Id-Dar tal-Providenza tiċċelebra għeluq il-50 sena b’quddiesa fil-Bażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura f’Ruma


Is-Sibt 12 ta’ Settembru 2015: Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Bażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura, f’Ruma, propju f’Jum il-Fundazzjoni tad-Dar tal-Providenza. Din is-sena Id-Dar qed tfakkar b’diversi attivitajiet il-50 sena mit-twaqqif tagħha minn Mons Mikiel Azzopardi fit-12 ta’ Settembru 1965.

Bħala parti minn dawn l-avvenimenti speċjali, seba’ u għoxrin resident u residenta ittieħdu Ruma għal laqgħa speċjali ma’ Papa Franġisku l-Ħadd 13 ta’ Settembru wara r-reċita tal-Angelus f’Casa Santa Marta. Flimkien mal-Arċisqof Scicluna kien hemm jakkumpanjawhom l-Arċisqof Emeritus Mons Paul Cremona O.P, Fr Martin Micallef id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, il-Management tad-Dar kif ukoll għadd ta’ carers.

Għal din il-Quddiesa ta’ ringrazzjament kienu mistiedna wkoll il-Maltin li jgħixu f’Ruma fosthom l-Ambaxxatur ta’ Malta f’Ruma, s-Sinjura Vanessa Frazier.

L-Arċisqof Scicluna qal li 50 sena ilu bl-opra ta’ Dun Mikiel Azzopardi, saċerdot djoċesan Malti, bdiet avventura ta’ fejqan partikolari. Kategorija ta’ nies li minħabba ta’ ċirkostanzi, ta’ mistħija, ta’ tabù soċjali u frott anke forsi ta’ nuqqas ta’ qbil u injoranza kienu jinħbew jew saħansitra jitħallew f’xi kantina, bdew isibu bil-mod il-mod id-dinjità. Monsinjur Scicluna appella biex il-maltin jibqgħu jirrispettaw id-dinjità ta’ kull bniedem hu min hu, ta’ kull bniedem imżejjen b’liema talent hu mżejjen u anke jekk forsi minħabba l-preġudizzji iħossu li mhumiex ixxurtjati daqsna. F’għeluq il-ħamsin sena tad-Dar tal-Providenza ħadna f’Ruma grupp ta’ residenti, frott ta’ warda sabiħa tad- djocesi tagħna. J’Alla din l-avventura ta’ solidarjetà, mħabba u ta’ dinjità, tkompli f’qalb il-Maltin u Għawdxin li għamlu d-Dar tal-Providenza tagħhom.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Fr Martin spjegalna r-raġuni għaliex qegħdin hawnhekk u rrakkonta ta’ dak li ġara ħamsin sena ilu. Jien nixtieq naqsam magħkom riflessjoni qasira fuq is-sinifikat tal-preżenza tagħna hawnhekk illum. Ġejna Ruma f’dan it-tempju majestuz – il-Bażilika Papali ta’ San Pawl Appostlu barra mill-Ħitan ta’ Ruma – Fuori Le Mura, mibnija fuq il-qabar tal-appostlu Missierna San Pawl. U ġejna hawnhekk, l-ewwel nett biex infakkru l-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza li bdiet minn din il-ħolma li kellu Mons. Mikiel Azzopardi u l-konferma li rċieva bħal lum mill-providenza ta’ Alla permezz ta’ dik il-mara, li tagħtu l-ewwel mitt lira, imma ġejna wkoll biex insellmu liż-żewġ appostli. Illum lil Pawlu u għada nsellmu lill- appostlu Pietru bil-quddiesa ħdejn il-qabar tiegħu u lis-suċċessur tiegħu l-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku fl-udjenza tagħna miegħu.

Kemm hi ħaġa sabiħa li niftakru u nfakkru lilna nfusna fl-għeluq il-50 sena, li d-Dar tal-Providenza hija frott tal-kultura ta’ rispett u tal-imħabba u tal-fejqan li ġab fil-gżejjer tagħna l-appostlu Missierna San Pawl. Mad-dawra ta’ din il-bażilika hemm diversi affreski li jfakkru ġrajjiet mill-ħajja ta’ San Pawl. Tlieta minnhom ifakkru l-ġrajja li għadna kif qrajna fit-tieni qari. Hemm affresk li jfakkar in-nawfraġju , affresk li jfakkar il-miraklu tal-lifa’ u affresk li nistgħu narawh minn hawnhekk, il-fejqan ta’ missier Publiju.
L-aħħar żewġ affreski jfakkruna fiż-żewġ sinjali li nsibu fl-Atti tal-Appostli li jakkumpanjaw il-miġja ta’ San Pawl fostna. Huma t-tnejn is-sinjali li jsemmi Ġesù fil-vanġelu li għadna kif smajna minn San Mark Kapitlu sittax. “Jaqbdu s-sriep b’idejhom…iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiequ.” Mark16:18. Dawn huma tnejn minn numru ta’ sinjali li Ġesù jgħid jsieħbu lil dawk li jemmnu.

Mela l-ewwel nett irridu nirringrazjawh għall-fidi li kellu l-appostlu missierna frott il-laqgħa li kellu ma’ Ġesù fi triq ta’ Damasku. Il-Mulej jgħid fil-vanġelu li: “Il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-Kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.” Mark 16:26. Mela t-tieni aspett ta’ dawn is-sinjali mhumiex biss espressjoni tal-fidi ta’ Pawlu imma wkoll konferma tal-Kelma li qalilna. Infatti aħna qrajna li wara li fejjaq lil missier Publiju, il-morda kollha tal-gżira bi ħġarhom ressqu lejh u huwa fejjaqhom. Il-miġja ta’ San Pawl ġabet il-fejqan.

Ħamsin sena ilu, bl-opra ta’ saċerdot djoċesan, bdiet avventura li ta fejqan partikulari. Kategorija ta’ nies li minħabba tant ċirkustanzi: ta’ mistħija, ta’ taboo soċjali, frott anke forsi nuqqas ta’ għarfien u injoranza kienu jinħbew jew addiritura jaħbuhom fil-kantina. Bdew isibu bil-mod il-mod id-dinjità.

Illum min din il-bażilika nixtieq li nagħmel appell biex aħna l-Maltin nibqgħu nirrispettaw id-dinjità ta’ kull bniedem hu min hu, ta’ kull bniedem, imżejjen b’liema talent huwa imżejjen u anke jekk quddiemna u forsi minħabba l-preġudizzji tagħna nħossu li mhuwiex ixxortjat daqsna.

Ejjew nitolbu biex is-soċjetà tagħna hi u tilqa’ fid-dinja t-trabi, ma tgħaddihomx mit-test ta’ min huma jew kemm huma f’saħħithom qabel tilqagħhom. Ejjew inħabbru l-vanġelu tal-ħajja li jilqa’ lil kull bniedem li jista’ jgħix u jitwieled, hi min hi, hu kif inhu, għax kull ħajja għandha d-dinjità tagħha. Min aħna aħna biex inkejlu aħna, bl-egoiżmu tagħna l- valur tal-ħajja umana?

Aħna u għaddejjin mit-toroq ta’ Ruma llum stajna naraw l-istagħġib ta’ nies ta’ kultura li taħbi t-tbatija quddiem dawn ħutna li aħna ma rridux naħbuhom imma ndawruhom bl- imħabba tagħna.
Jien nixtieq nirringrazzja lil Father Martin u lil sħabek Fr Martin ta’ din l-inizzjattiva . Aħna llum ġibna quddiem San Pawl frott ta’ warda sabiħa tad-djoċesi ta’ Malta.

Nirringrazzjawh tal-fidi li ġabilna imma qed ngħidulu aħna qegħdin nippruvaw insarrfu l-fidi li ġibtilna f’atteġjament u f’imħabba konkreta. Nitolbuk taħfrilna tan-nuqqasijiet tagħna imma nitolbuk tidħol għalina quddiem Alla biex din l-avventura ta’ mħabba ta’ soliderjetà u ta’ dinjità tkompli u jkollha l-frott.

+ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.