Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Nagħmlu ħilitna kollha biex ninfetħu għall-Ispirtu s-Santu

Nagħmlu ħilitna kollha biex ninfetħu għall-Ispirtu s-Santu


Il-Ħamis, 22 ta’ Ottubru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Kull sforz tan-Nisrani hu mmirat biex jiftaħ il-bibien ta’ qalbu għall-Ispirtu s-Santu. Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija li għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Għan-Nisrani, il-konverżjoni hi ħidma li ssir kuljum u li tressaqna lejn il-laqgħa ma’ Ġesù.

 

Il-Papa Franġisku kkummenta l-qari meħud mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani u qal li, biex wieħed jgħaddi mill-qadi tal-ħażen għall-qdusija, irid jibqa’ jaħdem kuljum.

Huwa żied jgħid li San Pawl iġib l-eżempju tal-isportiv, il-bniedem li jitħarreġ għal logħba bi sforz kbir. L-Appostlu jkompli li dan, biex jirbaħ logħba, jagħmel sforz kbir, imma aħna, li rridu naslu għal dik ir-rebħa kbira li qed tistenniena fis-sema, x’irridu nagħmlu? Għalhekk, San Pawl qed iħeġġiġna biex nibqgħu nirsistu f’dan l-isforz tagħna.

Allura nistgħu ngħidu li l-qdusija tiġi minħabba l-isforzi li nagħmel, bħal ma r-rebħa tasal għal min ikun imħarreġ tajjeb?, staqsa l-Papa. Le, l-isforz li aħna nagħmlu, dan is-servizz ta’ kuljum biex aħna naqdu lill-Mulej b’ruħna, b’qalbna, b’ġisimna, b’ħajjitna kollha, jiftaħ il-bieb għall-Ispirtu s-Santu. Huwa l-Ispirtu li jidħol fina u jsalvana! L-Ispirtu hu rigal li jtina Ġesù Kristu!

Dan hu xogħol iebes, qal il-Papa, għax id-dgħufija tagħna, id-dnub oriġinali, ix-xitan, dejjem jiġbduna lura. L-awtur tal-ittra lil-Lhud iwissina dwar din it-tentazzjoni li naqgħu lura, biex ma nċedux. Jeħtieġ nibqgħu mexjin ‘il quddiem, ftit, ftit kuljum, anke meta nħabbtu wiċċna ma’ diffikultajiet kbar.

Franġisku rrakkonta li, ftit tax-xhur ilu, kien iltaqa’ ma’ mara żagħżugħa – omm ta’ familja, familja sabiħa – li kienet marida bil-kanċer. Kanċer ikrah. Imma hi kienet tgħix hienja, kienet tgħix qisha ma kellhiex mard. U meta kellmitu dwar dan l-atteġġjament tagħha, qaltlu: ‘Padre, jien qed nagħmel minn kollox biex negħleb il-kanċer!’ Hekk għandu jkun in-Nisrani, qal il-Papa.

Aħna li rċevejna dan ir-rigal mingħand Ġesù Kristu, u għaddejna mid-dnub, mill-ħajja tal-ħażen, għall-ħajja tal-grazzja fi Kristu, fl-Ispirtu s-Santu, għandna nagħmlu l-istess. Kuljum nagħmlu pass.

Il-Papa semma xi tentazzjonijiet li aħna jkollna bħalma hi l-inklinazzjoni li nqassu fuq xi ħadd. F’dak il-każ għandna nagħmlu sforz fuqna nfusna biex nibqgħu siekta. Inkella, żied il-Qdusija Tiegħu, jista’ jaqbadna xi ftit ngħas u ma jkollniex aptit nitolbu….. imbagħad ngħidu xi ħaġa fuq, fuq. Nibdew minn dawn l-affarijiet żgħar, tenna Franġisku.

Il-laqgħa tagħna miegħu, qal il-Papa, tgħinna biex ma nċedux, ma mmorrux lura, ma nerġgħux lura lejn il-ħażen, imma nimxu lejn din il-wegħda ta’ Ġesù Kristu, li hi eżattament il-laqgħa miegħu.

Nitolbu din il-grazzja lill-Mulej, nitolbuH biex inkunu ‘bravi’ u biex ikollna r-rieda f’dan it-taħriġ tal-ħajja li jwassalna għal-laqgħa miegħu, għax aħna rċevejna r-rigal tal-ġustifikazzjoni, ir-rigal tal-grazzja, ir-rigal tal-Ispirtu f’Ġesù Kristu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: