Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

L-idea li kulħadd ikun jaħsibha l-istess tfisser li aħna nkunu mġegħlin nirkantaw l-identità Nisranija tagħna


It-Tnejn 16 ta’ Novembru, 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

L-idea li kulħadd ikun jaħsibha l-istess, l-umaneżmu li jieħu post Kristu, il-bniedem veru, teqred l-identità Kristjana. Ma nirkantawx il-karta tal-identità tagħna. Din l-eżortazzjoni qawwija għamilha l-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

L-ewwel qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Makkabej, jirrakkonta dwar għerq ħażin li nibet f’dawk il-jiem: ir-re Ellenista Antijoku Epifanju jimponi d-drawwiet pagani fuq Iżrael, fuq il-poplu l-magħżul, jiġifieri fuq il-Knisja ta’ dak iż-żmien.

Il-Papa Franġisku għamel riflessjoni dwar it-tixbiha mal-għerq li jinsab taħt l-art. Il-verità dwar l-għerq hi li jinsab taħt l-art, ma jidhirx, donnu mhux qed jagħmel ħsara, imma mbagħad jikber u jidher u juri r-realtà vera tiegħu. Kien għerq raġonevoli li ġiegħel lil xi Iżraeliti jagħmlu alleanza man-nazzjonijiet ġirien biex ikollhom il-protezzjoni.

‘Għaliex tant differenzi?’ kienu jistaqsu. ‘Għax minn mindu nfridna minn magħhom beda jinqalgħalna għawġ kbir. Ejjew immorru għandhom; aħna bħalhom, daqshom.’ Il-Papa spjega dan il-qari fi tliet kelmiet: mondanità, apostasija (ċaħda), persekuzzjoni.

Il-mondanità tfisser li nagħmlu dak li tagħmel id-dinja. Tfisser li nirkantaw il-karta tal-identità tagħna: aħna ugwali mal-oħrajn. B’hekk ħafna Iżraeliti ċaħdu l-fidi tagħhom u tbiegħdu mill-Patt il-Qaddis. U dak li deher tant raġonevoli – aħna bħal kulħadd, aħna normali – sar il-qerda.

Imbagħad ir-re ordna li r-renju tiegħu jsir kollu poplu wieħed, ħsieb wieħed – il-mondanità – u li għalhekk kulħadd kellu jabbanduna d-drawwiet tiegħu. Il-popli kollha obdew lir-re. Anke ħafna Iżraeljani qagħdu għall-ordnijiet tar-re; aċċettaw il-kult tiegħu u bdew joffru sagrifiċċji lill-idoli u jipprofanaw is-Sibt.

Din hi l-apostasija, iċ-ċaħda. Jiġifieri li l-mondanità twasslek għall-ħsieb uniku u għall-apostasija. Mhux aktar permess li jkun hemm differenzi: ilkoll l-istess. U fl-istorja tal-Knisja, fl-istorja li rajna, qed ifakkruni f’każ: li l-festi reliġjużi nbidlilhom isimhom – it-twelid tal-Mulej ingħata isem ieħor – biex tinqered l-identità.

F’Iżrael, il-kotba tal-liġi ngħataw in-nar u jekk xi ħadd kien ifettillu jobdi l-liġi, is-sentenza li kien jaqta’ r-re kienet għall-mewt. Hawn tidher il-persekuzzjoni li bdiet minn għerq velenuż. Minn dejjem laqtitni, afferma l-Papa Franġisku, li fl-Aħħar Ċena, il-Mulej, f’dik it-talba twila, talab għall-għaqda fost niesu u talab lill-Missier biex jeħlishom minn kull spirtu tad-dinja, minn kull mondanità. Għax il-mondanità teqred l-identità; il-mondanità tressaqna lejn il-ħsieb uniku.

Dan jibda minn għerq, għerq żgħir, u jispiċċa biex isir deżolazzjoni ta’ min jistmerrha, jispiċċa jsir persekuzzjoni. Dan hu l-ingann tal-mondanità u għalhekk Ġesù kien talab lill-Missier f’dik iċ-Ċena: ‘Missier ma nitolbokx biex tneħħihom mid-dinja, imma ħarishom minnha’ – minn din il-mentalità, minn dan l-umaneżmu, li ġej biex jieħu post il-bniedem veru, Ġesù Kristu, li ġej biex ineħħilna l-identità Nisranija u jridna kollha naħsbu l-istess ħaġa: ħafna jagħmlu hekk, jien għaliex le?

Dal-ħsieb dominanti ta’ żmienna għandu jġegħelna naħsbu: kif inhi l-identità tiegħi? Hija Nisranija jew mondana? Jew jien ngħid li jien Nisrani għax meta kont tarbija għammduni u għax twelidt f’pajjiż Nisrani, fejn kulħadd hu Nisrani?

Il-mondanità tidħol inkiss inkiss, tikber, tiġġustifika ruħha u tniġġes. Tikber bħal dak l-għerq, tiġġustifika ruħha: ‘Imma ħa nagħmlu bħalma jagħmel kulħadd, fl-aħħar mill-aħħar m’aħniex differenti!’ Infittxu dejjem ġustifikazzjoni, u fl-aħħar nitniġġsu u ħafna mill-gwaj jinbet minn hemm.

Il-liturġija ta’ dawn l-aħħar jiem tas-sena liturġika, temm il-Papa, tħeġġiġna biex noqogħdu attenti mill-għeruq velenużi li jbegħduna mill-Mulej.

Nitolbu lill-Mulej għall-Knisja, biex il-Mulej iħarisha minn kull forma ta’ mondanità. Jalla l-Knisja jkollha dejjem l-identità li taha Ġesù Kristu; jalla aħna lkoll ikollna l-identità li rċevejna fil-Magħmudija, u li din l-identità li rridu nkunu bħal kulħadd, biex inkunu ‘normali’, tintrema ‘l barra. Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nżommu u nħarsu l-identità Nisranija tagħna kontra l-ispirtu tal-mondanità li dejjem qed jikber, li jiġġustifika ruħu u jniġġes.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s