Lejn ħarsien sħiħ t’ulied Maltin
Fid-dawl tal-emendi proposti lill-Embryo Protection Act, aħna – grupp ta’ ommijiet nixtiequ niġbdu l-attenzjoni fuq dawn il-punti:
- Nħossu li huwa inuman li nċaħħadu lil ulied b’mod intenzjonat mill-omm jew missier bioloġiku tagħhom. Aħna u nikbru, nifhmu lilna nfusna wkoll f’relazzjoni ma’ ommna u missierna, kemm mil-lat fiżiku kif ukoll dak psikoloġiku. Għalhekk l-għoti ta’ bajda jew sperma minn donatur qatt ma jistgħu jitqiesu fl-aħjar interess tat-tfal. Tkun ħaġa xierqa li nkunu sensittivi u nisimgħu il-frustrazzjonijiet li żgħażagħ stess li għaddew minn din l-esperjenza jġarrbu, it-tiftix li jagħmlu dwar il-ġenitur nieqes, ġieli anki minħabba raġunijiet ta’ saħħa, it-tama u x-xewqa li jsiru jafu min hu l-missier jew min hi l-omm naturali, il-biża’ li jekk isiru jafu ma jkunux aċċettati minnhom etc.
- Rigward il-possibilta’ li ssemmiet minn xi għaqdiet dwar surrogate motherhood, nixtiequ nelenkaw li dan l-att qatt ma jista’ jitqies bħala att ta’ karita jew favur li wieħed jagħmel lil min ma jistax ikollu tfal. Surrogacy hija esperjenza fejn l-omm u l-wild huma sfurzati jinqatgħu minn xulxin fi żmien fejn l-għaqda u r-rabta ta’ bejniethom suppost tibda. Anke meta l-omm tħossha distakkata mill-wild tagħha minħabba stress jew mard jew kundizzjonijiet mentali, faċli wieħed jara l-konsegwenzi fuq l-ulied, aħseb u ara meta dan isir b’mod intenzjonat. Ħafna huma dawk in-nisa li diġa’ qed ikunu sfruttati jew sfurzati jagħmlu dan ix-xogħol speċjalment f’pajjiżi fqar. Aħna rridu li f’pajjiżna d-dinjita’ tal-mara u tal-ulied titbaxxa b’dan il-mod fejn it-tarbija tkun ridotta għal oġġett li jista’ jinxtara u l-mara vending machine li tħallasha u ttik it-tarbija?
- L-Embryo Protection Act la hu diskriminatorju u lanqas omofobiku kif issemma’ minn xi għaqdiet għax il-qalba tiegħu mhix dwar l-adulti imma dwar l-ulied, dwar il-bżonnijiet, il-ħarsien u s-sigurta tal-embrijun.
Filwaqt li nifhmu t-tbatija u l-uġigħ ta’ dawk li jixtiequ jsiru ġenituri u ma jistgħux, il-bżonn li t-tifel/tifla jkunu magħquda mal-omm/missier bioloġiku tagħhom għandu jiġi qabel ix-xewqa jew is-sodisfazzjoni li wieħed isir ġenitur. Qed niktbu biex nappellaw lil kull min hu nvolut fid-deċiżjonijiet li se jittieħdu wara l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-emendi tal-Embryo Protection Act biex l-embrijun jibqa’ fiċ-ċentru tal-ħarsien meta tkun ikkunsidrata xi emenda.
—————
Suzanne Vella, Marisa Gatt, Mariella Catania, Christine Rossi, Martha Fitz. (Ommijiet u ħaddiema fil-qasam soċjali, edukattiv u taż-żgħażagħ).