L-Arċisqof Charles J. Scicluna jiċċelebra Quddiesa fil-ftuħ tas-Sena Forensi


Il-Ħamis l-1 ta’ Ottubru 2015: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għall-membri tal-ġudikatura fil-ftuħ tas-Sena Forensi 2015/2016. Il-Quddiesa saret fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din kienet l-ewwel darba li għal din il-Quddiesa annwali attendiet il-President ta’ Malta, l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca. Attendew ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, l-Onor. Owen Bonnici, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, membri tal-ġudikatura u avukati.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Oratorju tal-Kon-katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet ispirati mill-kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna llum. Il-qari huwa tas-26 ġimgħa ta’ matul is-sena, propju l-qari assenjat għall-jum tal-Ħamis.

L-Ewwel Qari kien meħud mill-kieb ta’ Neħemija (8, 1-4a.5-6.7b-12) u jirrakkonta l-iskoperta mill-ġdid tal-poplu ta’ Alla tal-liġi antika. Qegħdin fil-kuntest tar-ritorn mill-eżilju u l-poplu Lhudi li jirritorna fl-Art Imqaddsa, irid jerġa’ jibni lilu nnifsu, it-tempju imma anke l-għarfien tal-liġi.

Il-poplu kien nesa’ anke l-Ebrajk, u allura kien hemm bżonn li għalkemm jinqara’ t-test mażoritiku, antik u venerabbli, kien hemm bżonn xi ħadd li jispjegalu x’inhu jinqara’. Fil-qari tal-lum naraw dan il-proċess fejn Esdra jitla’ fuq tribuna għolja, jaqra’ l-ktieb tal-Liġi fl-oriġinal li l-poplu ma jistax iktar jifhem wara snin ta’ eżilju, u l-Leviti jinterpretaw u jgħidulu x’inhu jingħad. Aħna l-Kattoliċi għadejjna minn din l-esperjenza meta l-Latin, li kien il-lingwa tal-vulgus, tal-poplu, ma baqgħetx il-lingwa tal-poplu u għalhekk kien hemm bżonn min jinterpreta l-Iskrittura li kienet tinqara bil-Latin.

Jien nixtieq nislet riflessjoni fuq tlett dettalji minn dan ir-rakkont li huwa kommoventi ħafna. L-ewwelnett il-fatt li qed jinqara’ l-Ktieb tal-Liġi, jiġifieri l-Pentatewku, l-ewwel ħames kotba tal-Iskrittura, u min qed jaqra l-Liġi huwa fil-għoli. Kif naqraw: “Esdra l-Kittieb kien wieqaf fuq it-tribuna tal-injam magħmula għal hekk. Fetaħ il-ktieb quddiem għajnejn il-poplu kollu billi hu kien għola minn kulħadd”.

Għeżież membri tal-Ġudikatura u membri tal-professjoni legali, jiena nixtieq nieħu l-ispunt minn dan id-dettal ‘loġistiku’, biex nikkonfermakom fi stil ta’ ħajja u għażliet professjonali li minħabba r-rwol tagħkom diġa qegħdin ippoġukom fil-għoli, fejn jarakom kulħadd. Imma ma’ dan ir-rwol elevat tiġi anke responsabbiltà elevata. Mhix kwistjoni ta’ privileġġi, jew inkella ta’ x’pensjoni se tingħatalkom fl-aħħar, imma hi kwistjoni li, jiena magħkom bħala Isqof, nkunu ta’ eżempju f’kull aspett tal-ħajja tagħna. Intom, impoġġieha fuq it-tribuna u għajnejn il-poplu kollu huma fuqkom. U din iġġib magħha responsabbiltà kbira.

It-tieni punt li xtaqt naqsam magħkom hija l-ferħ li l-poplu jħoss meta jifhem il-liġi – mhux biss jismagħha, imma jifhimha. “Bdew jaqraw mill-ktieb tal-Liġi ta’ Alla biċċa biċċa u jfissruha u jfehmuha lill-poplu”. Dan huwa rwol tal-ġurisprudenza, ir-rwol tal-Qorti li hija qorti tal-ġustizzja li tinterpreta l-liġi b’mod li l-poplu jifhimha. Xi rrid ngħid? Jiġifieri l-poplu meta jirċievi, forsi wara ftit taż-żmien, is-sentenza tal-Imħallef, ikun kapaċi jgħid: din hija kelma ta’ verità u ta’ ġustizzja bbażata fuq id-dritt u fuq l-eziġenżi li aħna ngħixu flimkien u l-konvivenza tagħna tkun mibnija fuq stat ta’ dritt. Il-poplu jifhem il-ġustizzja, kif jifhem ukoll l-inġustizzja, bħalma l-bniedem jifhem ħajja rżina u jifhem ukoll ħajja korrotta.

Mela jiena nieħu dan l-ispunt tal-ferħ li l-qari tal-liġi b’mod li l-poplu jista’ jifhmu qanqal fil-poplu ta’ Israel wara l-eżilju, biex nikkonfermakom fis-servizz tagħkom, li bil-ġurisprudenza tagħkom, iuris prudentia, intom lil poplu tagħna tagħtuh il-faraġ ta’ liġi li qiegħda hemm bħala recta ratio, għall-ġid komuni, u nikkonfermakom ukoll fir-rwol mhux faċli fuq il-livell kostituzzjonali li l-liġijiet li għandhom l-apparenza ta’ liġi, imma li jkissru l-pedamenti tal-Kostituzzjoni jew inkella jiddisprezzawhom, intom issejħulhom bl-isem veru tagħhom: mhux liġi, imma travestiment tal-liġi.

It-tielet spunt huwa l-fatt li min kellu din l-esperjenza ta’ ġustizzja u ta’ verità, b’mod li jifhimha, hu stess imbagħad ingħatha nċentiv, inkoraġġiment, il-kuraġġ li jkun ġust ma’ għajru. Kemm togħġobni dik l-eżortazzjoni tal-Leviti: “toqgħodux tibku”, għax il-poplu ħin minnhom fehem il-liġi x’inhi u nduna fejn kien żbalja, għax il-Liġi tfaħħrek għall-ġid li tagħmel u ċċanfrek għal dak li m’għamiltx tajjeb. Meta fehem, hemm il-biki tal-ferħ u hemm il-biki wkoll tad-dulur u r-rimors. Imma l-Leviti jgħidulhom: “Morru kulu ikel bin u ixorbu inbid ħelu u ibagħtu sehem lil dawk li m’għandhom xejn lest. Għax dan hu jum qaddis quddiem is-Sid tagħna, la ssewdux qalbkom għax ferħ il-Mulej hu l-qawwa tagħkom”. Kemm hi sabiha din l-espressjoni “ferħ il-Mulej hu l-qawwa tagħkom!” Gaudium Domini fortitudo vestra. Motto sabiħ.

L-ispunt li xtaqt nieħu f’dan il-mument sabiħ ta’ dan il-qari x’kien? Li min sema’ l-Liġi u min beka bi swied il-qalb, bil-ferħ, ħa ħsieb ukoll dawk li ma kellhomx x’jieklu. Kiel hu u xorob, l-ikel u x-xorb tal-ferħ, imma ta sehem lil min ma kellux lest. Il-ġustizzja li hu rċieva kellu l-kuraġġ ukoll jaqsamha ma’ ħaddieħor. Hu dan l-effett benefiku tax-xogħol tagħkom meta jkun ibbażat fuq il-verità u jkun ibbażat fuq il-ġustizzja. Lill-poplu, sentenza li tiġi fil-ħin – mhux meta jkunu mietu l-partijiet u jkunu ltaqgħu diġa mal-Imħallef ġust – tkabbar fiċ-ċittadini s-sens tal-Istat li huwa l-aqwa garanzija ta’ ħajja ċivilizzata bejnietna.

Il-Vanġelu (Lq 10, 1-12) jitkellem dwar min iwassal il-paċi, u l-Mulej meta jibgħat id-dixxipli tiegħu, jagħtihom messaġġ ċar u sabih: “fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu ‘s-sliem lil din id-dar’”. Jiena nitlob għalikom biex is-servizz li tagħtu lil ġustizzja u lill-poplu jwassal għal veru sliem fid-dar li hija d-dar tar-Repubbblika, ir-Repubblika għażiża ta’ Malta.

Eċċellenza President ta’ Malta, jiena nirringrazzjak ħafna tal-preżenza tiegħek fostna llum. Mhix biss preżenza li tinkoraġixxi lill-Ġudikatura għażiża tagħna u l-professjoni legali, imma nħoss li tagħti messaġġ ċar, mhux biss tal-apprezzament tiegħek, imma tar-rwol importanti tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u tal-Kostituzzjoni li għandha l-Ġudikatura, li tikkopera miegħek fil-ħarsien tal-Kostituzzjoni u tal-pedamenti tagħha.

Hemm kelma li nixtieq ninnota fil-Vanġelu. Din jgħidha lid-dixxipli tiegħu, jiġifieri jgħidha lilna l-qassisin u l-Isqfijiet, imma jgħidha lilkom ukoll. “Toqogħdux idduru minn familja għall-oħra, kulu u ixorbu milli jkollhom huma għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu”. Il-motivazzjoni tal-missjoni ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi mhuwiex li inti ġġemma’ l-privileġġi u l-flus. Ikkuntenta ruħek b’dak li għandek bħala ħaddiem, tixxennaqx għal introjtu ieħor. Din hija kelma li l-Mulej jagħtiha lil kulħadd.

Jalla, intom li l-missjoni tagħkom tpoġġikom fuq it-tribuna tal-Ġudikatura, bħalma kien fil-għoli Esdra, kull min iħares lejkom ikollu eżempju sabiħ x’jimita u kull min jirċievi fil-ħin il-ġustizzja li tagħtuh, ikollu biex jifraħ u jġiegħel wkoll min jifraħ. Tgħidu: ‘se jkun hemm parti li ma tieħux pjaċir b’dak li ddeċidejt’. Aħna m’aħniex qed ngħidu li mhux se jkun hemm min ma jieħux pjaċir speċjalment fil-kontenzjuż, anke fil-kriminali. Imma il-faraġ tal-Ispirtu s-Santu lill-Imħallef u lil min jisma’ s-sentenza tiegħu, huwa ċ-ċertezza fil-kuxjenza li l-Imħallef iddeċieda skont id-dritt b’reqqa u b’ġustizzja. Għax jiena nista’ ngħid li tliftha dil-kawża, imma nista’ ngħix ma’ eżitu li għalkemm ma jogħġobnix naf li huwa ġust. Jiena nawgura dan l-effett benefiku tal-missjoni tagħkom fuq il-poplu tagħna.

✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.