Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

M’hemmx kompromessi


It-Tlieta, 17 ta’ Novembru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Ma nħallux l-ispirtu tad-dinja jdgħajjifna; ngħixu bil-koerenza l-ħajja Nisranija tagħna mingħajr ma nċedu u mingħajr kompromessi. Din kienet l-istedina li għamel illum il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa li ċċelebra fid-Dar Santa Marta.

 

Fuq il-linji ta’ dak li tipproponilna l-Knisja f’dawn l-aħħar jiem tas-sena liturġika, il-Papa wriena kif għandna nġibu ruħna quddiem il-persekuzzjoni.Biex jagħmel dan għaqqad l-omelija tal-lum ma’ dik tal-bieraħ fejn tkellem dwar il-mondanità, l-apostasija u l-persekuzzjoni.

Franġisku ħa spunt mis-silta meħuda mill-Ktieb tal-Makkabej li fiha naraw li Għeleażar, ta’ disgħin sena, ma jċedix quddiem l-ispirtu tal-mondanità u fil-waqt tal-prova ma jaqax.

X’ġara? Il-ħsieb uniku tal-apostasija, spjega l-Papa: riduh bilfors jiekol il-laħam tal-majjal. Iżda hu rrifjuta u beżqu. Allura ħbiebu mondani, dawk li kienu ċedew għall-ispirtu tal-mondanità, sejħulu, twarrbu miegħu u ppruvaw jikkonvinċuh u ssuġġerewlu soluzzjoni ta’ kompromess: ‘Agħmel soppa tal-laħam u agħmel tabirruħek li qed tiekol il-laħam tal-majjal, u b’hekk issalva ħajtek u ma tkunx dnibt.’

Imma l-Iskriba anzjan iddiżgusta ruħu. U b’dik id-dinjità, b’dik in-nobbiltà li kellu ġejja minn ħajja koerenti, mar għall-martirju u kien ta’ xhieda. ‘Le,’ qal, ‘fl-età tiegħi ma nkunx ta’ eżempju ħażin għaż-żgħażagħ.’

Dan hu eżempju ċar ta’ ħajja koerenti, qal Franġisku, li kompla janalizza l-imġiba ta’ ħafna. ‘Int agħmel tabirruħek mod, imma għix mod ieħor.’ Hija l-mondanità li tidħol fin, fin fil-qalb tal-bniedem u ftit, ftit tokkupalu l-ispazju tagħha kollu għax bħall-kamla, teqred naqra, naqra, therri d-drapp, u mbagħad dak id-drapp ma jkunx jista’ jintuża aktar.

L-istess jiġrilu l-bniedem li jħalli l-mondanità tmexxih, jitlef l-identità Nisranija, jirvinaha għax ma jibqagħlux ħila jkun koerenti. Infatti, kompla l-Qdusija Tiegħu, hemm min jgħid: ‘Jien Kattoliku ħafna, immur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd, u nħossni tant Kattoliku,’ imbagħad, fil-ħajja ta’ kuljum, jew fuq ix-xogħol, jitlef il-koerenza kollha. U b’hekk jaqa’ għal-lixka ta’ min jgħidlu: ‘Jekk tixtrili din, intik tant flus biex iżżommhom għalik.’

Din, tenna l-Papa, mhix ħajja koerenti; din hi mondanità. Hi proprju l-mondanità li twassalna ngħixu ħajja doppja – dik li tidher u dik li tkun vera – u tbegħedna minn Alla, teqirdilna l-identità Nisranija tagħna.

Din hi r-raġuni għala Ġesù hu tant qawwi meta jitlob lill-Missier: ‘Ma nitolbokx li tneħħihom mid-dinja imma li jkunu salvati,’ – li ma jkollhomx l-ispirtu mondan, jiġifieri l-ispirtu li jeqred l-identità Nisranija.

Mill-Iskrittura Mqaddsa, partikolarment mill-istorja ta’ Għeleażar, għandna eżempju kontra dan l-ispirtu tal-mondanità. Mhux ta’ b’xejn li l-Qdusija Tiegħu stieden lill-fidili biex jisimgħu mill-ġdid il-kliem koerenti tal-Iskriba: ‘Jekk jiena ta’ disgħin sena ndur għad-drawwiet tal-barranin, min-naħa tagħhom, bis-saħħa tal-wiċċ b’ieħor tiegħi, jintilfu huma minħabba fija.’

Għeleażar, għalhekk, jinkwieta minħabba l-eżempju li jista’ jagħti liż-żgħażagħ li kieku jċedi. Il-Papa interpreta din l-għażla ta’ Għeleażar hekk: L-ispirtu Nisrani, l-identità Nisranija qatt m’hi egoista. Dejjem tfittex li tieħu ħsieb ħaddieħor bil-koerenza tagħha. Tieħu ħsieb ħaddieħor billi tevita l-iskandlu, tieħu ħsieb l-oħrajn u tagħti eżempju tajjeb.

Ċertament, żied Franġisku, xi ħadd jista’ joġġezzjona u jgħidli: ‘Mhux faċli tgħix f’din id-dinja fejn it-tentazzjonijiet huma bosta u l-ingann tal-ħajja doppja jittantana l-ħin kollu.’ M’hu faċli xejn!

Fir-realtà, spjega l-Papa, għalina mhux biss mhux faċli, imma huwa impossibbli. Hu biss għandu ħila. Għalhekk il-liturġija tal-lum tistedinna nitolbu bis-Salm: ‘Il-Mulej hu l-għasluġ tiegħi.’

Huwa Alla, żied jgħid il-Papa, il-bastun tagħna kontra l-mondanità li teqred l-identità Nisranija tagħna, li ġġegħelna ngħixu ħajja doppja. Hu biss jista’ jsalvana. Għalhekk it-talba umli tagħna għandha tkun: ‘Mulej, jiena midneb. Verament ilkoll aħna midinbin, imma nitolbok tweżinni. Tini l-għajnuna biex minn naħa ma nagħmilx tabirruħi li jien Nisrani u min-naħa l-oħra ma ngħixx ta’ pagan, bil-mondanità.’

Il-Papa temm l-omelija b’dal-parir: Jekk illum ikollkom ftit ċans aqbdu l-Bibbja, it-tieni Ktieb tal-Makkabej, kapitlu sitta, u aqraw din l-istorja ta’ Għeleażar. Tagħmlilkom tajjeb, ittikom kuraġġ biex tkunu eżempju għal kulħadd, ittikom il-qawwa biex ittejbu l-identità Nisranija tagħkom, mingħajr kompromessi, mingħajr ħajja doppja.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s