Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-qawwa tal-Knisja tinsab fil-kelma ta’ Ġesù mhux fl-adorazzjoni tat-tixħim korrott


Il-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Il-Knisja m’għandhiex tkun marbuta mal-flus u mal-poter, m’għandhiex tadura t-tixħim bil-flus, għax il-qawwa tagħha u l-ferħ tagħha għandhom ikunu l-kelma ta’ Ġesù.

 

Bi spunt mill-ewwel qari tal-liturġija tal-lum meħuda mill-Ktieb tal-Makkabej, li tirrakkonta l-ferħ tal-poplu meta t-Tempju ġie kkonsagrat mill-ġdid wara li kien safa pprofanat mill-pagani u mill-ispirtu mondan, il-Papa Franġisku kkummenta dwar ir-rebħa tal-poplu wara li kien ippersegwitat mill-idea tal-ħsieb uniku.

Il-poplu t’Alla jifraħ u jagħmel festa għax jikseb lura l-identità tiegħu. Il-Papa spjega li l-mondanità ma tafx tagħmel festa u ma tistax tagħmilha. L-ispirtu mondan l-aktar li jasal hu li jipprovdi xi ftit divertiment, ftit storbju, imma l-ferħ veru jiġi mill-fedeltà lejn il-Patt

Fil-Vanġelu Ġesù jkeċċi l-bejjiegħa mit-Tempju u jgħidilhom: ‘Hemm miktub li dari hi dar it-talb. Intom għamiltuha għar tal-ħallelin.’ L-istess bħal fi żmien il-Makkabej, l-ispirtu tad-dinja kien ħa post il-qima lejn Alla ħaj. Imma issa dan isir mod ieħor.

Il-kapijiet tat-Tempju, il-kapijiet tas-saċerdoti, jgħid il-Vanġelu, flimkien mal-Iskribi, kienu bidlu xi ftit l-affarijiet. Kienu daħlu fi proċess ta’ degradazzjoni u ħammġu t-Tempju. It-Tempju hu xbieha tal-Knisja u l-Knisja, dejjem u dejjem, se jibqa’ jkollha t-tentazzjoni tal-mondanità, tal-poter li mhux il-poter li jrid għaliha Ġesù Kristu.

Ġesù ma jgħidx:’Dan ma jsirx hekk, neħħuh.’ Ġesù jgħid: ‘Għamiltu t-Tempju għar tal-ħallelin.’ U meta l-Knisja tibda miexja fi proċess ta’ degradazzjoni bħal dan, it-tmiem ikun ikrah ħafna. Ħafna u ħafna! Il-periklu hu l-koruzzjoni.

Fil-Knisja dejjem hemm it-tentazzjoni tal-korruzzjoni. Il-korruzzjoni tidħol meta l-Knisja, minflok ma tkun marbuta mal-fedeltà lejn il-Mulej Ġesù, il-Mulej tal-paċi, tal-ferħ u tas-salvazzjoni, tkun marbuta mal-flus u mal-poter.

Dak hu li jiġri f’dan il-Vanġelu. Dawn il-kapijiet tas-saċerdoti, l-Iskribi, kienu moħħhom fil-flus, fil-poter, u kienu nsew l-Ispirtu. U biex jiġġustifikaw ruħhom u jsostnu li kienu tajbin, bidlu l-ispirtu tal-libertà tal-Mulej f’riġidità lejn l-ubbidjenza tar-regoli. In-nies kienu tilfu s-sens ta’ Alla u anke l-ħila li jifirħu u li jfaħħru: ma kinux jafu jfaħħru ‘l Alla għax kienu marbutin biss mal-flus u mal-poter, ma’ għamla ta’ mondanità kif naqraw li kien ġara fl-Antik Testment.

L-Iskribi u l-Fariżej jimtlew bl-għadab għal Ġesù. Ġesù ma jkeċċix ‘il barra mit-Tempju lis-saċerdoti, lill-Iskribi, imma lin-negozjanti tat-Tempju. Imma l-kapijiet tat-tempju u l-Iskribi kienu ħaġa waħda magħhom għax kienu mxaħħmin. Kienu moħħhom fl-idolu tal-flus u kienu jqimuhom daqslikieku kienu xi ħaġa qaddisa.

Il-Vanġelu hu iebes ħafna, jgħid: ‘Il-kapijiet tas-saċerdoti u l-Iskribi bdew ifittxu kif se joqtlu lil Ġesù.’ L-istess bdew ifittxu li jagħmlu l-kapijiet tal-poplu. L-istess ħaġa ġralu Ġuda l-Makkabew. Għaliex? Ir-raġuni kienet din: għax ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu minħabba li l-poplu kollu kien imdendel ma’ xufftejh biex jisimgħu.

Il-qawwa ta’ Ġesù kienet il-kelma tiegħu, ix-xhieda tiegħu, imħabbtu. U fejn hemm Ġesù, kompla jgħid il-Papa Franġisku, m’hemmx lok għall-mondanità, m’hemmx lok għall-korruzzjoni. Din hi l-ġlieda ta’ kull wieħed u waħda minna, hi l-battalja ta’ kuljum li għandha l-Knisja: Ġesù dejjem, dejjem imdendlin ma’ xufftejh biex nisimgħu kelmtu u qatt ma nfittxu ċ-ċertezzi tagħna fejn hemm affarijiet ta’ sid ieħor. Ġesù kien qalilna li ma nistgħux naqdu żewġ sidien: jew Alla jew ir-rikkezzi, jew Alla jew il-poter.

Jagħmlilna tajjeb, temm il-Papa, li nitolbu għall-Knisja. Naħsbu fl-għadd kbir ta’ martri tal-lum li, biex ma jintrikbux minn dan l-ispirtu ta’ mondanità, tal-ħsieb uniku, tal-apostasija, ibatu u jmutu. Illum! Illum hawn aktar martri fil-Knisja milli kien hemm f’dik bikrija. Naħsbu ftit. Jagħmlilna tajjeb naħsbu fihom u nitolbu l-grazzja li qatt u qatt ma nċedu għal dan il-proċess ta’ degradazzjoni lejn il-mondanità li hi r-rabta mal-flus u mal-poter.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s