Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Ġesù jibki fuq dinja li toqtol u ma tifhimx x’inhi l-paċi


Il-Ħamis, 19 ta’ Novembru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Ġesù beka. B’dawn iż-żewġ kelmiet il-Papa beda l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta li fiha deher qalbu sewda u mnikket aktar minn qatt qabel. Fi kliem il-Papa jidwi l-Vanġelu ta’ San Luqa li jqegħdilna quddiemna l-liturġija tal-lum, silta qasira imma kommoventi.

 

Ġesù jersaq lejn Ġerusalemm – probabbilment minn xi naħa għolja li minnha seta’ jara panorama tal-belt – iħares lejha u jibki. Idur lejn il-belt u jgħidilha: ‘Mhux li għaraft int ukoll f’dan il-jum, x’inhu ta’ ġid għalik! Imma issa dan hu moħbi minn għajnejk!’

Il-Papa tenna dan il-kliem aktar minn darba u żied: Imma llum ukoll Ġesù qed jibki. Għaliex aħna għażilna t-triq tal-gwerer, it-triq tal-mibegħda, it-triq li nkunu għedewwa ta’ xulxin. Ninsabu qrib il-Milied: se naraw dwal, se jkun hemm festi, siġar imdawlin, anke presepji …. Kollox finta, qoxra. Id-dinja għadha għaddejja bil-gwerer. Id-dinja ma fehmitx it-triq tal-paċi.

Wieħed seta’ jifhem is-sentimenti tal-Papa, li jaqblu ma’ dawk tal-biċċa l-kbira tad-dinja f’dawn il-jiem, f’dis-siegħa. Il-Papa Franġisku fakkar fiċ-ċerimonji li għadhom kif saru biex ifakkru t-tieni gwerra dinjija, il-bombi ta’ Hiroshima u Nagasaki, iż-żjara li għamel f’Redipuglia s-sena li għaddiet fl-anniversarju tal-ewwel gwerra dinjija. Straġi inutli, tenna l-Papa, bl-istess kliem tal-predeċessur tiegħu Benedittu XVI.

Illum hemm il-gwerra kullimkien, kompla jgħid, hemm il-mibegħda. U mbagħad għamel mistoqsija: X’jifdal wara gwerra, wara din il-gwerra li qed ngħixu bħalissa? X’jifdal? Jifdal biss rovina, eluf ta’ tfal mingħajr edukazzjoni, għadd kbir ta’ mwiet innoċenti – numru kbir, u ħafna flus fil-bwiet tat-traffikanti tal-armi.

Darba Ġesù qal: ‘Ma tistgħux taqdu żewġ sidien: jew Alla jew il-flus!’ Il-gwerra hi proprju l-għażla tal-flus: ‘Ejjew nagħmlu l-armi biex nibbilanċjaw l-ekonomija u nibqgħu għaddejjin b’dak li jinteressa lilna biss.’

Hemm kelma kerha li jgħid il-Mulej: ‘Misħutin!’ Għaliex Hu kien qal: ‘Imberkin dawk li jġibu l-paċi’! Dawn li moħħhom fil-gwerra, li jiġġieldu, huma misħutin, huma delinkwenti. Il-gwerra nistgħu niġġustifikawha, bir-riżervi, b’ħafna argumenti. Imma meta d-dinja kollha, bħalma qed jiġri llum, tinsab fi gwerra – id-dinja kollha, din hija gwerra dinjija bil-biċċiet, hawn, hemm, kullimkien – għal dan m’hemmx ġustifikazzjoni. Alla qed jibki. Ġesù qed jibki.

U waqt li t-traffikanti tal-armi qed jagħmlu dan, hemm l-imsejkna operaturi tal-paċi, li biex jgħinu mqar persuna, jagħtu ħajjithom. L-istess kif għamlet ikona ta’ żmienna, Madre Tereża ta’ Kalkutta, li kontriha, osserva Franġisku, biċ-ċiniżmu tas-setgħanin jista’ jingħad: Imma x’għamlet dik il-mara? Ħliet ħajjitha tgħin lin-nies imutu. It-triq tal-paċi ma tinftiehemx….

Jagħmlilna tajjeb lilna wkoll, nitolbu l-grazzja li nkunu nafu nibku, qal il-Papa, għal din id-dinja li ma tagħrafx it-triq tal-paċi, li tgħix biex tagħmel il-gwerra, u ċinikament tgħid li ma tridhiex!

Ejjew nitolbu għall-konverżjoni tal-qlub, issa li ninsabu fil-bieb tal-Ġublew tal-Ħniena, biex l-hena tagħna, il-ferħ tagħna, ikunu l-grazzja li d-dinja ssib mill-ġdid il-ħila li tibki għall-krimini tagħha, għal dak li ġġib bil-gwerer.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s