Quddiesa fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza


Il-Ġimgħa 18 ta’ Settembru: L-Arċisqof Chrales J. Scicluna iċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Kon-katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Insellem lilek President tar-Repubblika u nirringrazzjak tal-preżenza tiegħek f’din il-festa ta’ ringrazzjament. Nirringrazzja lilek ukoll Onorevoli Prim Ministru, u lilkom Membri Parlamentari. Hu ġest ta’ gratitudni li tkunu magħna f’dan il-mument ta’ ferħ u ta’ ringrazzjament. Nirringrazzja wkoll lil tant Presidenti Emeriti li nagħqdu magħna.

Nixtieq insellem b’mod partikolari lil Mons. Ġużeppi Mercieca li ddeċieda li jkun magħna llum. Grazzi għażiż Monsinjur Mercieca tal-preżenza tiegħek. Nimmaġina li kieku kien hawn Mons. Gonzi kien jiġi wkoll, imma dak qed jarana mis-sema.

Hija ħaġa sabiħa li aħna l-Isqfijiet – inti għażiż Mons. Mercieca, Mons. Cremona u jien – inkunu hawnhekk flimkien. Nirringrazzja wkoll il-preżenza ta’ Mons. Spiteri, Nunzju Appostoliku fil-Kosta tal-Avorju, u nirringrazzjaw lil Alla ta’ din il-ħolma sabiħa li seħħet.

Jiena nixtieq nislet ftit riflessjonijiet mill-Evanġelju skont San Mattew, li għadna kemm smajna. Meta wieħed jisimgħu jistaqsi, ‘dan l-episodju li ġara elfejn sena ilu, propju ftit jiem qabel il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, kif jirrelata ma’ dak li qed nagħmlu llum?’

Kif spjegalna Fr Martin fil-bidu ta’ din il-Quddiesa, il-konferma li rċieva Mons. Azzopardi 50 sena ilu kienet l-offerta ta’ mitt Lira mingħand mara li faddlithom biex tużahom għal xi ħaġa leġittima, biex issiefer, iżda tathom bħala donazzjoni meta semgħet appell fuq il-mezzi tax-xandir, dak iż-żmien ir-Rediffusion waqt il-programm, ‘Is-Siegħa tal-Morda’. Dan il-programm qasam mal-poplu Malti u Għawdxi li kien qed jisimgħu, din ix-xewqa li kien hemm fil-qalb ta’ Mons. Azzopardi. Evidentement, mhux biżżejjed il-ħolm imma trid il-mezzi. U biex tkun taf li Alla poġġa ħolma fil-qalb tiegħek u li tkun ġejja minnU, il-prova tal-qaddisin kollha u mhux inqas ta’ Dun Mikiel Azzopardi kienet li l-Mulej jipprovdilu l-mezzi.

Għal Dun Mikiel, dawk l-ewwel mitt Lira kienu konferma li l-ħolma se tkun realtà, imma wkoll bidu ta’ serje ta’ atti ta’ ġenerożità bla waqfien. Fr Martin ikkonfermali li din ix-xmara ta’ ġenerożità ma tieqaf qatt. Ma jkollniex ħafna żejjed. Meta konna Ruma nistennew li niltaqgħu mal-Papa, Fr Martin qalli wkoll li kull sena jiżdiedu l-ispejjeż, imma jiżdiedu wkoll id-donazzjonijiet skont kemm hemm bżonn. Dejjem skont kemm hemm bżonn!

Il-ġest ta’ din il-mara fil-Vanġelu, li taqbad vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ jiswa ħafna, jixbaħ il-gest ta’ dik il-mara li 50 sena ilu qabdet il-mitt Lira tagħha u tathom lil Ġesù fil-persuni b’diżabilità, għaliex inti meta tagħti mitt Lira lil persuni bħalma huma r-residenti tad-Dar tal-Providenza, qed tagħtihom li Ġesù. Ġesù se jgħidlek: “Dak li għamilt mal-iċken fost ħuti għamiltu miegħi” (Mt 25,40). Imma l-ġest tagħha huwa ġest li jantiċipa l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù; huwa żejt ifuħ. Il-Mulej jgħid ‘ħaġa tajba għamlet miegħi. Hija xerrdet din il-fwieħa fuq ġismi u dan għamlitu bi tħejjija għad-difna tiegħi’. Imma aħna nafu li d-difna ta’ Ġesù hija l-għatba tal-qawmien. Il-fwieħa mhix qiegħda biex tgħatti l-korruzzjoni tal-mewt imma biex tantiċipa r-rebħa tal-qawmien. Hu li qalilna li l-foqra se nsibuhom dejjem magħna għaliex il-faqar qisu dejjem jieħu suriet ġodda, minn dak ekonomiku għal dak morali, minn dak soċjali għal internazzjonali. Il-faqar dejjem idur magħna. Dejjem hemm l-okkażjoni biex nuru s-solidarjetà. Imma l-offerta tagħha hija dilka ta’ fwieħa fuq il-ġisem ta’ Ġesù. Dawn ħutna, li l-maskra ta’ ġisimhom meta narawha tista’ tbegħdna, huma l-ġisem ta’ Ġesù. Il-ġenerozità tagħna huwa dak il-balzmu jiswa ħafna, li aħna nferrgħu fuq ras Ġesù biex nesprimu l-imħabba tagħna lejH u lejn ħutna.

Waqt li kont magħhom Ruma, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, irrealizzajt li r-residenti għeżież tad-Dar tal-Providenza m’għandhomx biss intelliġenza vivaċi imma anke ruħ sensibbli ħafna. Stennew li jasal il-Papa b’ħerqa kbira u Frankie ħa l-opportunità li lill-Papa jgħannqu tliet darbiet. U l-Papa ha pjaċir b’din it-tgħannieqa, tgħannieqa li hija t-tgħannieqa tal-poplu Malti. Aħna wkoll kburin b’din it-tgħannieqa lill-Papa li waslet mingħand Frankie, għax f’din it-tgħannieqa ta’ Frankie naraw il-fjur tal-poplu tagħna, qalb sempliċi, qalb sajfa, imma li għandha għatx għat-tħaddin.

Il-Papa berikna, u fir-residenti tad-Dar tal-Providenza l-Papa bierek lill-poplu Malti u Għawdxi. Jien għidtlu: Santità qed nippreżentalek warda sabiħa tal-Knisja Maltija, imma ngħid tas-Soċjetà Maltija, għax meta aħna nsibu ħin, riżorsi, għajnuna, għall-istituzzjoni bħalma hi d-Dar tal-Providenza, qed nagħtu messaġġ fundamentali li huwa attwali u urġenti. Qegħdin ngħidu lid-dinja, mingħajr ħafna paroli żejjed, aħna min aħna biex niddeċiedu aħna l-valur tal-ħajja umana. Aħna nilqugħha bħala don. Min jien jien biex nagħżel bejn persuna jew oħra? Min jien jien biex ngħid irrid biss min hu sabiħ u qawwi u intelliġenti u b’saħħtu? Minn jien jien? U għalkemm dan hu atteġġjament ta’ umiltà kbira, inħoss li huwa atteġġjament ta’ dinjità u ta’ ċivilità.

Jekk jiena rrid nkejjel iċ-ċiviltà Maltija, inħares lejn l-isforzi li jagħmel il-gvern tagħna, l-isforzi li tagħmel is-soċjetà ċivili, li tagħmel il-knisja, biex aħna nissapportjaw lil dawn ħutna.

Kultant ikollna aptit ingergru, imma ejjew illum nieqfu u nirringrazzjaw lil Alla li aħna bħala Knisja, imma wkoll bħala soċjetà ċivili, nixtiequ li d-dinjità tal-bniedem ma tkunx imsejsa fuq l-utilità tiegħu f’termini ekonomiċi, imma fid-dinjità tiegħu bħala ħolqien. Għax anke min forsi bil-karba tiegħu, għandu messaġġ x’jagħti. Anke min forsi bis-sensibilità safja ta’ qalbu, bil-ħarsa tiegħu, bit-tgħannieqa sabiħa tiegħu, għandu messaġġ li aħna, li mingħalina aħjar u isbaħ u iżjed għorrief, kultant ninsew.

Tassew ngħidilkom, jgħid Ġesù, li kull fejn jixxandar dan il-Vanġelu fid-dinja kollha, dak li għamlet din il-mara jibqa’ jingħad b’tifkira tagħha. Kull meta tixxandar l-istorja tad-Dar tal-Providenza, dejjem insemmu lil dik il-mara li tat mitt Lira. Imma ejjew ukoll nirringrazzjaw lil tant nies li komplew biex din ix-xmara ta’ ġenerożità ma tieqaf qatt. U jalla aħna u naħdmu biex ikollna soċjetà nklussiva fuq ħafna livelli, u tajjeb li nagħmlu hekk, ma ninsew qatt li dawn ħutna, bil-preżenza u l-ħajja tagħhom, mhumiex piż imma rikezza, mhumiex toqol imma għajn ta’ ferħ u ta’ paċi għalina lkoll.

✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.