Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

In-Nisrani jinkludi, ma jagħlaqx il-bibien, filwaqt li l-Fariżew jeskludi


Il-Ħamis 5 ta’ Novembru, 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

In-Nisrani jinkludi, ma jagħlaq il-bibien lil ħadd anke jekk dan jipprovoka r-reżistenza. Min jeskludi, għax jaħseb li hu aħjar, joħloq il-konflitti u l-firda u jum wieħed għad irid jagħti kont ta’ għemilu quddiem it-tribunal ta’ Alla – kliem il-Papa Franġisku waqt l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Fl-ittra lir-Rumani, qal il-Papa, San Pawl iħeġġiġhom biex ma jiġġudikawx u ma jiddisprezzawx lill-proxxmu, għax dan l-attegġjament jeskludi lil dak li jkun miċ-‘ċirku ċkejken tagħna’ u b’hekk inkunu selettivi. Dan mhux aġir Nisrani.

Infatti, kompla josserva l-Papa, bis-sagrifiċċju tal-Kalvarju, Kristu jgħaqqad u jinkludi lill-bnedmin kollha fis-salvazzjoni. Fil-Vanġelu l-pubblikani u l-midinbin jersqu lejn Ġesù, jiġifieri jersqu lejh l-imwarrbin, dawk kollha li kienu jinsabu barra miċ-ċirku esklussiv. Minħabba f’hekk il-Fariżej u l-Kittieba jibdew igemgmu.

L-atteġġjament tal-Iskribi u l-Fariżej hu l-istess, jeskludu: ‘Aħna perfetti, aħna nimxu mal-liġi. Dawn huma midinbin, huma pubblikani.’ Imma l-atteġġjament ta’ Ġesù hu li jinkludi. Fil-ħajja hemm żewġ toroq: it-triq tal-esklużjoni u t-triq tal-inklużjoni.

L-ewwel waħda tista’ tkun ċkejkna, imma hi l-għerq tal-gwerer kollha: id-diżastri kollha, il-gwerer kollha, jibdew minħabba l-esklużjoni. Wieħed jeskludi mill-komunità internazzjonali, imma wkoll fil-familji, bejn il-ħbieb. Kemm ġlied! Imma t-triq li jurina, li jgħallimna Ġesù, hi għal kollox differenti, hi l-kontra tal-oħra: inklużjoni.

Mhux faċli tinkludi, osserva l-Papa, għax issib ir-reżistenza, u jkun hemm ukoll atteġġjament selettiv. Hu għalhekk li Ġesù jirrakkonta żewġ parabboli: dik tan-nagħġa l-mitlufa u tal-mara li tilfet il-munita. Kemm ir-ragħaj kif ukoll il-mara jagħmlu minn kollox biex isibu dak li jkunu tilfu. U meta jirnexxilhom, jimtlew bil-ferħ.

Jimtlew bil-ferħ għax sabu dak li kien intilfilhom u jmorru għand il-ġirien, għand ħbiebhom biex jaqsmu l-ferħ tagħhom. Sibt, inkludejt. Hekk jinkludi Alla, bil-maqlub tal-esklużjoni ta’ min jiġġudika u jkeċċi ‘l hemm lin-nies, lill-persuni. Le, dan le, dan le, dak le…. U b’hekk jifforma ruħu ċirku żgħir ta’ ħbieb li joħloq l-ambjent tiegħu. Din hi d-djalettika bejn l-inklużjoni u l-esklużjoni. Alla seħibna lkoll fis-salvazzjoni, ilkoll! Dan hu l-bidu. Aħna, bid-debbulizzi tagħna, bi dnubietna, bl-għira li għandna, bil-ġelożija, ikollna dejjem l-atteġġjament li neskludu, atteġġjament li jista’ jwassal għal gwerer.

Ġesù, afferma l-Papa Franġisku, jagħmel bħall-Missier li bagħtu biex isalvana: ifittixna ‘biex jinkludina’, ‘biex inkunu familja’.

Naħsbu ftit u, almenu, nagħmlu l-inqas li nistgħu nagħmlu: ma niġġudikaw qatt. Imma ssib min jgħidlek: dak jagħmel dik, jew l-oħra….. Alla jaf, dik hi ħajtu, imma jien ma neskludihx minn qalbi, mit-talb tiegħi, mit-tislim, mit-tbissima, u jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu, ngħidlu wkoll kelma tajba.

Ma neskludu qatt, m’għandniex dritt nagħmlu dan! U kif ittemm is-silta mill-ittra ta’ Pawlu lir-Rumani: ilkoll għad nidhru quddiem it-tribunal ta’ Alla. B’hekk kull wieħed u waħda minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.

Jekk jien neskludi, ġurnata għad inkun quddiem it-tribunal ta’ Alla u rrid nagħti kont tiegħi nnifsi. Nitolbu l-grazzja li nkunu rġiel u nisa li ninkludu dejjem, dejjem! Bil-qies tal-prudenza, imma dejjem. Ma nagħlqu l-bibien lil ħadd, dejjem b’qalbna miftuħa: jogħġobni jew ma jogħġobnix, imma qalbi dejjem miftuħa. Jalla l-Mulej itina din il-grazzja, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s