Alla ma jikkundannax għax Hu jaf biss iħobb. Din hija r-rebħa tagħna


Il-Ħamis, 29 ta’ Ottubru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Waqt l-omelija li għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta, il-Papa qal li, fl-ewwel qari, San Pawl jispjega lill-Insara li ladarba Alla hu magħna, ħadd ma jista’ jkun kontra tagħna. Jekk Alla jsalvana, min jista’ jikkundannana? Donnu, qal il-Papa Franġisku, li l-qawwa u ċ-ċertezza ta’ rebħ, dan ir-rigal, jinsab f’idejn in-Nisrani, ħaġa li hi proprjetà tiegħu. Qisu li l-Insara jistgħu jiddikjaraw b’mod trijonfalistiku: Issa aħna ċ-champions!

 

Imma s-sens veru hu ieħor. Aħna rebbieħa mhux għax dan ir-rigal hu proprjetà tagħna, imma għal raġuni oħra.

Hi ħaġ’oħra li tgħinna nirbħu. U anke jekk nirrifjutaw ir-rebħa, din dejjem tinsab għad-dispożizzjoni tagħna għax ir-rebħa tagħna tinsab fil-fatt li ħadd ma jista’ jifridna mill-imħabba t’Alla li hu f’Ġesù Kristu l-Mulej tagħna. Aħna m’aħniex rebbiħin fuq l-għedewwa tagħna, fuq id-dnub, le! Aħna tant aħna marbutin mal-imħabba t’Alla li ebda persuna, ebda potenza, xejn ma jista’ jifridna minn din l-imħabba.

Pawlu, kompla jgħid il-Papa, jara lil hinn minn dar-rigal; jara fih id-don tal-ħolqien mill-ġdid, tar-riġenerazzjoni fi Kristu Ġesù. Ra fih l-imħabba t’Alla, imħabba li ma nistgħux nispjegawha.

Kull bniedem, kompla jgħid Franġisku, jista’ jirrifjuta dan ir-rigal, jagħżel il-vanità tiegħu, il-kburija, id-dnub. Imma r-rigal xorta hemm jibqa’.

Ir-rigal hu l-imħabba t’Alla, hu Alla li ma jistax jinfired minna. Dik hi d-dgħufija ta’ Alla! Aħna ngħidu li Alla hu qawwi, jista’ jagħmel kollox minbarra ħaġa waħda: ma jistax jinfired minna!

Fil-Vanġelu, il-bikja ta’ Ġesù fuq Ġerusalemm tgħinna nifhmu xi ħaġa minn din l-imħabba. Ġesù beka! U f’dak id-dmugħ hemm l-impotenza ta’ Alla: in-nuqqas ta’ ħila li għandu li ma jħobbx, li jinqata’ minn magħna.

Ġesù jibki fuq Ġerusalemm għax toqtol il-Profeti tiegħu, dawk li jħabbru s-salvazzjoni tiegħu. U lil Ġerusalemm Alla jgħidilha, u jgħid lilna u lil kulħadd: ‘Kemm-il darba ridt niġbor ‘l uliedek kif qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt gwenħajha, u intom ma ridtux!’

Din hi x-xbieha tat-tenerezza. ‘Kemm-il darba ridt inġegħelkom tħossu din it-tenerezza, din l-imħabba, bħall-qroqqa mal-flieles tagħha, u intom irrifjutajtu!’

Għal din ir-raġuni, afferma l-Papa, San Pawl jifhem li nistgħu ngħidu li la mewt, la ħajja, la l-anġli u l-prinċipati, la l-preżent u lanqas il-futur, la l-potenzi, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħaġa oħra qatt ma jistgħu jifirduna minn din l-imħabba. Alla ma jistax ma jħobbx. Din hi ċ-ċertezza tagħna. Jien nista’ nirrifjuta din l-imħabba, l-istess kif għamel il-ħalliel it-tajjeb sa ma wasal fi tmiem ħajtu. Imma hemmhekk kienet qed tistennieh dik l-imħabba. Il-ħalliel il-ħażin, il-midgħi, hu maħbub minn Alla bit-tenerezza ta’ Missier.

U kif jgħid Pawlu, kif jgħid il-Vanġelu, kif jgħid Ġesù: bħall-qroqqa mal-flieles. U Alla li jista’ kollox, il-Ħallieq li jista’ jagħmel kollox, jibki! F’dil-bikja ta’ Ġesù fuq Ġerusalemm, f’dak id-dmugħ, tinsab l-imħabba kollha ta’ Alla. Alla jibki għalija meta nitbiegħed minnu. Alla jibki għal kull wieħed u waħda minna: għall-ħżiena li jagħmlu tant affarijiet koroh, tant ħsara lill-umanità…. Alla jistenna, ma jikkundannax, jibki. Għaliex? Għax iħobb, temm il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.