L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Vitorja 2015


It-Tnejn 7 ta’ Settembru 2015: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Pontifikali fil-Knisja Parrokkjali tal-Mellieħa, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Vitorja 2015 u l-450 sena anniversarju mill-Assedju l-Kbir (1565-2015).

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja Parrokkjali tal-Mellieħa

Din is-sena qegħdin infakkru l-450 sena mill-Assedju l-Kbir. Minn Mejju sa Settembru tal-1565, Malta ġiet assedjata minn flotta Ottomana qawwija u b’saħħitha. L-istorja traġika u epika ta’ dan l-assedju tixhed għall-ħruxija li l-bnedmin jafu jużaw fuq xulxin, kif ukoll għall-qlubija li juru meta jkunu fil-periklu. Kien hemm vittmi fuq iż-żewġ naħat. Kien hemm atti erojċi fuq iż-żewġ naħat. L-ebda reviżjoni moderna tal-ġrajja ma tista’ tikkanċella l-fatt li fl-1565 it-Torok Misilmin aggredew l-integrità territorjali tal-gżira ta’ Malta bl-għan li jkeċċu lill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann u jagħmlu l-Maltin Misilmin jew ilsiera, kif kienu għamlu f’Għawdex fl-1551. Għalhekk huwa xieraq li ta’ kull sena, fit-8 ta’ Settembru, niċċelebraw il-Vittorja fuq min ġie biex jgħakkisna, u nfakkru li l-patrimonju kulturali u reliġjuż tagħna nkiseb u nfeda bid-demm għażiż tal-qalbiena.

Ma ġejniex hawn illum biex inġeddu xi spirtu belliku jew biex numiljaw lil min ġie, ra, u reġa’ lura minn fejn ġie b’idu vojta. It-tifkira tal-Assedju l-Kbir, b’mod speċjali din is-sena, għandha tgħinna nirriflettu fuq xi messaġġi attwali daqskemm huma urġenti.

L-ewwel punt li xtaqt naqsam magħkom huwa li kull aggressjoni ta’ pajjiż fuq pajjiż ieħor għal skopijiet ta’ konkwista jew sfruttament hija inġusta, jagħmilha min jagħmilha.

“Il-ħames kmandament tad-Dekalogu – ‘La toqtolx’ – jipprojbixxi l-qerda volontarja tal-ħajja tal-bniedem. Minħabba l-ħsarat u l-inġustizzji li kull gwerra ġġib magħha, il-Knisja tħeġġeġ bla heda lil kulħadd biex jitlob u jħabrek ħalli Alla, fit-tjieba tiegħu, jeħlisna mill-jasar antik tal-gwerra. Kull ċittadin, kull gvern, hu fid-dmir li jaħdem biex jiġu evitati l-gwerer” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika 2307 – 2308).

“Kull għemil ta’ gwerra li bla ma jqis xejn iġib il-qerda ta’ bliet sħaħ jew ta’ reġjunijiet sħaħ bl-abitanti kollha tagħhom hu delitt kontra Alla u kontra l-istess bniedem, għandu jiġi kkundannat bil-qawwa kollha u bla tlaqliq. Riskju ta’ gwerra fiż-żminijiet tal-lum hu dak li jista’ jkun okkażjoni biex dawk li għandhom ħażniet ta’ armi atomiċi, bijoloġiċi jew kimiċi, jagħmlu delitti bħal dawn” (KKK 2314).

“L-inġustizzji, id-differenzi kbar li hemm fl-ordni ekonomiku u soċjali, l-għira, is-suspetti, is-suppervja, li qed jiżdiedu fost il-bnedmin u n-nazzjonijiet bla heda, jheddu l-paċi u jġibu l-gwerer. Kulma jsir biex tintrebaħ din id-diżordni jgħin għall-bini tal-paċi u biex tinżamm il-gwerra bogħod mid-dinja. Il-periklu tal-gwerer ikompli jhedded il-bnedmin, għax midinbin, u dan jibqa’ veru sa ma Kristu jerġa’ jiġi. Iżda daqskemm il-bnedmin, magħqudin flimkien fl-imħabba, għandhom il-ħila jirbħu d-dnub, daqshekk ieħor jirbħu l-vjolenza u jaslu biex iseħħ dan il-kliem: ‘Jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma’ jerfa x-xabla kontra ġens ieħor u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed’ (Iż 2,4)” (KKK 2317).

Tassew, kemm hu sabiħ li l-kulturi diversi u differenti jkunu jistgħu jgħixu flimkien fil-paċi. In-Nisrani vera jaħdem għall-paċi bejn il-popli, jaf ukoll jiddefendi l-libertà tiegħu, u fuq kollox iħaddem il-liġi tal-imħabba.

Bil-kliem tal-Papa Franġisku f’Evangelii Gaudium (n. 101): “Nitolbu lill-Mulej ifehemna l-liġi tal-imħabba. Kemm hi ħaġa tajba jkollna din il-liġi! Kemm hu ta’ ġid għalina li nħobbu lil xulxin, minkejja kollox! Iva, minkejja kollox! It-twissija ta’ Pawlu tgħodd għal kull wieħed u waħda minna: ‘Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb’ (Rum 12:21). U mill-ġdid: ‘Ma ngħejjew qatt nagħmlu l-ġid’ (Gal 6:9). Kollha għandna s-simpatiji u l-antipatiji tagħna, u forsi propju bħalissa aħna rrabjati għal xi ħadd. Tal-inqas ngħidu lill-Mulej: ‘Mulej, jien irrabjat għal dan, għal din. Nitolbok għalih u għaliha’. Li nitolbu għall-persuna li magħha kellna xi ngħidu hu pass sabiħ lejn l-imħabba, u hu att ta’ evanġelizzazzjoni. Nagħmluh illum! Ma nħallux lil min jisirqilna l-ideal tal-imħabba fraterna!”

Hija ħasra kbira meta r-reliġjon issir strument jew mottiv ta’ kampanja militari u ta’ gwerra ta’ aggressjoni. Hija ħasra kbira li l-atroċitajiet li qegħdin jagħmlu n-nies tal-Istat Iżlamiku qegħdin jiġu ġġustifikati minn interpretazzjoni kiefra tal-Koran.

Kif jgħallem tant tajjeb il-Papa Franġisku: “Fi żmienna għandha importanza partikulari r-relazzjoni mal-Musulmani, illum partikularment preżenti f’bosta pajjiżi ta’ tradizzjoni Nisranija fejn huma jistgħu jiċċelebraw liberament il-kult tagħhom u jgħixu integrati fis-soċjetà. Qatt ma rridu ninsew li huma, ‘waqt li jistqarru l-fidi ta’ Abraham, jaduraw magħna ’l Alla wieħed, ħanin, li għad jagħmel ħaqq mill-bnedmin fl-aħħar jum’. [n. 198] Il-kitbiet imqaddsa tal-Iżlam jiġbru parti mit-tagħlim Nisrani; Ġesù Kristu u Marija huma oġġett ta’ qima kbira, u ta’ min jammirahom tant żgħażagħ u anzjani, irġiel u nisa Musulmani, li huma kapaċi jiddedikaw ta’ kuljum, żmien għat-talb u għas-sehem fidil fir-riti reliġjużi tagħhom. Fl-istess waqt, ħafna minnhom huma konvinti mill-qiegħ li ħajjithom, kollha kemm hi, hi ta’ Alla u għalih. Jagħrfu wkoll il-ħtieġa li jwieġbu lil Alla b’impenn etiku u bil-ħniena mal-iżjed foqra”.

“Biex insaħħu d-djalogu mal-Iżlam bilfors li hemm bżonn niffurmaw sewwa lil dawk involuti fih, mhux biss biex jinbnew b’mod sod u hieni fl-identità tagħhom, imma biex ikollhom il-ħila jagħrfu l-valuri tal-oħrajn, jifhmu t-tħassib marbut ma’ dak li qed jitolbu u jixħtu dawl fuq il-konvinzjonijiet komuni. Aħna l-Insara għandna nilqgħu bi mħabba u b’rispett lill-immigranti Musulmani li jaslu fuq xtut pajjiżna, l-istess kif nixtiequ u nitolbu li niġu milqugħa u rispettati aħna fil-pajjiżi ta’ tradizzjoni Iżlamika. Nitlob u umilment insejjaħ lil dawn il-pajjiżi biex jiżguraw il-libertà tal-Insara biex dawn jistgħu jiċċelebraw il-kult tagħhom u jgħixu l-fidi tagħhom, meta jżommu f’moħħhom il-libertà li l-Musulmani jgawdu fil-pajjiżi tal-Punent! Quddiem episodji ta’ fundamentaliżmu vjolenti li jħassbuna, ir-rispett lejn dawk li b’mod awtentiku jemmnu fl-Iżlam għandu jwassalna biex naħarbu ġeneralizzazzjonijiet koroh, għax il-veru Iżlam u l-interpretazzjoni xierqa tal-Q’uran jeħduha kontra kull għamla ta’ vjolenza” (Evangelii Gaudium nn. 252-253).

Tabilħaqq, fil-fidi u r-raġuni m’hemmx post għall-vjolenza, għal ta’ bilfors, għall-aggressjoni.

“Biex tkun tixraq lill-bniedem ‘it-tweġiba tal-fidi mogħtija mill-bniedem lil Alla trid issir b’rieda ħielsa; għalhekk ħadd ma jista’ jiġi mġiegħel iħaddan il-fidi jekk ma jridx. Min-natura tiegħu stess, l-att tal-fidi hu volontarju’ (Konċ. Vatikan II, Dignitatis humanae, n. 10). ‘Alla, iva, isejjaħ lill-bnedmin biex jaqduh fl-ispirtu u l-verità; u jekk din is-sejħa tobbligahom fil-kuxjenza, ma tisforzahom bl-ebda mod……Dan deher fi grad mill-aktar għoli fi Kristu Ġesù’ (Konċ. Vatikan II, Dignitatis humanae, n. 11). Fil-fatt Kristu stieden lin-nies biex jemmnu u jikkonvertu, iżda qatt ma sforza lil ħadd. ‘Ta xhieda għall-verità; iżda ma riedx jimponiha bil-forza fuq dawk li kienu jmeruh. Is-saltna tiegħu…..tikber bil-qawwa tal-imħabba li biha Kristu, merfugħ fuq is-salib, jiġbed il-bnedmin kollha lejh’” (KKK 160).

“‘Fejn tidħol ir-reliġjon, ħadd ma għandu jiġi mġiegħel imur kontra l-kuxjenza tiegħu, u lanqas ħadd ma għandu jiġi mfixkel li jimxi skont il-kuxjenza tiegħu, kemm privatament u kemm pubblikament, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, sakemm dan isir f’limiti ġusti’ (Konċ. Vatikan II, Dignitatis humanae, 2). Dan id-dritt hu bbażat fuq in-natura stess tal-persuna umana, għax id-dinjità tiegħu bħala bniedem twasslu biex b’mod ħieles iħaddan il-verità ta’ Alla, li hi ’l fuq minn kull ordni f’din id-dinja. Hu għalhekk li ‘dan id-dritt jinsab ukoll f’dawk li mhumiex jaqdu d-dmir li jfittxu l-verità u jħaddnuha” (KKK 2106).

Diversi drabi aħna l-Maltin konna fix-xifer u ġejna meħlusa bl-interċessjoni tal-Omm Ħelwa ta’ Ġesù u ta’ Missierna San Pawl. Illum, waqt li nfakkru b’qima il-passat, nimpenjaw ruħna bi spirtu mġedded għal kultura ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ solidarjetà bejn il-ġnus, bejn ir-reliġjonijiet, mal-ħolqien u bejn il-bnedmin.

✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.