Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Qatt tħallu li tgħib minn qalbkom in-nostalġija ta’ Alla


Il-Ħamis 1 ta’ Ottubru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Il-ferħ tal-Mulej hu l-qawwa tagħna. FiH insibu l-identità tagħna. Dan kien wieħed mill-ħsibijiet tal-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, illum il-festa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. In-Nisrani qatt m’għandha tgħib minn ġewwa fih in-nostalġija ta’ Alla, inkella qalbna qatt ma tista’ tagħmel festa.

 

Wara snin twal ta’ eżilju, il-poplu ta’ Iżrael imur lura lejn Ġerusalemm. Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-ewwel qari meħud mill-Ktieb ta’ Neħemija biex jagħmel riflessjoni dwar x’inhu dak li jagħti s-sustanza lill-identità Nisranija.

Il-Papa fakkar li anke fiż-żmien fil-Babilonja, il-poplu dejjem baqa’ jiftakar fil-patrija. Wara tant snin, kompla josserva, wasal il-jum li fih marru lura, żmien il-bini mill-ġdid ta’ Ġerusalemm, u kif naqraw fl-ewwel qari meħud minn Neħemija, il-Profeta jitlob lill-iskriba Esdra biex, quddiem il-poplu, jaqra l-Ktieb tal-Liġi. Il-poplu huwa hieni, imma beka. Kien qed jisma’ l-Kelma t’Alla; kien ferħan, imma bkew ilkoll flimkien.

Kif nispjegawh dan?, staqsa Franġisku. Sempliċement li dan il-poplu mhux biss kien sab beltu, il-belt fejn kien twieled, il-belt ta’ Alla, imma dan il-poplu, hu u jisma’ l-Liġi, sab l-identità tiegħu, u għalhekk feraħ u beka.

Imma beka bil-ferħ, beka għax iltaqa’ mal-identità tiegħu, reġa’ sab dik l-identità li ftit jew wisq kien tilifha fi żmien l-eżilju.

‘Titnikktux,’ jgħidilhom Neħemija, ‘għax il-ferħ tal-Mulej hu l-qawwa tagħkom.’ Dan hu l-ferħ li jagħti l-Mulej meta aħna nsibu l-identità tagħna. U l-identità tagħna tintilef mat-triq, tintilef meta aħna naljenaw rasna, meta nibnu xi bejta ‘l hawn u ‘l hemm u mhux fid-dar tal-Mulej. Infittxu l-identità tagħna.

Il-Papa mbagħad għadda biex jgħid kif aħna nistgħu nsibu l-identità tagħna. Meta inti tlift dak li hu tiegħek, darek, dak li kien tiegħek, taqbdek in-nostalġija u n-nostalġija treġġgħek lura lejn darek.

Dan il-poplu, żied Franġisku, bin-nostalġija ħass li kien hieni u beka bil-ferħ għax in-nostalġija tal-identità proprja tiegħu wasslitu biex jerġa’ jsibha. Grazzja minn Alla.

Jekk aħna, bħala eżempju, inkunu mimlijin bl-ikel, ma jkollniex ġuħ. Jekk aħna komdi, kalmi fejn ninsabu, ma jkollniex bżonn immorru xi mkien ieħor. U jien nistaqsi, u tajjeb li lkoll nagħmlu din il-mistoqsija lilna nfusna: Jien kalm, kuntent, ma jonqosni xejn spiritwalment, f’qalbi? In-nostalġija tiegħi ntfiet?

Inħarsu lejn dal-poplu hieni li kien qed jibki, kien ferħan. Qalb nieqsa min-nostalġija ma tafx ferħ. U l-ferħ – il-ferħ ta’ Alla – hu proprju l-qawwa tagħna. Qalb li ma tafx x’inhi n-nostalġija ma tistax tagħmel festa. Din il-mixja li kienet ilha li bdiet is-snin, tispiċċa f’festa.

Il-poplu, fakkar Franġisku, jiċċelebra b’ferħ kbir għax fehem il-kliem li ġie mħabbar lilu. Sab dak li n-nostalġija kienet tqanqal fih u baqa’ miexi ‘l quddiem.

Ejjew nistaqsu lilna nfusna kif inhi n-nostalġija tagħna għal Alla: aħna kuntenti, ferħanin kif aħna, jew kull jum inħossu x-xewqa li nimxu ‘l quddiem? Jalla l-Mulej itina dil-grazzja li qatt, qatt u qatt ma tintefa fi qlubna n-nostalġija għal Alla.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s