hadd 20 ta’ Mejju, Solennità ta’ għid il-Ħamsin (Pentecoste)

      Il‑Ħadd 20 ta’ Mejju, fid‑9:00 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fis‑Solennità ta’ Għid il‑Ħamsin fis‑Santwarju tal‑Madonna tal‑Karmnu, il‑Belt Valletta, li fiha jamministra s‑Sagrament tal‑Griżma tal‑Isqof lill‑adolexxenti tal‑Parroċċi tal‑Belt u l‑Parroċċa ta’ Ġesù Nazzarenu, Tas‑Sliema. Fil‑5:30 p.m., Monsinjur Arċisqof jamministra s‑Sagrament tal‑Griżma tal‑Isqof lill‑adolexxenti fis‑Santwarju tal‑Ħniena Divina, in‑Naxxar.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: