Inservu mhux ninqdew b’ħaddieħor

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 6 ta’ Novembru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Hemm saċerdoti u isqfijiet moħħhom biex iżidu l-prestiġju u mwaħħlin mal-flus, li minflok iservu, jinqdew bil-Knisja u jagħmluha tidher ‘negozjanta’ u ‘bierda’ għax jgħixu l-pożizzjoni tagħhom fil-kumdità u mingħajr onestà.

 

Il-Papa wissa kontra din it-tentazzjoni tal-ħajja doppja u biex jenfasizza l-punt tiegħu semma l-missjunarji rġiel u nisa li jagħtu ħajjithom biex jaqdu.

Il-liturġija tal-lum, afferma mill-ewwel Franġisku, tgħinna nirriflettu fuq żewġ persuni, żewġ figuri ta’ qaddejja, impjegati, li kellhom dmir x’jaqdu. Fis-silta tal-ittra lir-Rumani toħroġ ċar il-figura ta’ Pawlu biż-żelu kbir tiegħu biex jevanġelizza.

L-Appostlu jikteb: ‘Intom tafu bis-saħħa tal-grazzja mogħtija lili minn Alla biex insir ministru ta’ Ġesù Kristu u naqdi l-ministeru qaddis.’ Liema kienet il-grazzja li rċieva? Il-grazzja li jkun ministru, li jaqdi. Dil-vokazzjoni Pawlu ħadha b’serjetà kbira, qatt ma kien jieqaf, biex imbagħad intemm hawn f’Ruma ttradut minn uħud minn niesu.

Imma mnejn kien ġej il-kobor, il-kuraġġ ta’ Pawlu? Hu stess jiddikjara: ‘jien b’dan niftaħar.’ Imma biex kien jiftaħar? Kien jiftaħar b’Ġesù Kristu. B’xejn aktar ma kien jiftaħar ħlief bl-affarijiet ta’ Alla, kif jikteb hu stess, biex iwassal lill-bnedmin għall-ubbidjenza bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

B’dan l-atteġġjament, kompla jgħid il-Papa, San Pawl mar kullimkien u kien jiftaħar li hu qaddej, li kien magħżul, li kellu fih il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex imur fid-dinja kollha. Kien hemm ukoll xi ħaġa li lilu kienet ittih ferħ kbir. Hu jgħid hekk: ‘Jien ma nxandarx il-Vanġelu fejn isem Kristu hu diġà magħruf biex ma nibnix fuq il-pedament ta’ ħaddieħor.’

Fi kliem ieħor, kien imur fejn isem Kristu ma kienx magħruf; kien il-qaddej li jaqdi. Kien jamministra billi jwaqqaf il-pedament, jiġifieri billi jħabbar lil Ġesù Kristu, dejjem aktar ‘il bogħod, dejjem aktar riesaq ‘il barra, dejjem aktar lil hinn, u qatt ma kien jieqaf f’post biex jieħu xi vantaġġ, isir awtorità, biex ikun moqdi. Kien ministru, qaddej biex jaqdi, mhux biex jinqeda b’ħaddieħor hu.

F’dal-punt, Franġisku qal kemm kien iħossu ferħan u kommoss meta waqt il-quddiesa li jiċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta jersqu lejh saċerdoti u sorijiet li jirrakkuntawlu li ilhom għexieren ta’ snin jaħdmu fil-missjoni, fl-Amażonja, qalb il-foqra, fl-isptarijiet tan-nies diżabbli, u xorta waħda tara tbissima fuq fommhom. Dan hu l-mod kif naqdu, osserva l-Papa, dan hu l-ferħ tal-Knisja: li mmorru aktar lil hinn, dejjem aktar lil hinn, li nagħtu ħajjitna bħalma għamel Pawlu.

Ir-riflessjoni tal-Qdusija Tiegħu kompliet dwar il-pass tal-Vanġelu meħud minn San Luqa li jkellimna dwar il-qaddej diżonest. Il-Papa nnota li l-Mulej jurina xbieha ta’ qaddej ieħor li minflok iservi, jinqeda bl-oħrajn.

Qrajna fil-Vanġelu x’għamel dan il-qaddej, b’liema ħażen ta’ moħħ ħadem biex ma jitlifx postu, biex jibqa’ jgawdi d-dinjità! Anke fil-Knisja, qal il-Papa, hemm dawk li, minflok iservu, minflok jieħdu ħsieb l-oħrajn, minflok iqiegħdu l-pedamenti, jinqdew bil-Knisja: dawk li jfittxu jkattru l-prestiġju tagħhom, li huma marbutin mal-flus. Kemm rajna saċerdoti u isqfijiet bħal dawn! Tħoss qalbek tingħasar tgħidha biss, mhux veru?

Ir-radikalità tal-Vanġelu, tas-sejħa li għamlilna Ġesù, tinsab fil-qadi, f’li ma niqfux, imma mmorru dejjem aktar lil hinn, ninsew lilna nfusna. Min-naħa l-oħra hemm il-kumdità tal-istatus: jien ilħaqt xi ħaġa u ngħix fil-kumdità imma mingħajr onestà, bħal dawk il-Fariżej li Ġesù qal li jkunu jippassiġġaw fil-pjazez biex jidhru. Dawn huma żewġ xbihat ta’ Nsara, ta’ saċerdoti, ta’ sorijiet. F’San Pawl, spjega l-Papa, Ġesù jurina l-mudell ta’ Knisja li qatt ma tieqaf turi liema hi t-triq, li qatt ma tieqaf miexja ‘l quddiem.

Iżda meta l-Knisja tkun bierda, magħluqa fiha nfisha, anke negozjanta, nistgħu ngħidu li dik mhix Knisja ministranti, li taqdi, imma Knisja li tinqeda bl-oħrajn.

Franġisku temm l-omelija billi talab lill-Mulej jagħti lill-Knisja l-grazzja li ta lil Pawlu: li timxi dejjem ‘il quddiem u dejjem tirrifjuta l-kumditajiet. B’hekk Hu jeħlisna mit-tentazzjonijiet li, fl-aħħar mill-aħħar, huma tentazzjonijiet ta’ ħajja doppja: jien irrid nidher bħala ministru, bħala dak li jservi, u mhux bħala dak li jinqeda bl-oħrajn.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: