Il-ħila li ngħarfu lilna nfusna bħala midinbin tiftħilna qlubna għall-istagħġib li jiġi mil-laqgħa ma’ Ġesù qal il-Papa waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu. Illum il-Knisja tiċċelebra t-tifkira ta’ San Girgor il-Kbir, Papa u Duttur tal-Knisja. Fil-kummenti dwar il-Vanġelu tal-jum li jirrakkonta s-sajda mirakoluża fejn Piteru jafda f’dak li kien qallu Ġesù u jitfa’ x-xbieki wara li għadda lejl li fih ma qabad xejn, il-Papa tkellem dwar il-fidi, bħala laqgħa mal-Mulej.
Qabel xejn, afferma Franġisku, jien inħobb naħseb li l-biċċa l-kbira ta’ ħinu, Ġesù kien jgħaddih fit-toroq, man-nies. Imbagħad, tard filgħaxija kien imur waħdu biex jitlob. Imma kien jitlaqa’ man-nies u jifttixhom.
Min-naħa tagħna għandna żewġ modi kif niltaqgħu mal-Mulej. L-ewwel wieħed hu dak ta’ Pietru, tal-Appostli, tal-poplu.
Il-Vanġelu juża l-istess kelma għal dawn kollha: ilkoll baqgħu mistgħaġbin. L-istgħaġib invadihom ilkoll u meta jitnissel fina dan is-sentiment…… il-poplu kien jisma’ lil Ġesù u kien iħossu mistgħaġeb għax il-Mulej kien jitkellem bl-awtorità. Qatt ma smajna lil min jitkellem hekk, kienu bdew jgħidu.
Grupp ieħor li kien jiltaqa’ ma’ Ġesù ma kienx iħalli l-istgħaġib jidħol fih. Kienu jisimgħu lil Ġesù u jagħmlu l-kalkoli tagħhom: dawn kienu d-dutturi tal-liġi. Kienu jgħidu: dan bniedem għaref li jgħid is-sewwa, imma għalina dal-kliem ma jaqbilx. Kienu jżommu d-distanza.
L-istess xjaten, osserva l-Papa, jistqarru li Ġesù hu l-Iben t’Alla, imma bħad-dutturi tal-liġi u l-Fariżej, ma kellhomx ħila jistgħaġbu għax kienu magħluqin fis-suppervja tagħhom.
Pietru jagħraf li Ġesù hu l-Messija imma jistqarr ukoll li hu midneb. Ix-xjaten jaslu jgħidu l-verità dwar Ġesù, imma dwar il-Fariżej ma jgħidu xejn. Ma jistgħu jgħidu xejn dwarhom, għax is-suppervja tagħhom hi tant kbira li m’għandhomx ħila jagħrfu li huma midinbin. Dan ibegħedhom milli jistqarru lil Ġesù Kristu. Din hi d-differenza.
Id-differenza li hemm bejn l-umiltà tal-pubblikan, li jistqarr li hu midneb u s-suppervja tal-Fariżew, li joqgħod jiftaħar. Il-ħila li aħna nistqarru li aħna midinbin tiftħilna qlubna għal-laqgħa ma’ Ġesù Kristu, il-laqgħa vera, awtentika.
Fil-parroċċi tagħna, fis-soċjetajiet tagħna, anki bejn il-persuni konsagrati kemm hemm nies li għandhom il-ħila jgħidu li Ġesù hu l-Mulej? Ħafna!
Imma kemm hu diffiċli li tgħid bis-sinċerità: jiena midneb, jien midinba. Aktar faċli tgħid dan dwar ħaddieħor, eh?, osserva l-Papa. Kemm tqassis. …… Aħna lkoll dutturi tal-liġi, mhux veru? Imma biex naslu għal veru laqgħa ma’Ġesù jeħtiġilna nistqarru żewġ affarijiet: Int veru l-Iben t’Alla u jiena midneb/midinba. Imma dan mhux bit-teorija imma bis-sinċerità.
Pietru, żied josserva l-Papa, jinsa’ l-istgħaġib tal-laqgħa u jiċħad lill-Mulej. Imma għax hu umli jħalli lill-Mulej jerġa jiltaqa’ miegħu u meta għajnejhom jiltaqgħu ma’ xulxin, Pietru jibki, jistqarr dnubu u jgħid “jiena midneb”.
Il-Mulej itina l-grazzja, temm l-omelija l-Papa, li niltaqgħu miegħu imma li nħallu lilU jiltaqa’ magħna. Jalla jitna l-grazzja tant sabiħa ta’ dan l-istgħaġib tal-laqgħa miegħu. U jalla jtina l-grazzja wkoll li nistqarruh Iben Alla u nistqarru li aħna midinbin.