Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-kilba għar-rikkezza tifred il-familji u ġġib il-gwerer

Il-kilba għar-rikkezza tifred il-familji u ġġib il-gwerer


It-Tnejn, 19 ta’ Ottubru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Ġesù ma jikkundannax l-għana imma r-rabta mal-ġid li tifred il-familji u tipprovoka l-gwerer, qal il-Papa Franġisku dalgħodu, waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

 

L-irbit mal-ġid tad-dinja hu idolatrija, qal Franġisku, li fakkar li mhux possibbli naqdu żewġ sidien għax jew naqdu lil Alla jew lill-flus. Ġesù mhux kontra r-rikkezza fiha nfisha imma jwissi li m’għandniex inqiegħdu ċ-ċertezzi tagħna fil-flus għax inkella r-reliġjon tagħna nġibuha qisha aġenzija tal-insurance. Minbarra dan, ir-rabta żejda mal-flus tifred, kif jgħid il-Vanġelu li jitkellem dwar żewġ aħwa li qed jiġġieldu minħabba l-wirt.

Naħsbu ftit, qal Franġisku, kemm nafu familji li ġġieldu, għadhom jiġġieldu, ma jsellmux lil xulxin, jobogħdu lil xulxin minħabba l-wirt. Dan hu biss wieħed mill-każijiet. L-aktar ħaġa importanti mhux l-imħabba tal-familja, l-imħabba tal-ulied, tal-aħwa, tal-ġenituri, le, imma l-flus.

Dan jeqred. Ukoll il-gwerer, il-gwerer li naraw illum. Iva, hemm ideal, imma fl-isfond ta’ kollox hemm il-flus: il-flus għat-traffikanti tal-armi, il-flus għal min japprofitta ruħu mill-gwerra.

Jiena ċert li lkoll nafu b’xi familja li hi mifruda għal din ir-raġuni. U Ġesù huwa ċar ħafna: ‘Oqogħdu attenti u ħarsu ruħkom minn kull regħba.’ Ir-regħba hi perikoluża. Ir-regħba ttina dik is-sigurezza li hi qarrieqa: forsi twasslek biex titlob, tmur il-knisja, imma jkollok qalbek marbuta, u fl-aħħar tispiċċa ħażin.

Ġesù jirrakkonta l-parabbola tar-raġel għani, imprenditur bravu li l-art tiegħu tatu ħafna frott u kien mimli bil-ġid. U minflok ħaseb: ‘Issa naqsam dan kollu mal-ħaddiema tiegħi, mal-impjegati tiegħi, biex ikollhom ftit aktar għall-familji tagħhom,’ kien irraġuna bejnu u bejn ruħu: ‘X’nagħmel? M’għandix fejn inqiegħed dan il-ġid kollu.’ Allura ħaseb: ‘Inwaqqa’ l-imħażen u nibni oħrajn akbar.’ Dejjem aktar. L-għatx għar-rabta mal-flus ma jittaffa qatt!

Jekk qalbek hi marbuta mal-għana, meta jkollok ħafna tkun trid aktar. Dan hu l-idolu tal-persuna li hi marbuta mal-għana biss.

It-triq tas-salvazzjoni – afferma l-Papa – hi dik tal-Beatitudnijiet. L-ewwel waħda hi l-faqar fl-ispirtu, jiġifieri li ma jkollniex qalbna marbuta mal-ġid tad-dinja, u li jekk għandna minnu, qiegħed għandna għas-servizz tal-oħrajn, biex naqsmuh u ngħinu lil nies oħra jtejbu l-qagħda tagħhom.

Dak li jurina li ma ninsabux f’dit-triq tal-idolatrija hu l-karità, hu l-għotja lil min jinsab fil-bżonn. U mhux nagħtu dak li hu żejjed imma dak li lili joqrosni, li jiswieli sagrifiċċju, xi ħaġa li forsi hi meħtieġa għalija wkoll. Dak hu sinjal tajjeb. Dak ifisser li l-imħabba tiegħi lejn Alla hija akbar mir-rabta tiegħi mal-flus.

Allura hemm tliet mistoqsijiet li rridu nagħmlu lilna nfusna. L-ewwel mistoqsija hi: Jiena nagħti? It-tieni hi: Kemm nagħti? It-tielet hi: Kif nagħti: kif kien jagħti Ġesù, bil-karezza tal-imħabba, jew qisni qed inħallas it-taxxi? Kif nagħti?

Imma, tgħiduli, xi trid tgħid biha din? Meta tagħti, tħares f’għajnejn il-persuna li tkun qed tgħin? Tmissilha jdejha? Dik hi l-laħam ta’ Kristu, hi oħtok, ħuk. U f’dak il-ħin int tkun bħall-Missier tas-sema li lanqas l-għasafar ma jħalli bil-ġuħ. Kemm jagħti bl-imħabba Alla!

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nkunu meħlusin minn din l-idolatrija, mir-rabta mal-flus, il-grazzja li nħarsu lejH, li hu tant għani fl-imħabba, tant għani fil-ġenerożità, fil-ħniena; u l-grazzja li ngħinu lill-oħrajn bil-karità kif jagħmilha Hu.

Imma, terġgħu tgħiduli, lilu ma kien jonqsu xejn….. Ġesù Kristu, li hu daqs Alla, tneżża’ minn dan: iċċekken, sar xejn. Għalhekk Hu wkoll iċċaħħad, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: