Ngħidu ‘le’ għall-ministri tar-riġidità: Alla jrid il-ħniena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 6 ta’ Ottubru, 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Għandna nitħarsu minn qalb iebsa li ma tħallix lok għall-ħniena t’Alla, qal il-Papa dalgħodu waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fid-Dar Santa Marta qabel ma mar fl-awla tas-Sinodu.

 

Il-Profeta Ġona jirreżisti r-rieda t’Alla, imma fl-aħħar jitgħallem li għandu jobdi lill-Mulej.

Franġisku għamel omelija mnebbħa mill-ewwel qari tal-liturġija tal-lum meħuda mill-Ktieb ta’ Ġona. Il-Papa osserva li l-belt kbira ta’ Ninwè tikkonverti minħabba l-predikazzjoni tal-Profeta.

Verament iwettaq il-miraklu għax f’dal-każ hu warrab ir-ras iebsa tiegħu u obda r-rieda t’Alla, għamel dak li l-Mulej kien ikkmandah jagħmel.
Għalhekk Ninwè tikkonverti u quddiem din il-konverżjoni Ġona, li hu bniedem, mhux miftuħ għall-ispirtu t’Alla, jirrabja. Ġona, żied il-Papa, ħass dispjaċir kbir u saħansitra ċanfar lill-Mulej.

L-istorja ta’ Ġona u Ninwè, innota Franġisku, fiha tliet kapitli: l-ewwel, ir-reżistenza għall-missjoni li l-Mulej afdalu; it-tieni, l-ubbidjenza. U l-ubbidjenza tagħmel il-mirakli: l-ubbidjenza għar-rieda t’Alla kkonvertiet lil Ninwè. Fit-tielet kapitlu hemm ir-reżistenza għall-ħniena t’Alla, dak il-kliem: ‘Mulej, mhux dan forsi kont ngħid meta kont għadni f’pajjiżi? Għax int Alla ħanin u ta’ qalb tajba, u jien għamilt ix-xogħol kollu tal-predikazzjoni, għamilt dmiri tajjeb, u Int ħfirtilhom?’

Hija qalb b’dik l-ebusija li ma tħallix il-ħniena t’Alla tirfidha. Aktar importanti l-prietka tiegħi, ħsibijieti huma aktar importanti, hija aktar importanti dik il-lista ta’ kmandamenti li għandi nobdi, kollox importanti aktar mill-ħniena t’Alla.

Din hi t-traġedja, osserva Franġisku. Ġesù wkoll għadda minn sitwazzjoni bħal din mad-dutturi tal-liġi li ma setgħux jifhmu għaliex ma ħallihomx iħaġġru lil dik il-mara adultera. Ma kinux jifhmu kif Hu kien imur jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin.

Ma kinux jifhmu l-ħniena. ‘Int ħanin u ta’ qalb tajba.’ Is-Salm li tlabna bih illum, kompla l-Papa, jissuġġerilna li nistennew lill-Mulej għax miegħu hemm il-ħniena u miegħu hi kbira r-redenzjoni.

Fejn hemm il-Mulej, kompla l-Papa, hemm il-ħniena. San Ambroġ kien iżid: ‘U fejn hemm il-ministri tiegħu hemm l-ebusija’ – ir-ras iebsa li tisfida l-missjoni, li tisfida l-ħniena.

Kif ninsabu qrib is-Sena tal-Ħniena, nitolbu lill-Mulej jgħinna nifhmu kif inhi qalbU, xi tfisser il-ħniena, x’irid jgħid meta jistqarr: ‘Ħniena rrid u mhux sagrifiċċji!’

Għal din ir-raġuni, fit-talba tal-bidu tal-quddiesa tlabna ħafna b’dik il-frażi tant sabiħa: ‘Xerred fuqna l-ħniena tiegħek,’ għax il-ħniena t’Alla nifhmuha biss meta tinxtered fuqna, fuq id-dnubiet tagħna, fuq il-miżerji tagħna, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: