Il-Tlieta, 20 ta’ Ottubru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Alla jagħti dejjem bl-abbundanza l-grazzja tiegħu lill-bnedmin li, min-naħa tagħhom, għandhom id-drawwa li joqogħdu jkejlu s-sitwazzjonijiet. Li nifhmu kemm hi abbundanti l-imħabba t’Alla hu dejjem frott ta’ grazzja. Dan kien fis-sustanza l-ħsieb tal-Papa Franġisku fl-omelija li għamel dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.
L-imħabba t’Alla lejn il-bniedem hi abbundanti. Hi ġeneruża b’mod li l-bniedem ma jistax jifhimha għax il-bniedem imdorri jqis kull meta għandu jagħti xi ħaġa li jkollu.
Il-Papa Franġisku interpreta s-silta meħuda mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani f’dan id-dawl. Is-salvazzjoni li ġabilna Ġesù, li tegħleb il-waqgħa ta’ Adam, hi l-mod kif tidher din l-għotja abbundanti. Is-salvazzjoni, spjega l-Papa, hi l-ħbiberija bejnna u bejnU.
Alla kif jagħtina s-salvazzjoni tagħna bil-ħbiberija? Alla jagħti skont kif wiegħed: qies marsus, mimli, imfawwar. Dan iġegħilna naħsbu dwar l-abbundanza, kelma li f’din is-silta tittenna tliet darbiet. L-abbundanza li jagħti Alla hi kbira tant, li Pawlu jiġborha fil-kliem: ‘Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja.’ Kollox abbundanti! Hekk hi l-imħabba t’Alla: mingħajr qies. Hekk hu magħmul Alla: mingħajr limiti, bħall-missier tal-parabbola tal-Vanġelu li ta’ kuljum jgħarrex ix-xefaq biex jara jekk ibnu qatagħhiex li jiġi lura għandu.
Il-qalb t’Alla, afferma Franġisku, mhix magħluqa: hi miftuħa dejjem. U meta aħna naslu, bħal dak l-iben, iħaddanna, ibusna: Alla jagħmel festa.
Alla mhux xħiħ. Ma jafx x’inhi x-xeħħa. Alla jagħti kollox. Alla mhux wieqaf. Alla jħares, jistenna li aħna nikkonvertu. Alla joħroġ, joħroġ ifittex, ifittex lil kull wieħed u waħda minna.
Imma hu minnu dan?, staqsa l-Papa. Hu minnu li ta’ kuljum ifittixna, kif diġà għamel, kif diġà ntqal, fil-Kelma tan-nagħġa l-mitlufa jew tal-munita mitlufa. Alla hu hekk dejjem.
Fis-sema, tenna l-Papa, ikun hemm festa akbar għall-midneb li jindem milli għal mija li huma tajbin. Madankollu, mhux faċli, bil-kriterji umani tagħna, żgħar u limitati, li nifhmu l-imħabba t’Alla, qal il-Papa.
Din l-imħabba nifhmuha bi grazzja kif fehmitha, fakkar il-Papa, dik is-soru ta’ 84 sena, magħrufa fid-djoċesi tiegħu, li għadha ddur mas-swali tal-isptar biex titkellem mal-morda dwar l-imħabba t’Alla. Hija kellha l-grazzja li tifhem dan il-misteru, din is-sovrabbundanza tal-imħabba t’Alla li ħafna ma jifhmuhiex.
Aħna dejjem imdorrijin inkejlu s-sitwazzjonijiet, l-affarijiet, bil-qisien li għandna: u l-qisien tagħna huma żgħar ħafna.
Għaldaqstant, ikkonkluda l-Papa Franġisku, jagħmlilna tajjeb li nitolbu lill-Ispirtu s-Santu l-grazzja li nersqu ftit eqreb biex nifhmu din l-imħabba u biex ikollna x-xewqa li nitħaddnu, nirċievu l-bews b’dak il-qies li m’għandux limiti.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.