Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-ipokrisija hija virus li jintrebaħ bit-talb

L-ipokrisija hija virus li jintrebaħ bit-talb


Il-Ġimgħa 16 ta’ Ottubru, 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Għandna nitolbu ħafna biex ma nħallux il-virus tal-ipokrisija, dak l-atteġġjament tal-Fariżej li jisseduċi filwaqt li jibqa’ mdellel, iniġġisna. Dalgħodu, il-Papa talabna nilqgħu dan l-appell li għamel Ġesù, waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

 

L-ipokrisija, beda jgħid il-Papa Franġisku, m’għandhiex kulur fiss imma tilgħab bl-isfumaturi. Tidħol fin, fin u tgħammex l-għajnejn billi taffaxxinana bil-gideb.

Il-Papa kien qed jikkummenta s-silta tal-Vanġelu li għandna llum fil-liturġija li fiha San Luqa jiddeskrivi lil Ġesù flimkien mad-dixxipli waqt li jinsabu qalb rassa tant kbira ta’ nies li bdew jirfsu saqajn xulxin.

Ġesù jwiddeb lil tiegħu u jgħidilhom: ‘Oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej.’ Il-ħmira hi ħaġa żgħira ħafna, osserva Franġisku, imma Ġesù jitkellem dwarha qisha hi xi virus. Qisu tabib jgħid lill-kollaboraturi tiegħu biex jitħarsu mir-riskju li jitieħdu mill-virus.

L-ipokrisija hi dak il-mod ta’ għajxien, ta’ aġir, ta’ diskors, li qatt mhu ċar. Forsi jitbissem, forsi jkun serju…. Imma mhux dawl, mhux dlam…. Jimxi b’mod li donnu mhu qiegħed jhedded li ħadd, bħas-serp, imma għandu s-seher tal-chiaroscuro, tal-isfumaturi.

Għandu dak is-seħer li l-affarijiet qatt mhuma ċari, li ma jgħidx kollox ċar: is-seħer tal-gidba, tal-apparenza.

Lill-Fariżej ipokriti Ġesù jgħidilhom li kienu mimlijin bihom infushom, li kienu vanitużi, li kienu jippassiġġaw fil-pjazez biex jidhru li kienu importanti, nies kolti.

Imma Ġesù jgħid lill-folla: ‘Tibżgħux, għax m’hemm xejn li hu moħbi li m’għadx jinkixef, xejn li hu sigriet li m’għadx ikun magħruf.’ Qisu qed jgħid, osserva mill-ġdid Franġisku, li jekk ninħbew ma jgħinx, anke jekk il-ħmira tal-Fariżej wasslet u għadha twassal lin-nies biex iħobbu aktar id-dlam milli d-dawl.

Din il-ħmira hi virus li jmarrad u jġib il-mewt. Ħarsu ruħkom minnha! Dan il-virus iwassal għad-dlam. Imma hemm wieħed li hu akbar minn dan kollu: hu l-Missier li jinsab fis-sema.

‘Ħames għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? Madankollu ebda wieħed minnhom mhu minsi quddiem Alla. Anke x-xagħar ta’ raskom hu magħdud.’ U fl-aħħar hemm l-eżortazzjoni: ‘Tibżgħux! Intom tiswew aktar minn ħafna għasafar tal-bejt.’

Quddiem dawn il-biżgħat kollha li jqiegħdu quddiemna minn hawn u minn hemm, li jqiegħed quddiemna l-virus, il-ħmira tal-ipokrisija tal-Fariżej, Ġesù jgħidilna: ‘Hemm Missier. Hemm Missier li jħobbkom. Hemm Missier li jieħu ħsiebkom.’

U hemm mod wieħed biex nevitaw li nitniġġsu, sostna l-Papa Franġisku. Hi t-triq li wriena Ġesù: it-talb. It-talb huwa s-soluzzjoni waħdanija biex aħna ma naqgħux f’dak l-atteġġjament tal-Fariżej li la hu dawl u lanqas dlam, imma hu xi ħaġa fit-triq tan-nofs li ma tasal qatt għad-dawl ta’ Alla.

Nitolbu, nitolbu ħafna: Mulej ħares il-Knisja tiegħek, li hi aħna lkoll. Ħares il-poplu tiegħek, dak li nġabar madwarek u beda jgħaffeġ fuq xulxin. Ħares il-poplu tiegħek biex iħobb id-dawl, id-dawl li jiġi mill-Missier, li jiġi mingħand Missierek, li bagħtek biex issalvana. Ħares il-poplu tiegħek biex ma jsirx ipokrita, biex ma jaqax fl-indifferenza tal-ħajja. Ħares il-poplu tiegħek biex ikollu l-ferħ li jagħraf li hemm Missier li jħobbna ħafna, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: