Biex it-tfal inressquhom lejn Ġesù rridu nħalluhom jgħixu


Is-Sibt 4 t’Ottubru 2015: L-Arcisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa waqt il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għal Angela House, fil-knisja ta’ Ġieżu, ir-Rabat.

L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja ta’ Ġieżu, ir-Rabat

Nixtieq naqsam magħkom riflessjoni bbażata fuq żewġ kelmiet importanti ta’ Ġesù: il-kelma fuq l-istabbilità fiż-żwieġ, u t-tieni kelma dwar il-bżonn kbir li nilqgħu lit-tfal u nieħdu ħsiebhom (Mk 10, 2-16).

L-ewwel kelma dwar l-istabbilità fiż-żwieġ, Ġesù jgħidha fil-kuntest ta’ domanda li jagħmlulu n-nies ta’ żmienu, u li nagħmlu aħna wkoll lil Ġesù, jiġifieri jekk hux tajjeb li l-Insara jaddottaw id-divorzju bħala soluzzjoni għall-problema taż-żwieġ. Hu jfakkarhom li “il-liġi ta’ Mosè kienet tippermetti d-divorzju minħabba l-ebusija ta’ qalbhom”. Il-kelma bil-Grieg hija sklerocardia. Aħna ngħidu sklerożi meta l-għadam jibda jibbies u jkollna diffikultà nimxu, imma Ġesù juża’ din il-kelma biex jirreferi għall-ebusija tal-qalb. Il-qalb donnha ma tibqax tħabbat bħal qalb tal-laħam imma tibbies, allura l-ebusija tal-qalb tfittex soluzzjonijiet radikali meta jkun hemm kriżi fiż-żwieġ.

Ġesù jfakkar il-kelma tal-bidu, li smajna wkoll fl-Ewwel Qari (Ġen 2, 18-24), fejn il-Mulej joħloq il-bniedem raġel u mara, joħloqhom għal xulxin biex isiru ġisem wieħed u minn hemm ukoll ikun jista’ jagħti lill-umanità d-don tal-ulied u b’hekk jagħti futur għall-umanità.

Evidentement, l-ebusija tal-qalb tal-bniedem hija dejjem hemm, u r-risposta ta’ Ġesù hija risposta radikali għax propju ġġibna għall-għeruq tal-ħolqien, ir-raġel u l-mara maħluqin biex ikunu ġisem wieħed, kif naqraw fl-ewwel ktieb tal-Iskrittura, il-Ġenesi. U li għandhom bżonn stabbilità psikoloġika u soċjali li twassalhom għal din l-għaqda dejjiema u esklussiva, raġel wieħed ma’ mara waħda, u għaqda permanenti li ttul fiż-żmien.

Fis-soċjetà tagħna għandna bżonn din il-kelma ta’ Ġesù biex tagħmel kuraġġ lil min fil-ħajja taż-żwieġ tiegħu jiltaqa’ ma’ diffikulatjiet. Tgħiduli: ‘imma x’kelma għandek inti bħala Isqof, hu u jibda t-tieni parti tas-Sinodu, għal min forsi ż-żwieġ tiegħu falla?’ L-ewwelnett hija l-kelma, u hawnhekk nirrepeti dak li qed jgħid sikwit il-Papa Franġisku, li min jgħaddi minn mument diffiċli taż-żwieġ m’għandu qatt jaħseb li l-Knisja se tkeċċih jew tagħlaqlu l-bieb, jew li llum m’għadux parti mill-Knisja. Il-Knisja, il-bieb tagħha jibqa’ miftuħ għal kulħadd, anke għal dawk li għaddew minn mument diffiċli fil-ħajja tagħhom, li ż-żwieġ tagħhom falla, u li forsi sabu wkoll futur ġdid ma’ partner ieħor, ma’ persuna oħra. Aħna nilqgħuhom bħala wlied il-Knisja u ħutna. Ir-risposta tagħna mhux dejjem dak li jixtiequ, għax il-kelma ta’ Ġesù għalina hija ċara ħafna, u anke għalihom, imma nħaddnuhom bil-kelma t’Alla li nistednuhom jibqgħu jisimgħu u wkoll bis-sapport tagħna.

Għal min jixtieq jistaqsi lill-Knisja: ‘imma ż-żwieġ tiegħi jgħodd jew le? Kien veru żwieġ dan iż-żwieġ tiegħi li falla?’ Jiena ngħidlu li l-Papa, b’liġi ġdida li għamel u li tidħol fis-seħħ fit-8 ta’ Diċembru 2015, tana liġi li tiffaċilità r-risposta tal-Knisja għal din id-domanda, li tiffaċilitaha fil-kwistjoni tal-proċedura, anke fil-piż li tingħata u l-valur li jingħata lil dak li jgħidu l-partijiet fiż-żwieġ. M’hemmx iżjed il-preżunzjoni li dak kollu li jgħidu jridu jippruvawh, għax ħafna drabi jkun diffiċli jkollok ix-xhieda ta’ dak li tgħid għalkemm tkun mhux biss konvint minnu imma jkun veru. Hemm ukoll il-kwistjoni li, f’każijiet ċari ħafna, l-Isqof jista’ jiddikjara hu bi proċess iqsar in-nullità taż-żwieġ.

Mhux kull żwieġ li jfalli huwa null. Allura se jkollna wkoll ħutna li għaddew minn trawma fiż-żwieġ u bdew ħajja oħra, u għalihom il-bieb tagħna jibqa’ miftuħ, minkejja li m’għandniex soluzzjoni faċli għalihom ħlief is-sapport tagħna u atteġġjament li, mhux jiġġudika imma jipprova jgħin lil persuna tifhem.

Ejjew nitolbu biex iż-żgħażagħ tagħna ma jibżgħux mill-impenn taż-żwieġ u jidħlu għalih bl-għajnuna wkoll tal-komunità Nisranija. Iż-żwieġ Nisrani huwa mbierek minn Alla. Ġesù elevah għad-dinjità ta’ sagrament, huwa jibqa’ unjoni bejn raġel wieħed u mara waħda, esklussiva u permanenti, u għalhekk il-kelma ta’ Ġesù tibqa’ tgħodd: “dak li għaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem”, lanqas l-Isqof.

It-tieni kelma ta’ Ġesù llum hija dwar kemm huma għeżież għalina t-tfal. “Ġabulu quddiemu xi tfal ċkejnin biex iberikhom”. Id-dixxipli rawh għajjien, jew inkella kienu huma għajjenin, u qalulhom: ‘morru naqra hemmhekk’. Id-dixxipli qabdu jagħjtu magħhom. Ġesù meta ra hekk inkorla. Ġesù jinkorla meta aħna mbegħdulu t-tfal tagħna. U qalilhom: “Ħalluhom it-tfal jiġu għandi, iżżomuhomx għax ta’ min hu bħalhom hija s-saltna tas-smewwiet”.

L-ewwelnett, biex it-tfal inressquhom lejn Ġesù rridu nħalluhom jgħixu. Għalhekk jiena nitlob il-barka fuq il-gżejjer tagħna, li aħna nibqgħu ngħożżu l-ħajja sa’ mill-bidu tal-konċepiment tat-tarbija fil-ġuf. Anke jekk tarbija ma tkunx fil-ġuf! Tarbija konċeputa, anke fil-laboratorju, anke permezz tal-prattika tal-IVF, hija ħlejqa u għandha d-dinjità tagħha. Dak li aħna nseħjulu embrijun huwa aħna meta kellna ftit siegħat jew ftit jiem. Jien kont embrijun, Eċċellenza (President ta’ Malta) int ukoll kont embrijun, ilkoll kemm aħna konna embrijuni. Meta nitkellmu fuq l-embrijuni, biex nifhmu x’irridu nagħmlu ejjew ngħidu: jiena kieku kelli leħen kont ngħidilhom ‘iva tistgħu tiffriżawni għax għandkom bżonni ħamsin sena oħra? Jew inkella tistgħu tqattgħuni biċċiet għax għandkom bżonni għar-riċerka?’

Mela ejjew nitolbu lill-Mulej jagħtina dawl biex nifhmu x’aħna ngħidu meta nużaw il-kelma embrijun. L-embrijun huwa t-tarbija li se titwieled disa’ xhur oħra, li se tkun ċittadin, u meta l-Mulej jgħidilna “ilqgħu lit-tfal” mhux qed jgħidilna biss it-tfal li twieldu, qed jgħidilna biex nilqgħu liċ-ċkejnin tagħna u nibqgħu nipproteġuhom, biex nipproteġu d-dinjità tagħhom.

Jiena nitlob din il-grazzja kbira fuq il-pajjiż tagħna li jibqa’ pajjiż li japprezza dak li jħaddan illum, li meta jisma’ l-kelma abort jitkexkex u meta jisma’ l-kelma embrijun jifhem li l-embrijun hija ħajja ġdida li lesta biex titwieled u li aħna għandna d-dover nilqugħa. Għalhekk nirringrazzja ħafna lis-Sorijiet Ursolini talli huma bil-missjoni tagħhom jilqgħu t-tfal ta’ ħaddieħor u jassiguraw li t-tfal li forsi huma inqas iffortunati minn oħrajn, jagħtuhom l-imħabba li jistħoqqilhom, jirrispettawhom fid-dinjità tagħhom sa miċ-ċokon, u jagħtuhom dak li forsi ma setax ikollhom, imma ma jħalluhom nieqsa minn xejn.

Jiena nitlob, mhux biss is-solidarjetà tal-pajjiż għal din il-missjoni sabiħa ta’ Angela House, imma wkoll nirringrazzja lis-Sorijiet u lil-Poplu Malti talli bis-solidarjetà tagħna ta’ kuljum aħna nwettqu l-kelma ta’ Ġesù: “ħallu lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi; tkeċċuhomx.”

✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.