Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-Knisja tkun fidila jekk it-teżor tagħha huwa Ġesù mhux is-serħan ir-ras tad-dinja

Il-Knisja tkun fidila jekk it-teżor tagħha huwa Ġesù mhux is-serħan ir-ras tad-dinja


It-Tnejn, 23 ta’ Novembru 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Il-Knisja tkun fidila jekk it-teżor waħdieni tagħha, jekk l-interess waħdieni tagħha hu Ġesù, imma jekk tfittex iċ-ċertezza fil-ħwejjeġ tad-dinja tkun bierda u medjokri, afferma l-Papa Franġisku dalgħodu, waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Il-Vanġelu tal-lum ikellimna dwar l-armla fqajra li titfa’ biċċtejn flus żgħar fit-teżor tat-Tempju waqt li s-sinjuri jiddandnu bl-offerti kbar li jagħtu. Ġesù jafferma li din l-armla fqira tefgħet aktar mill-oħrajn kollha għax dawk taw miż-żejjed tagħhom filwaqt li hi, fil-miżerja li kienet tgħix fiha, tat kull ma’ kellha biex tgħix.

Fil-Bibbja, ikkummenta l-Papa, l-armla hi l-mara waħedha li m’għandhiex lil żewġha biex iħarisha; il-mara li tirranġa kif tista’, li tgħix mill-karità. L-armla ta’ dan il-Vanġelu kienet armla li t-tama waħdanija tagħha kienet fil-Mulej. Jien inħobb nara, fir-romol tal-Vanġelu, osserva Franġisku, ix-xbieha ta’ Knisja armla li qed tistenna l-miġja lura ta’ Ġesù.

Il-Knisja hi l-għarusa ta’ Ġesù, imma l-Għarus tagħha telaq u l-uniku teżor li għandha hu l-Mulej tagħha. U meta l-Knisja tkun fidila, tħalli kollox biex tistenna lill-Mulej. Inkella, jekk il-Knisja ma tkunx fidila, jew ma tantx tkun fidila, jew m’għandhiex wisq fidi fl-imħabba tal-Għarus tagħha, tipprova tirranġa permezz ta’ affarijiet oħra, tfittex iċ-ċertezzi band’oħra, aktar f’dawk tad-dinja milli f’dawk t’Alla.

Ir-romol tal-Vanġelu, kompla jgħid il-Papa, jgħaddulna messaġġ sabiħ ta’ Ġesù dwar il-Knisja.

Hemm dik li kienet ħierġa minn Najn, waħedha mat-tebut ta’ binha. Veru li n-nies ġentilment kienu qed jakkumpanjawha, imma qalbha kienet waħedha! Il-Knisja hija armla li tibki meta wliedha jmutu għall-ħajja ta’ Ġesù.

Hemm l-oħra li, biex tiddefendi lil uliedha, tmur quddiem l-imħallef inġust, iddejqu għax tħabbatlu biebu kuljum biex titolbu jagħmel ġustizzja! Fl-aħħar jaqta’ s-sentenza! Hija l-Knisja armla li titlob, tinterċedi għal uliedha.
Imma l-qalb tal-Knisja hi dejjem ma’ dik tal-Għarus tagħha, ma’ Ġesù. Hu qiegħed hemm fuq. Ruħna wkoll, skont l-irħieb tad-deżert, tixbah ħafna lill-Knisja: meta ruħna, ħajjitna, hi qrib ta’ Ġesù, u mbiegħda minn ħafna affarijiet mondani, affarijiet li ma jiswewx, li ma jgħinux u li minflok ibiegħdu minn Ġesù.

Dik hi l-Knisja tagħna li tfittex lill-Għarus tagħha, li tistennieH, li tistenna dik il-laqgħa, li tibki għal uliedha, titqabad għal uliedha, tagħti kull ma’ għandha għax l-uniku interess tagħha hu l-Għarus tagħha.

Meta ngħidu li l-Knisja hija armla, spjega l-Papa, infissru li hi Knisja li qed tistenna lil Ġesù, u b’hekk tista’ tkun Knisja fidila lejn din l-istennija, li tistenna bil-fiduċja lil żewġha jerġa’ jiġi. Jew tista’ tkun Knisja li ma tkunx fidila għal dan l-istat ta’ armla u tfittex is-sigurtà f’realtajiet oħra, Knisja bierda, Knisja medjokri, Knisja mondana.

Naħsbu wkoll f’ruħna, ikkonkluda Franġisku: ruħna tfittex is-sigurtà fil-Mulej biss jew tfittex is-serħan tar-ras fi ħwejjeġ li ma jogħġbux lill-Mulej?
F’dawn l-aħħar jiem tas-sena liturġika jagħmlilna tajjeb nistaqsu lilna nfusna kif inhi ruħna: jekk hux bħal din il-Knisja li trid lil Ġesù, jekk ruħna ddurx lejn l-Għarus tagħha u tgħidlu: ‘Ejja, Mulej Ġesù, ejja!’ U jekk aħniex inwarrbu fil-ġenb l-affarijiet kollha li ma jiswewx, li ma jgħinux il-fedeltà.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: