Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-imħabba ta’ Alla hija gratwita

L-imħabba ta’ Alla hija gratwita


Il-Ħamis 15 ta’ Ottubru, 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Inħarsu ruħna mid-dutturi tal-liġi li jillimitaw l-orizzonti t’Alla u jċekknu mħabbtU. Dan kien wieħed mill-kummenti li għamel il-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Il-Papa għamel riflessjoni dwar il-kmandament tal-imħabba u t-tentazzjoni li aħna nippruvaw nikkontrollaw is-salvazzjoni.

 

Waħda mill-aktar affarijiet diffiċli biex nifhmu aħna l-Insara hi l-gratwità tas-salvazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Il-Papa Franġisku qal li diġà fi żmienu, San Pawl kien sab diffikultà jispjega lin-nies li din hi l-veru duttrina: il-gratwità tas-salvazzjoni. Aħna, osserva l-Qdusija Tiegħu, imdorrijin nisimgħu li Ġesù, l-Iben t’Alla, li ġie fid-dinja għall-imħabba, ġie biex isalvana u miet għalina. Din smajnieha tant drabi li drajnieha. Meta nidħlu fil-misteru ta’ Alla, din l-imħabba mingħajr limiti, nibqgħu mistagħġbin u forsi nippreferu ma nifhmuhiex.

Hu tajjeb li aħna nagħmlu dak li għamel Ġesù u għandna nagħmluh. Din tkun it-tweġiba tiegħi għas-salvazzjoni li hi gratwita u ġejja mill-imħabba gratwita ta’ Alla.

Ġesù wkoll jidher li hu ftit jew wisq akkanit kontra dawn id-dutturi tal-liġi għax ikellimhom iebes, iebes ħafna: ‘Intom ħadtu l-imfietaħ tal-għerf u għalaqtu barra lil min irid jidħol,’ jiġifieri żammejtu għandkom iċ-ċavetta tal-għarfien tal-gratwità tas-salvazzjoni.

U dawn id-dutturi tal-liġi, kompla l-Papa, kienu jaħsbu li jistgħu jsalvaw biss jekk iħarsu l-kmandamenti u min ma kienx, huwa kkundannat. B’hekk huma kienu jillimitaw l-orizzonti ta’ Alla u jċekknu bil-bosta l-imħabba t’Alla, l-imħabba li Hu għandu għal kull wieħed u waħda minna. Din hi t-taqbida li tqabdu kemm Ġesù kif ukoll San Pawl biex jiddefendu d-duttrina.

Ċertament, żied jgħid Franġisku, hemm il-kmandamenti, imma kollox jinġabar fil-kmandament ‘Ħobb lil Alla u ħobb lill-proxxmu.’ B’dan l-atteġġjament ta’ mħabba aħna jkun jistħoqqilna l-gratwità tas-salvazzjoni, għax l-imħabba hi gratwita. Jekk jien ngħid ‘inħobbok’ imma b’xi skop ieħor f’moħħi, wissa l-Papa, dik mhix imħabba, imma interess.

Hu għalhekk li Ġesù jgħid: ‘Din hi l-akbar imħabba: ħobb ‘l Alla b’ħajtek kollha u b’qalbek kollha, bis-saħħa tiegħek kollha u ħobb lill-proxxmu bħalek innifsek.’ Għax dan hu l-uniku kmandament li hu daqs il-gratwità tas-salvazzjoni ta’ Alla. U Ġesù jżid jgħid: ‘F’dan il-kmandament jinsabu l-oħrajn kollha, għax huwa hu li jmexxi, jagħmel kollox tajjeb u jiġbed warajh lill-oħrajn.’

Imma l-għajn hi l-imħabba: ix-xefaq hu l-imħabba. Jekk int għalaqt il-bieb u neħħejt iċ-ċavetta tal-imħabba, int ma jkunx jistħoqqlok il-gratwità tas-salvazzjoni miġjuba lilek. Din it-taqbida biex nikkontrollaw is-salvazzjoni – se jsalvaw dawk biss, jew l-oħrajn biss, dawk li jagħmlu din jew dik il-ħaġa – ma ntemmitx ma’ Ġesù u ma’ San Pawl.

Din is-sena jaħbat il-500 anniversarju mit-twelid ta’ Santa Tereża ta’ Avila, li niċċelebraw il-festa tagħha llum. Mara mistika, mara li l-Mulej taha l-grazzja li tifhem l-orizzonti tal-imħabba. Hi wkoll kienet sfat iġġudikata mid-dutturi ta’ żmienha. Kemm qaddisin, osserva l-Papa, sfaw ippersegwitati għax iddefendew l-imħabba, il-gratwità tas-salvazzjoni, id-duttrina! Tant qaddisin. Niftakru, per eżempju, f’Giovanna d’Arco.

Din it-taqbida, kompla jgħid il-Papa, ma tintemmx, hi taqbida li aħna nġorruha ġewwa fina. U jagħmlilna tajjeb illum li nistaqsu: Jiena nemmen li l-Mulej salvani bil-gratwità? Jien nemmen li ma jistħoqqlix insalva? Imma nemmen li jekk jistħoqqli xi ħaġa din hi bis-saħħa ta’ Ġesù Kristu u bis-saħħa ta’ dak kollu li Hu għamel għalija?

Ejjew nagħmlu dawn il-mistoqsijiet lilna nfusna llum għax b’hekk biss inkunu fidili lejn din l-imħabba mimlija b’tant ħniena: imħabba ta’ missier u ta’ omm, għax anke Alla jgħid li għalina Hu omm; imħabba, orizzonti wesgħin, mingħajr limitu, mingħajr limitazzjonijiet. U ma nħallux lid-dutturi tal-liġi jillimitawlna din l-imħabba.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: