Il-Familja – Popli


30. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 16 ta’ Settembru 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Din hi r-riflessjoni konklużiva fuq it-tema taż-żwieġ u tal-familja. Ninsabu lejlet ġrajjiet sbieħ u impenjattivi, li huma direttament marbuta ma’ din it-tema kbira: il-Laqgħa Dinjija tal-Familji f’Philadelphia u s-Sinodu ta’ l-Isqfijiet hawn Ruma. It-tnejn għandhom karattru dinji, li jikkorrispondi mad-dimensjoni universali tal-Kristjaneżmu, imma wkoll mal-portata universali ta’ din il-komunità fundamentali u insostitwibbli ta’ bnedmin li hi appuntu l-familja.

Dak li għaddejja minnu bħalissa ċ-ċivilità tagħna donnu mmarkat mill-effetti fit-tul ta’ soċjetà mmexxija mit-teknokrazija ekonomika. Is-subordinazzjoni ta’ l-etika għal-loġika tal-profitt tinqeda b’mezzi kbar ħafna mwieżna minn appoġġ medjatiku enormi. F’dan ix-xenarju, il-patt ġdid tar-raġel u l-mara qed isir mhux biss meħtieġ, imma wkoll strateġiku għall-emanċipazzjoni tal-popli mill-kolonizzazzjoni tal-flus. Dan il-patt għandu jerġa’ jibda jorjenta mill-ġdid il-politika, l-ekonomija u l-għixien ċivili! Minnu jiddependi art kemm hi tajba biex ngħixu fiha, it-trasmissjoni tas-sentiment tal-ħajja, ir-rabtiet tal-memorja u t-tama.

Il-komunità konjugali-familjari tar-raġel u tal-mara hi l-grammatika ġenerattiva ta’ dan il-patt, l-“għoqda tad-deheb”, nistgħu ngħidu. Il-fidi dan tixorbu mill-għerf tal-ħolqien ta’ Alla: li lill-familja fdalha mhux l-għożża ta’ intimità li għandha b’fini lilha nfisha, imma l-proġett emozzjonanti li “tiddomestika” lid-dinja. Il-familja hi sewwa sew fil-bidu, fil-bażi ta’ din il-kultura dinjija li tifdina; tifdina minn tant, tant attakki, tant qerdiet, tant kolonizzazzjonijiet, bħal dik tal-flus u ta’ l-ideoloġiji li jheddu tant lid-dinja. Il-familja hi l-bażi biex nistgħu niddefendu ruħna!

Propju mill-Kelma Biblika tal-ħolqien ħadna t-tnebbiħa fundamentali tagħna, fil-meditazzjonijiet qosra ta’ l-Erbgħat fuq il-familja. Minn din il-Kelma nistgħu u għandna mill-ġdid nixorbu b’abbundanza u profondità. Hi ħidma kbira, dik li hemm tistenniena, imma wkoll mimlija ħeġġa. Il-ħolqien ta’ Alla m’hux sempliċi premessa filosofika: hu x-xefaq universali tal-ħajja u tal-fidi! M’hemmx pjan divin differenti mill-ħolqien u mis-salvazzjoni tiegħu. Hu għall-fidwa tal-ħlejqa – ta’ kull ħlejqa – li Alla sar bniedem: “għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna”, kif jgħid il-Kredu. U Ġesù Rxoxt hu “il-kbir fost il-ħlejjaq kollha” (Kol 1:15).

Id-dinja maħluqa hi fdata f’idejn ir-raġel u l-mara: dak li jseħħ bejniethom iħalli l-impronta tiegħu fuq kollox. Jekk huma jirrifjutaw il-barka ta’ Alla, dan fatalment iwassal għal dellirju ta’ omnipontenza li jeqred kollox. Hu dak li aħna nsejħu “dnub oriġinali”. U kollha niġu fid-dinja bħala wirt ta’ din il-marda.

Madankollu, m’aħniex misħutin, lanqas mitluqin għal riħna. Dwar hekk ir-rakkont antik ta’ l-ewwel imħabba ta’ Alla għar-raġel u l-mara diġà kellu paġni miktuba bin-nar! “Inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha” (Ġen 3:15a). Dan kliem Alla lis-serp qarrieqi. B’dawn il-kelmiet Alla jarma l-mara b’sur ta’ ħarsien kontra l-ħażen, li għalih tista’ tirrikorri – jekk trid – għal kull nisel. Dan ifisser li l-mara ġġorr barka sigrieta u speċjali, għall-ħarsien tal-ħlejqa tagħha mill-Ħażin! Bħall-Mara ta’ l-Apokalissi, li tmur tiġri taħbi lil binha mid-Dragun. U Alla jħarisha (ara Apok 12:6).

Aħsbu ftit xi profondità tinfetaħ hawn quddiemna! Jeżistu ħafna siltiet komuni, xi drabi anki offensivi, fuq il-mara tentatriċi li tħajjar għall-ħażen. Min-naħa l-oħra, hemm spazju għal teoloġija tal-mara li tilqa’ din il-barka ta’ Alla għaliha u għal nisilha!

Hu x’inhu, il-protezzjoni ħanina ta’ Alla fuq ir-raġel u l-mara qatt ma tonqos għat-tnejn li huma. Ma ninsewhx dan! Il-lingwaġġ simboliku tal-Bibbja jgħidilna li qabel ma keċċiehom mill-ġnien ta’ l-Għeden, Alla ħiet għar-raġel u għall-mara lbies tal-ġild u libbishom bih (ara Ġen 3:21). Dan il-ġest mimli ħlewwa jfisser li anki qalb il-konsegwenzi koroh tad-dnub tagħna, Alla ma jridx li nibqgħu għerwenin u mitluqa għad-destin tagħna ta’ midinba. Din il-ħlewwa divina, din l-għożża tiegħu għalina, narawha mlaħħma f’Ġesù ta’ Nazareth, bin Alla “imwieled minn mara” (Gal 4:4). U San Pawl jgħidilna: “Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin” (Rum 5:8). Kristu, imwieled minn mara, minn din il-mara. Hi t-tmellisa ta’ Alla fuq il-ġrieħi tagħna, fuq l-iżbalji tagħna, fuq id-dnubiet tagħna. Imma Alla jħobbna kif aħna u jrid imexxina b’dan il-proġett, u l-mara hi dik l-iżjed qawwija li tista’ tmexxi ’l quddiem dan il-proġett.

Il-wegħda li Alla jagħmel lir-raġel u lill-mara, fil-bidu ta’ l-istorja, tinkludi lill-bnedmin kollha, sa tmiem l-istorja. Jekk ikollna biżżejjed fidi, il-familji tal-ġnus ta’ din l-art jagħrfu li huma parti minn din il-barka. Hu x’inhu, kull min iħalli din il-viżjoni tqanqlu, hu x’inhu l-poplu, in-nazzjon, ir-reliġjon li jagħmel parti minnha, jibda miexi magħna. Ikun ħuna u oħtna, mingħajr ma jfittex xi proselitiżmu. Nimxu flimkien taħt din il-barka u taħt dan l-iskop ta’ Alla li jagħmilna lkoll aħwa fil-ħajja f’dinja li timxi ’l quddiem u titnissel sewwa sew mill-familja, mill-għaqda tar-raġel u l-mara.

Alla jberikkom, familji ta’ kull rokna tad-dinja! Alla jberikkom ilkoll!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.