Alla qatt ma jabbanduna lill-ġusti, waqt li l-ħżiena m’għandhomx isem


Il-Ħamis 8 ta’ Ottubru, 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Alla qatt ma jabbanduna lill-ġusti filwaqt li dawk li jiżirgħu l-ħażen qishom mingħajr identità, li s-sema lanqas biss jiftakar isimhom. Din kienet it-tagħlima li tana l-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

 

Omm kuraġġuża, b’żewġha u tliet ulied, ta’ anqas minn 40 sena u b’tumur minn dawk il-koroh li jħalliha fis-sodda. Għaliex? Mara anzjana, bniedma ta’ talb, li binha nqatel mill-mafja. Għaliex?

Leħen il-Papa fuq l-altar ta’ Santa Marta jidwi madwar il-mistoqsija l-kbira li bħal xafra taqta’ l-ħsibijiet ta’ tant nies li l-fidi tagħhom, konvinta, b’għeruq fondi, tgħaddi mill-prova iebsa tad-drammi tal-ħajja.

Għaliex jiġri dan? X’vantaġġ qed nieħdu?, kienet l-għajta tal-Papa Franġisku, li ħa spunt mill-qari meħud mill-Profeta Malakija, li osserva l-kmandamenti, filwaqt li s-suppervi, minkejja li għamlu l-ħsara, kotru, u minkejja li pprovokaw lil Alla, baqgħu mingħajr kastig.

Kemm drabi naraw din ir-realtà fin-nies ħżiena, li jagħmlu l-ħsara u donnu jidher li fil-ħajja kollox imurilhom tajjeb, huma kuntenti, għandhom kull ma jixtiequ, ma jonqoshom xejn.

Għaliex Mulej? Din hi waħda mill-ħafna mistoqsijiet li diffiċli tweġibhom…… Għaliex lil dan li hu sfaċċat, li ma jimpurtah minn xejn, la minn Alla u lanqas mill-oħrajn, li hu bniedem inġust u anke ħażin, kollox imurlu sew fil-ħajja, għandu kull ma jixtieq, u aħna li rridu nagħmlu l-ġid għandna tant problemi?

It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet il-Papa ħadha mis-Salm tal-liturġija tal-lum li jgħid: ‘Imbierek il-bniedem li ma jiddakkarx mill-ħżiena u li jsib il-ferħ tiegħu fil-liġi tal-Mulej.’

Issa, kompla jispjega l-Papa, ma narawx il-frott ta’ dawk in-nies li jsofru, ta’ dawk in-nies li jġorru s-salib, bħal f’dik il-Ġimgħa l-Kbira, bħal f’dak is-Sibt il-Għid, meta ma deherx il-frott tal-Iben t’Alla mislub, tat-tbatijiet tiegħu.

U x’jgħid is-Salm – żied il-Qdusija Tiegħu – dwar il-ħżiena, dwar dawk li aħna naħsbu li kollox imurilhom tajjeb? Jgħid: ‘Mhux hekk, mhux hekk il-ħżiena, imma huma bħat-tiben li jinxtered mar-riħ. Għax il-Mulej jindokra t-triq tal-ġusti waqt li t-triq tal-ħżiena tintemm fir-rovina.’

‘Rovina’ li l-Papa spjegaha bil-parabbola ta’ Lazzru, simbolu tal-miżerja mingħajr temma, u tal-għani li kien jiċħadlu anke l-frak li kien jaqa’ minn fuq il-mejda.

Hi kurjuża li dak ir-raġel ma nafux ismu. L-Evanġelista jgħidilna biss li kien bniedem sinjur. Fil-ktieb tal-memorja ta’ Alla m’hemmx isem il-ħżiena: dak ħażin, qarrieq, jisfrutta…. M’għandhomx isem, għandhom biss aġġettivi.

Iżda, kull min ifittex li jimxi fit-triq tal-Mulej, ikun ma’ Ibnu, li għandu isem: Ġesù s-Salvatur. Imma hu isem diffiċli biex nifhmuh, u huwa mingħajr spjegazzjoni minħabba l-prova tas-salib u minħabba dak kollu li Hu bata minħabba fina, temm il-Papa Franġisku.

Kif ninsabu qrib is-Sena tal-Ħniena, nitolbu lill-Mulej jgħinna nifhmu kif inhi qalbU, xi tfisser il-ħniena, x’irid jgħid meta jistqarr: ‘Ħniena rrid u mhux sagrifiċċji!’

Għal din ir-raġuni, fit-talba tal-bidu tal-quddiesa tlabna ħafna b’dik il-frażi tant sabiħa: ‘Xerred fuqna l-ħniena tiegħek.’ Għax il-ħniena t’Alla nifhmuha biss meta tinxtered fuqna, fuq id-dnubiet tagħna, fuq il-miżerji tagħna, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.