Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-Insara għandhom jaqraw is-sinjali taż-żminijiet u jinbidlu, filwaqt li jibqgħu fidili lejn il-Vanġelu

L-Insara għandhom jaqraw is-sinjali taż-żminijiet u jinbidlu, filwaqt li jibqgħu fidili lejn il-Vanġelu


Il-Ġimgħa, 23 ta’ Ottubru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Waqt l-omelija li għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal li ż-żminijiet jagħmlu dak li għandhom jagħmlu, jiġifieri jinbidlu l-ħin kollu, u aħna l-Insara għandna nkunu nixbhuhom bil-libertà u bil-verità tal-fidi.

 

L-Insara għandhom jagħmlu dak li jrid Kristu: jeżaminaw iż-żminijiet u jinbidlu magħhom, filwaqt li jibqgħu ankrati mal-verità tal-Vanġelu. Mhux permess iżda li n-Nisrani jibqa’ kalm u jaċċetta l-konformiżmu għax fil-fatt dan ifisser li xejn mhu qed jiċċaqlaq.

Il-Papa kien qed jikkummenta dwar il-qari mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani li tippreżentalna l-liturġija tal-lum. L-Appostlu, qal il-Papa, jipprietka b’tant qawwa l-libertà li ħelsitna mid-dnub. U hemm il-paġna tal-Vanġelu li fiha Ġesù jitkellem dwar is-sinjali taż-żmien, u jżid li, dawk li għandhom ħila jifhmu t-temp imma ma jifhmux lill-Iben t’Alla, huma ipokriti.

Alla ħalaqna ħielsa u biex ikollna din il-libertà, afferma l-Papa, irridu ninfetħu għall-qawwa tal-Ispirtu u nifhmu sewwa dak li jkun qed jiġri fina u barra minna, billi nużaw id-dixxerniment.

Għandna din il-libertà li niġġudikaw dak li jiġri ‘l barra minna. Imma biex niġġudikaw irridu nkunu nafu sewwa dak li jiġri ‘l barra minna. U kif nistgħu nagħmluh dan? Kif jista’ jsir dak li l-Knisja qed tgħid li hu l-għarfien taż-żminijiet? Iż-żminijiet jinbidlu. U proprju hu bl-għaqal Nisrani li nagħrfu dan it-tibdil, li nagħrfu ż-żminijiet differenti u s-sinjali li ż-żminijiet ituna: xi tfisser ħaġa u xi tfisser oħra. U dan għandna nagħmluh mingħajr biża’, bil-libertà.

Il-Papa hu konxju li din mhix ħaġa ħafifa, minħabba l-bosta kundizzjonamenti ‘esterni’ li jagħfsu anke fuq l-Insara u li jwassluhom biex jgħixu ħajja komda, mingħajr azzjoni. Spiss ninħbew wara l-iskużi li naġixxu ‘għax hekk qaluli’, ‘għax hekk qrajt’, ‘għax in-nies hekk jgħidu’…. biex nibqgħu statiċi u nikkonformaw. B’hekk inħossuna komdi u kalmi.

Imma liema hi l-verità? X’messaġġ irid itini l-Mulej bis-sinjali taż-żmien? Biex nifhmu s-sinjali taż-żmien l-ewwel ma hu meħtieġ hu s-silenzju: is-silenzju li jgħinek tosserva. Wara mbagħad nirriflettu fina nfusna. Bħala eżempju nistaqsu: Għaliex hawn tant gwerer bħalissa? Għaliex jiġru ċerti affarijiet? U nitolbu: silenzju, riflessjoni u talb. B’hekk biss nistgħu nifhmu s-sinjali taż-żmien, dak li jrid jgħidilna Ġesù.

Li nifhmu s-sinjali taż-żmien mhix biċċa xogħol esklussiva ta’ xi élite kulturali. Ġesù, fakkar il-Papa, ma jgħidx: ‘Araw x’jagħmlu n-nies tal-università, araw x’jagħmlu dawk li għandhom xi dottorat, araw x’jagħmlu l-intellettwali…..’ Ġesù, saħaq Franġisku, ikellem lill-bdiewa li fis-sempliċità tagħhom jafu jagħrfu l-qamħ mis-sikrana.

Iż-żminijiet jinbidlu u aħna l-Insara rridu nibqgħu ninbidlu l-ħin kollu. Irridu ninbidlu billi nibqgħu sħaħ fil-fidi f’Ġesù Kristu, sħaħ fil-verità tal-Vanġelu, imma l-atteġġjament tagħna jrid jibqa’ dejjem f’moviment skont is-sinjali taż-żminijiet. Aħna liberi. Aħna liberi minħabba r-rigal tal-libertà li tana Ġesù Kristu. Imma xogħolna hu li nħarsu lejn dak li qed jiġri fina, niddixxernu s-sentimenti tagħna, ħsibijietna u dak li qed jiġri ‘l barra minna, biex niddixxernu s-sinjali taż-żmien. Dan nagħmluh bis-silenzju, bir-riflessjoni u bit-talb, temm il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: